Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R1804

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1804 tat-28 ta’ Ottubru 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 f’dak li għandu x’jaqsam mal-emendi tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas, mal-verifiki fil-kuntest tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u mas-sistema ta’ kontroll b’rabta mal-kundizzjonalità

    C/2019/7625

    ĠU L 276, 29.10.2019, p. 12–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2022; Impliċitament imħassar minn 32022R1173

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/1804/oj

    29.10.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 276/12


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1804

    tat-28 ta’ Ottubru 2019

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 f’dak li għandu x’jaqsam mal-emendi tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas, mal-verifiki fil-kuntest tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u mas-sistema ta’ kontroll b’rabta mal-kundizzjonalità

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b’mod partikulari l-punti (a) sa (d) u l-punt (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(2), il-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 78 u l-Artikolu 96(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 (2), f’ċirkustanzi ġġustifikati kif xieraq, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-benefiċjarji tal-pagament għal prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jimmodifikaw l-applikazzjonijiet uniċi tagħhom b’rabta mal-użu tal-ħbula raba’ ddikjarati wara d-data finali għat-tressiq tal-applikazzjoni unika. Matul l-istaġun tat-tkabbir, il-benefiċjarji jaf ikollhom bżonn jadattaw il-pjan ta’ kultivazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-għalla jew mal-post fejn tinsab. Dan jista’ jkun minħabba kundizzjonijiet tat-temp li jkunu nbidlu jew minħabba kundizzjonijiet agrikoli oħrajn. Il-benefiċjarji tal-pagament imsemmi fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jistgħu jkunu f’sitwazzjoni simili, b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam mal-għelejjel tat-titwiq. Għalhekk, huwa xieraq ukoll li l-Istati Membri jitħallew jawtorizzaw lil dawn il-benefiċjarji jemendaw l-applikazzjoni unika jew it-talba għall-ħlas f’dak li għandu x’jaqsam mal-użu tal-ħbula raba’ ddikjarati għall-finijiet tal-pagament imsemmi fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013. Barra minn hekk, jenħtieġ li dan il-paragrafu jitħassar mill-Artikolu 14 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 u jiddaħħal fl-Artikolu 15 tiegħu, minħabba li dan għandu x’jaqsam ma’ emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas. Jenħtieġ li jiġi ċċarat ukoll li dawn l-emendi jistgħu jsiru wara li jkunu għaddew l-iskadenzi ġenerali għan-notifika tal-emendi u li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu skadenza finali għan-notifika tagħhom.

    (2)

    L-Artikolu 15(1b) jipprevedi emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas meta jsiru verifiki permezz tal-monitoraġġ. Huwa xieraq li jiġi ċċarat li din id-dispożizzjoni tirreferi għall-possibbiltà li jiġu emendati l-applikazzjoni unika jew it-talbiet għall-ħlas wara r-riżultati provviżorji tal-verifiki permezz tal-monitoraġġ. Jenħtieġ li jiġi speċifikat ukoll x’jistgħu jkopru dawn l-emendi.

    (3)

    L-Artikolu 15(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 jistabbilixxi l-iskadenza għall-emenda tal-applikazzjoni unika jew tat-talba għall-ħlas. L-Artikolu 15(3) ta’ dak ir-Regolament jistabbilixxi s-sitwazzjonijiet li fihom ma tkunx tista’ tiġi emendata iktar l-applikazzjoni unika jew it-talba għall-ħlas. Dawn ir-regoli ma japplikawx f’każ li l-benefiċjarji jsirulhom verifiki permezz tal-monitoraġġ, minħabba l-ispeċifiċitajiet ta’ dawn it-tipi ta’ verifiki. Għalhekk huwa xieraq li jiġi ċċarat meta dawn il-benefiċjarji jistgħu jagħmlu t-tali emendi. Barra minn hekk, huwa xieraq li l-awtoritajiet kompetenti jitħallew jistabbilixxu d-data għan-notifika tat-tali emendi fil-livell tal-iskema tal-għajnuna, tal-miżura ta’ appoġġ jew tat-tip ta’ operazzjoni ċċekkjata permezz tal-monitoraġġ.

    (4)

    L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jwettqu l-verifiki permezz tal-monitoraġġ għal ċerti skemi tal-għajnuna, għal ċerti miżuri ta’ appoġġ, għal ċerti tipi ta’ operazzjonijiet jew għal ċerti rekwiżiti u standards rilevanti għall-kundizzjonalità, filwaqt li jżommu l-verifiki fuq il-post ibbażati fuq il-kampjuni għal skemi, miżuri, tipi ta’ operazzjonijiet jew rekwiżiti u standards oħrajn. Dan jista’ jwassal għal sitwazzjonijiet fejn il-verifiki permezz tal-monitoraġġ jiżvelaw sejbiet li jkunu rilevanti biex tiġi stabbilita l-konformità mar-regoli tal-iskemi, tal-miżuri, tat-tipi ta’ operazzjonijiet jew tal-istandards u tar-rekwiżiti rilevanti għall-kundizzjonalità li jsirulhom verifiki bbażati fuq il-kampjuni. Għalhekk huwa xieraq li jiġu previsti regoli dwar kif għandhom jitqiesu dawk is-sejbiet.

