Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R1851

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1851 tat-28 ta’ Mejju 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar l-omoġeneità tal-iskoperturi sottostanti fit-titolizzazzjoni (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2019/3785

ĠU L 285, 6.11.2019, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 06/03/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/1851/oj

6.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 285/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1851

tat-28 ta’ Mejju 2019

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar l-omoġeneità tal-iskoperturi sottostanti fit-titolizzazzjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikulari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 20(14) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 24(21) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tinkiseb diliġenza dovuta robusta mill-investituri, u biex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tagħhom tar-riskji skont l-għanijiet tar-Regolament (UE) 2017/2402, jenħtieġ li l-iskoperturi sottostanti ta’ titolizzazzjoni għandhom jaqsmu l-istess profili tar-riskju simili. Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġu stabbiliti kriterji uniformi biex tiġi determinata l-omoġeneità ta’ aggregament partikulari ta’ skoperturi sottostanti.

(2)

Jenħtieġ li aggregament ta’ skoperturi sottostanti jitqies omoġenju biss meta jinkludi skoperturi ta’ tip wieħed ta’ assi. Għaldaqstant jenħtieġ li tipi ta’ assi distinti jiġu identifikati sabiex l-iskoperturi jkunu jistgħu jiġu assenjati skont dan. Il-prattika tas-swieq diġà identifikat tipi ta’ assi stabbiliti sew biex tiġi determinata l-omoġeneità ta’ aggregament partikulari ta’ skoperturi sottostanti. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li l-innovazzjoni finanzjarja ma tkunx limitata u l-prattika tas-swieq eżistenti ma tiġix imfixkla, jenħtieġ li aggregamenti partikulari ta’ skoperturi sottostanti li ma jikkorrispondux għal wieħed minn dawn it-tipi ta’ assi stabbiliti sew jitħallew jitqiesu wkoll bħala tip uniku ta’ assi abbażi tal-metodoloġiji u l-parametri interni li huma applikati b’mod konsistenti mill-oriġinatur jew mill-isponsor. Huwa possibbli wkoll li skopertura waħda tippermetti assenjar għal aktar minn tip wieħed ta’ assi. Minkejja dan, jenħtieġ li l-iskoperturi sottostanti kollha f’titolizzazzjoni partikulari jappartjenu għall-istess tip ta’ assi.

(3)

L-istandards ta’ sottoskrizzjoni huma mfassla biex ikejlu u jivvalutaw ir-riskju ta’ kreditu assoċjat mal-iskoperturi sottostanti għal titolizzazzjoni u għalhekk huma indikaturi utli tal-omoġeneità ta’ dawk l-iskoperturi. Skont dan, jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ standards ta’ sottoskrizzjoni simili tintuża bħala indikatur li aggregament ta’ skoperturi sottostanti jkollha profili ta’ riskju simili filwaqt li l-applikazzjoni tal-istandards ta’ sottoskrizzjoni li mhumiex simili jistgħu jirriżultaw fi skoperturi bi profili ta’ riskji materjalment differenti, anke jekk dawn l-istandards ta’ sottoskrizzjoni huma kollha ta’ kwalità għolja.

(4)

Is-servizzjar tal-iskoperturi sottostanti, inkluż il-monitoraġġ, il-ġbir u l-amministrazzjoni tal-flus riċevibbli mill-iskoperturi sottostanti fuq in-naħa tal-assi tal-SSPE, għandha impatt sostanzjali fuq il-flussi tal-flus mistennija minn dawk l-iskoperturi sottostanti u għaldaqstant tiffaċilita l-projezzjonijiet tal-flussi tal-flus u tippermetti li l-investituri jkollhom suppożizzjonijiet statistikament affidabbli dwar karatteristiċi ta’ pagament u ta’ inadempjenza. Irrispettivament minn jekk is-servizzjar huwiex amministrat mill-oriġinatur, mill-oriġinaturi u minn parti terza jew partijiet terzi, jenħtieġ li l-amministrazzjoni tas-servizzjar tal-aggregament tal-iskoperturi sottostanti permezz ta’ proċeduri, sistemi u governanza simili tkun kundizzjoni neċessarja għar-rikonoxximent tal-aggregament tal-iskoperturi sottostanti bħala omoġenji. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-iskoperturi sottostanti fl-aggregament ikunu soġġetti għall-proċeduri ta’ servizzjar li huma simili biżżejjed biex investitur ikun jista’ jivvaluta b’mod kunfidenti l-impatt tas-servizzjar fi ħdan parametri simili.

