Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R1812

    Regolament Ta’ Implimentazzjoni Tal-Kummissjoni (UE) 2019/1812 tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    C/2019/7715

    ĠU L 278, 30.10.2019, p. 4–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/1812/oj

    30.10.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 278/4


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1812

    tat-23 ta’ Ottubru 2019

    dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jenħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

    (3)

    Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

    (4)

    Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta’ tliet xhur.

    (5)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.

    Artikolu 2

    L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2019.

    Għall-Kummissjoni

    F’isem il-President,

    Stephen QUEST

    Direttur Ġenerali

    Id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


    (1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


    ANNESS

    Deskrizzjoni tal-prodotti

    Klassifikazzjoni (Kodiċi - NM)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    Flixkun tal-ilma li jista’ jerġa’ jintuża magħmul minn ħġieġ tal-borosilikat trasparenti, b’tapp bil-kamin magħmul mill-azzar inossidabbli. It-tapp għandu o-ring intern magħmul mis-silikon li jipprovdi ssiġillar impermeabbli. Il-flixkun għandu ħolqa biex jinġarr minnha mwaħħla mat-tapp u huwa mdawwar bi strixxa tas-silikonu li ma tiżloqx u tista’ titneħħa, għall-użu konvenjenti.

    Il-flixkun għandu għoli ta’ madwar 220 mm u dijametru ta’ 60 mm. Id-dijametru tal-għonq huwa ta’ madwar 30 mm. Il-kapaċità massima tal-flixkun hija 0,6 l.

     (*1) Ara l-istampi.

    7013 99 00

    Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u l-kliem tal-kodiċijiet NM 7013 u 7013 99 00 .

    Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 7010 bħala fliexken, karaffi u għeluq ieħor, tal-ħġieġ, ta’ tip użati għall-ġarr jew ippakkjar ta’ merkanzija, huwa eskluż, peress li l-oġġett ma jintużax kummerċjalment b’mod komuni (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (HSEN) tal-intestatura 7010, l-ewwel paragrafu, HSEN tal-intestatura 7013, l-aħħar paragrafu, il-punt (b), kif ukoll l-opinjoni tal-klassifikazzjoni tas-Sistema Armonizzata 3924.90/2).

    Għaldaqstant, l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 7013 99 00 bħala oġġetti oħra tal-ħġieġ tat-tip użat għall-mejda, kċina, twaletta, uffiċċju, tiżjin ta’ ġewwa jew għal għanijiet simili.

    Image 1


    (*1)  L-istampi għandhom jintużaw biss għal finijiet ta’ informazzjoni.


    Top