    (5)

    Jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-obbligu ta’ kontronotifika previst fl-Artikolu 27 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 japplika wkoll għar-rekwiżiti u għall-istandards rilevanti għall-kundizzjonalità. Għalhekk jenħtieġ li l-Artikolu 27 jiġi emendat kif xieraq.

    (6)

    L-Artikolu 38 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 għandu x’jaqsam mal-kejl taż-żona. Madankollu, il-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu jirreferi għall-possibbiltà li l-verifiki tal-eliġibbiltà u l-kejl taż-żona jiġu limitati għal kampjun magħżul b’mod aleatorju ta’ mill-inqas 50 % tal-ħbula raba’ li għalihom tkun intbagħtet applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-ħlas. Għall-finijiet taċ-ċarezza, jenħtieġ li r-regoli dwar il-verifika tal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà jitħassru mill-Artikolu 38 u jiddaħħlu fl-Artikolu 39.

    (7)

    L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jwettqu l-verifiki permezz tal-monitoraġġ għal ċerti skemi tal-għajnuna, għal ċerti miżuri ta’ appoġġ jew għal ċerti tipi ta’ operazzjonijiet skont l-Artikolu 40a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, filwaqt li jżommu l-verifiki fuq il-post ibbażati fuq il-kampjuni li jinkludu l-kejl taż-żona msemmi fl-Artikolu 38 ta’ dak ir-Regolament għal skemi, miżuri jew operazzjonijiet oħrajn. Dan jista’ jwassal għal sitwazzjonijiet fejn ħabel raba’ mkejjel skont il-verifika fuq il-post ibbażata fuq il-kampjuni jkun differenti miż-żona stabbilita bħala l-bażi għall-kalkolu tal-appoġġ jew tal-għajnuna meta jiġu applikati l-verifiki permezz tal-monitoraġġ. Għalhekk jenħtieġ li l-Artikolu 38 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 jiċċara liema żona tipprevali f’dawn il-każijiet.

    (8)

    Il-ħbula raba’ kollha ddikjarati minn benefiċjarju u magħżula għal verifika fuq il-post iridu jitkejlu skont l-Artikolu 38 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 u l-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà tagħhom iridu jiġu vverifikati skont l-Artikolu 39 tal-istess Regolament. Dawn jinkludu l-ħbula raba’ l-kbar li jkunu bwar permanenti jew mergħat permanenti li jkunu jintużaw b’mod komuni minn diversi benefiċjarji, li jistgħu jinvolvu ammont kbir ta’ xogħol għall-awtoritajiet kompetenti. Sabiex jiġi limitat l-ammont ta’ xogħol filwaqt li jinżamm livell xieraq ta’ protezzjoni tal-Fondi tal-Unjoni, huwa xieraq li tiġi prevista l-possibbiltà li l-kejl u l-verifiki tal-kriterji tal-eliġibbiltà, tal-impenji u ta’ obbligi oħrajn jiġu sostitwiti b’verifiki bbażati fuq l-ortoimmaġnijiet użati għall-aġġornamenti regolari tas-sistema ta’ identifikazzjoni tal-irqajja’ tal-art u li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li bihom l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jużaw din il-possibbiltà.

    (9)

    Meta l-verifika tal-eliġibbiltà tal-ħbula raba’ matul il-verifiki fuq il-post tal-miżuri tal-iżvilupp rurali tkun limitata għal kampjun magħżul b’mod aleatorju ta’ mill-inqas 50 % tal-ħbula raba’ li għalihom tkun intbagħtet talba għall-ħlas, jista’ jkun li xi wħud mill-kriterji tal-eliġibbiltà, mill-impenji u mill-obbligi l-oħrajn ma jiġux iċċekkjati b’mod adegwat. Għalhekk huwa xieraq li, fl-Artikolu 39 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, jiġi previst li jintgħażel kampjun addizzjonali bbażat fuq ir-riskju li jippermetti li jiġu vverifikati t-tali kriterji ta’ eliġibbiltà, impenji jew obbligi oħrajn.

    (10)

    Għan ewlieni tal-verifiki permezz tal-monitoraġġ huwa li l-benefiċjarji jingħataw appoġġ biex jissodisfaw il-kriterji tal-eliġibbiltà, l-impenji u l-obbligi l-oħrajn u li huma jingħataw il-possibbiltà jirranġaw il-kwistjonijiet li joħorġu minn dawn il-verifiki. Għal dan il-għan, huwa importanti li jiġi ċċarat l-obbligu tal-awtoritajiet kompetenti li jikkomunikaw mal-benefiċjarji fil-ħin, b’mod partikulari dwar it-twissijiet u dwar ir-riżultati provviżorji tal-analiżi awtomatizzata ta’ serje kronoloġika ta’ data satellitari. Għalhekk, jenħtieġ li l-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 40a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 jistabbilixxi l-prinċipji ewlenin dwar il-komunikazzjoni tar-riżultati provviżorji tal-verifiki permezz tal-monitoraġġ min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti.