(5)

Għal ċerti tipi ta’ assi, l-investituri jistgħu ma jkunux kapaċi jivvalutaw b’mod xieraq ir-riskji sottostanti tal-aggregament tal-iskoperturi sottostanti abbażi biss tal-użu ta’ servizzjar u standards ta’ sottoskrizzjoni simili. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġu applikati ċerti fatturi għal xi tipi ta’ assi biex tiġi żgurata valutazzjoni preċiża tal-omoġeneità. Għaldaqstant, jenħtieġ li oriġinatur jew sponsor japplika fattur rilevanti wieħed jew aktar fuq bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li jqis it-tip ta’ titolizzazzjoni (jiġifieri titolizzazzjoni ABCP jew mhux ABCP), il-karatteristiċi speċifiċi għall-aggregament partikulari ta’ skoperturi sottostanti u jekk l-investituri humiex kapaċi jivvalutaw ir-riskji sottostanti tal-aggregament li jirriżulta abbażi ta’ metodoloġiji u parametri komuni. Madankollu, it-tipi ta’ assi “faċilitajiet ta’ kreditu għall-individwi għal finijiet ta’ konsum personali, familjali jew tal-unitajiet domestiċi” u “riċevibbli tan-negozju” huma meqjusa omoġenji biżżejjed bħala tipi ta’ assi, sakemm japplikaw ukoll standards ta’ sottoskrizzjoni u proċeduri ta’ servizzjar. L-applikazzjoni ta’ rekwiżiti addizzjonali għal dawk it-tipi ta’ assi fil-forma ta’ fatturi ta’ omoġeneità jwasslu għal konċentrazzjonijiet eċċessivi fil-portafolli titolizzati. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tal-fatturi ta’ omoġeneità ma għandhiex tkun meħtieġa għal dawk it-tipi ta’ assi.

(6)

Meta l-iskoperturi sottostanti jibdlu l-karatteristiki tagħhom fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ omoġeneità, inklużi l-fatturi ta’ omoġeneità, minħabba raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-oriġinatur jew tal-isponsor, u mhux minħabba ta’ żball min-naħa tal-oriġinatur, jenħtieġ li dan ma jitqiesx li jkollu impatt fuq l-omoġeneità tal-aggregament, sakemm l-iskoperturi jkunu mod ieħor konformi mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament fil-ħin tal-oriġinazzjoni tat-titolizzazzjoni u din il-bidla sseħħ wara l-oriġinazzjoni tat-titolizzazzjoni Minħabba li l-kundizzjonijiet biex tiġi determinata l-omoġeneità tal-iskoperturi sottostanti huma rilevanti kemm għat-titolizzazzjonijiet ABCP kif ukoll dawk mhux ABCP, jenħtieġ li japplikaw dispożizzjonijiet uniformi għaż-żewġ tipi ta’ titolizzazzjoni, irrispettivament mill-fatturi ta’ omoġeneità individwali li jistgħu jkunu rilevanti biss għal ċerti tipi ta’ assi ta’ titolizzazzjonijiet ABCP jew mhux ABCP.

(7)

Id-dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament huma marbuta mill-qrib billi jindirizzaw l-omoġeneità kemm għat-titolizzazzjonijiet ABCP kif ukoll dawk mhux ABCP. Sabiex jiżguraw koerenza bejn dawk id-dispożizzjonijiet, li għandhom jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin, u sabiex tiġi ffaċilitata perspettiva komprensiva u aċċess kumpatt għalihom minn persuni soġġetti għal dawk l-obbligi, huwa xieraq li ż-żewġ standards tekniċi regolatorji kollha dwar l-omoġeneità meħtieġa mir-Regolament (UE) 2017/2402 jiġu inklużi f’Regolament wieħed. Dan ir-Regolament hu bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati mill-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni.

(8)

L-Awtorità Bankarja Ewropea ħadmet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) qabel ma ppreżentat l-abbozzi tal-istandards tekniċi li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament. Hija wettqet ukoll konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Omoġeneità tal-iskoperturi sottostanti

Għall-finijiet tal-Artikoli 20(8) u 24(15) tar-Regolament (UE) 2017/2402, l-iskoperturi sottostanti għandhom jitqiesu omoġenji meta jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

jikkorrispondu għal wieħed minn dawn it-tipi ta’ assi:

(i)

is-self residenzjali li huwa żgurat minn self ipotekarju wieħed jew aktar fuq proprjetà immobbli residenzjali jew li huwa garantit bis-sħiħ minn fornitur tal-protezzjoni eliġibbli fost dawk imsemmija fl-Artikolu 201(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u li jikkwalifika għall-iskala 2 jew aktar tal-kwalità kreditizja kif stabbilit fil-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 2 ta’ dak ir-Regolament;

(ii)

is-self kummerċjali li huwa żgurat minn self ipotekarju wieħed jew aktar fuq proprjetà immobbli kummerċjali, inklużi uffiċċji jew bini kummerċjali ieħor;

(iii)

faċilitajiet ta’ kreditu mogħtija għal individwi għal finijiet ta’ konsum personali, familjali jew ta’ unitajiet domestiċi;

(iv)

faċilitajiet ta’ kreditu, inklużi self u lokazzjonijiet, fornuti għal kwalunkwe tip ta’ impriża jew korporazzjoni;

(v)

self u lokazzjoni ta’ karozzi;

(vi)

riċevibbli tal-karti ta’ kreditu;

(vii)

riċevibbli tan-negozju;

(viii)

skoperturi sottostanti oħrajn li huma meqjusa mill-oriġinatur jew mill-isponsor li jikkostitwixxu tip ta’ assi distint abbażi ta’ metodoloġiji u parametri interni;

(b)

dawn huma sottoskritti skont l-istandards li japplikaw approċċi simili għall-valutazzjoni tar-riskju ta’ kreditu assoċjat;

(c)

dawn huma servizzjati skont proċeduri simili għall-monitoraġġ, il-ġbir u l-amministrazzjoni tar-riċevibbli tal-flus fuq in-naħa tal-assi tal-SSPE;

(d)

fattur tal-omoġeneità wieħed jew aktar jiġu applikati skont l-Artikolu 2.

Għall-finijiet tal-punt (a) ta’ dan l-Artikolu, meta skopertura sottostanti tikkorrispondi għal aktar minn tip wieħed ta’ assi, dik l-iskopertura għandha tiġi assenjata għal tip wieħed biss ta’ assi f’dik it-titolizzazzjoni.

Kwalunkwe bidla fl-iskoperturi sottostanti f’aggregament li jitqies omoġenju skont dan ir-Regolament ma għandhiex taffettwa din l-omoġeneità meta dawn il-bidliet ikunu dovuti għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-oriġinatur jew tal-isponsor.

Artikolu 2

Fatturi ta’ omoġeneità

1.   Il-fatturi ta’ omoġeneità għat-tip ta’ assi msemmija fl-Artikolu 1(a)(i) għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

il-klassifikazzjoni tad-drittijiet ta’ sigurtà, li permezz tagħha l-aggregament tal-iskoperturi sottostanti jikkonsisti f’wieħed biss minn dawn li ġejjin:

(i)

self żgurat bi drittijiet ta’ sigurtà fuq proprjetà immobbli residenzjali kklassifikati fuq nett;

(ii)

self żgurat bi drittijiet fuq proprjetà immobbli residenzjali kklassifikati aktar ’l isfel u dawk kollha klassifikati preċedentment;

(iii)

self żgurat bi drittijiet ta’ sigurtà fuq proprjetà immobbli residenzjali kklassifikati aktar ’l isfel;

(b)

tip ta’ proprjetà immobbli residenzjali, li permezz tagħha l-aggregament jikkonsisti f’wieħed biss minn dawn it-tipi li ġejjin:

(i)

proprjetajiet li jipproduċu dħul;

(ii)

proprjetajiet li ma jipproduċux dħul;

(c)

ġuriżdizzjoni, li permezz tagħha l-aggregament jikkonsisti fi skoperturi żgurati minn proprjetajiet immobbli residenzjali li jinsabu fl-istess ġuriżdizzjoni.

2.   Il-fatturi ta’ omoġeneità għat-tip ta’ assi msemmija fl-Artikolu 1(a)(ii) għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

il-klassifikazzjoni tad-drittijiet ta’ sigurtà, li permezz tagħha l-aggregament jikkonsisti f’wieħed biss minn dawn it-tipi ta’ skoperturi sottostanti li ġejjin:

(i)

self żgurat bi drittijiet ta’ sigurtà fuq proprjetà immobbli kummerċjali kklassifikati fuq nett;

(ii)

self żgurat bi drittijiet fuq proprjetà immobbli kummerċjali kklassifikati aktar ’l isfel u dawk kollha klassifikati preċedentment;

(iii)

self żgurat bi drittijiet ta’ sigurtà fuq proprjetà immobbli kummerċjali kklassifikati aktar ’l isfel;

(b)

tip ta’ proprjetà immobbli kummerċjali, li permezz tagħha l-aggregament jikkonsisti f’wieħed biss minn dawn it-tipi li ġejjin:

(i)

binjiet ta’ uffiċċji;

(ii)

spazju għall-bejgħ bl-imnut;

(iii)

sptarijiet;

(iv)

faċilitajiet tal-ħżin;

(v)

lukandi;

(vi)

proprjetajiet industrijali;

(vii)

tip speċifiku ieħor ta’ proprjetajiet immobli kummerċjali;

(c)

ġuriżdizzjoni, li permezz tagħha l-aggregament jikkonsisti fi skoperturi sottostanti żgurati minn proprjetajiet li jinsabu fl-istess ġuriżdizzjoni.

3.   Il-fatturi ta’ omoġeneità għat-tip ta’ assi msemmija fl-Artikolu 1(a)(iv) għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

tip ta’ obbligant, li permezz tiegħu l-aggregament jikkonsisti f’wieħed biss minn dawn it-tipi ta’ obbliganti:

(i)

impriżi mikro, żgħar u medji;

(ii)

tipi oħrajn ta’ impriżi u korporazzjonijiet;

(b)

ġuriżdizzjoni, li permezz tagħha l-aggregament jikkonsisti f’wieħed biss minn dawn it-tipi ta’ skoperturi sottostanti li ġejjin:

(i)

skoperturi żgurati minn proprjetà immobbli li tinsab fl-istess ġuriżdizzjoni;

(ii)

skoperturi għall-obbliganti b’residenza fl-istess ġuriżdizzjoni.

4.   Il-fatturi ta’ omoġeneità għat-tip ta’ assi msemmija fl-Artikolu 1(a)(v) għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

tip ta’ obbligant, li permezz tiegħu l-aggregament jikkonsisti fi skoperturi sottostanti b’tip wieħed biss minn dawn it-tipi ta’ obbliganti:

(i)

individwi;

(ii)

impriżi mikro, żgħar u medji;

(iii)

tipi oħrajn ta’ impriżi u korporazzjonijiet;

(iv)

entitajiet tas-settur pubbliku;

(v)

istituzzjonijiet finanzjarji;

(b)

ġuriżdizzjoni, li permezz tagħha l-aggregament jikkonsisti fi skoperturi sottostanti għal obbliganti b’residenza fl-istess ġuriżdizzjoni.

5.   Il-fatturi ta’ omoġeneità għat-tip ta’ assi msemmija fl-Artikolu 1(a)(vi) għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

tip ta’ obbligant, li permezz tiegħu l-aggregament jikkonsisti fi skoperturi sottostanti b’tip wieħed biss minn dawn it-tipi ta’ obbliganti:

(i)

individwi;

(ii)

impriżi mikro, żgħar u medji;

(iii)

tipi oħrajn ta’ impriżi u korporazzjonijiet;

(iv)

entitajiet tas-settur pubbliku;

(v)

istituzzjonijiet finanzjarji;

(b)

ġuriżdizzjoni, li permezz tagħha l-aggregament jikkonsisti fi skoperturi sottostanti għal obbliganti b’residenza fl-istess ġuriżdizzjoni.

6.   Il-fatturi ta’ omoġeneità għat-tip ta’ assi msemmija fl-Artikolu 1(a)(viii) għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

it-tip ta’ obbligant;

(b)

il-klassifikazzjoni tad-drittijiet ta’ sigurtà;

(c)

it-tip ta’ proprjetà immobbli;

(d)

ġuriżdizzjoni.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Mejju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).


Top