    (11)

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 40a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 jirreferi għall-ispezzjonijiet fiżiċi. Huwa importanti li jiġi ċċarat li dawn l-ispezzjonijiet fiżiċi ma jimplikawx il-kejl taż-żona sakemm dan ma jkunx meħtieġ biex tinsilet konklużjoni dwar l-eliġibbiltà tal-għajnuna jew tal-appoġġ mitlub.

    (12)

    Meta l-awtoritajiet kompetenti jwettqu verifiki fuq il-post ibbażati fuq il-kampjuni skont l-Artikolu 38 u l-Artikolu 39 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, dawn jistgħu jillimitaw il-verifiki għal kampjun magħżul b’mod aleatorju ta’ mill-inqas 50 % tal-ħbula raba’ li għalihom tkun intbagħtet applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-ħlas. Huwa xieraq li jkun permess l-istess livell ta’ flessibbiltà f’każijiet fejn, skont il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 40a(1), il-verifiki permezz tal-monitoraġġ ikunu jeħtieġu kontroll ibbażat fuq kampjun tal-ħbula raba’ tal-benefiċjarji li lilhom jolqtu l-kriterji li ma jistgħux jiġu mmonitorjati.

    (13)

    Il-proċedura awtomatizzata użata fil-kuntest tal-verifiki permezz tal-monitoraġġ tista’ tiżvela sejbiet li jkunu rilevanti biex tiġi stabbilita l-eliġibbiltà għall-iskemi bbażati fuq iż-żona, għall-miżuri bbażati fuq iż-żona jew għar-rekwiżiti u għall-istandards rilevanti għall-kundizzjonalità li ma jiġux iċċekkjati permezz tal-monitoraġġ. Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jadattaw bla xkiel għall-użu dejjem jiżdied tal-verifiki permezz tal-monitoraġġ, huwa xieraq li dawk l-awtoritajiet jingħataw ċerta flessibbiltà fl-applikazzjoni tar-rekwiżit li jridu jqisu l-informazzjoni rilevanti kollha li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom biex jistabbilixxu jkunux ġew issodisfati l-kriterji tal-eliġibbiltà, l-impenji u l-obbligi l-oħrajn kif ukoll ir-rekwiżiti u l-istandards rilevanti għall-kundizzjonalità jew le. Jenħtieġ li t-tali flessibbiltà tkun limitata fiż-żmien sabiex jiġi żgurat li l-bdiewa jiġu ttrattati bl-istess mod. Għalhekk jenħtieġ li l-Artikolu 40a jiġi emendat kif xieraq. Barra minn hekk, meta jużaw it-tali flessibbiltà, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jqisu s-sejbiet rilevanti għall-għażla tal-parti bbażata fuq ir-riskju tal-kampjun ta’ kontroll tal-iskemi, tal-miżuri jew tat-tipi ta’ operazzjonijiet kif ukoll tal-kundizzjonalità fis-sena tat-talba ta’ wara. Għalhekk jenħtieġ li l-Artikolu 34(2) u (3) u l-Artikolu 69(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 jiġu emendati kif xieraq.

    (14)

    Skont l-Artikolu 40b, l-Istati Membri għandhom l-obbligu jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tagħhom li jibdew iwettqu l-verifiki permezz tal-monitoraġġ u jgħaddulha ċerta data. Sabiex ikun żgurat li n-notifika tkun tinkludi l-informazzjoni ewlenija, li tista’ tevolvi hekk kif l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jestendu l-applikazzjoni tal-verifiki permezz tal-monitoraġġ, jenħtieġ li kull sena, sal-1 ta’ Novembru, il-Kummissjoni tagħti lill-Istati Membri mudell għan-notifiki. Għalhekk huwa xieraq li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40b jiġi emendat kif xieraq. Huwa xieraq ukoll li jitħassar it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40b minħabba li dan kien jirreferi biss għas-sena tat-talba tal-2018 u għalhekk ma għadux jgħodd.

    (15)

    L-Artikolu 40a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 jistabbilixxi l-qafas legali biex il-verifiki fuq il-post relatati maż-żona jiġu sostitwiti b’verifiki permezz tal-monitoraġġ abbażi tad-data satellitari tal-Copernicus Sentinels jew ta’ data oħra li jkollha tal-inqas valur ekwivalenti. Din id-data tista’ tkun rilevanti wkoll biex tiġi stabbilita l-konformità ma’ ċerti rekwiżiti u standards rilevanti għall-kundizzjonalità. Għalhekk, sabiex jitnaqqas il-piż tal-kontrolli u jiġi mmassimizzat l-investiment meħtieġ min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti sabiex il-metodu attwali ta’ verifiki fuq il-post jiġi sostitwit bil-verifiki permezz tal-monitoraġġ, jenħtieġ li jiġi pprovdut qafas legali biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li bihom il-verifiki permezz tal-monitoraġġ jistgħu jieħdu post il-verifiki fuq il-post b’rabta mal-kundizzjonalità.

    (16)

    Huwa xieraq li tiġi stabbilita rata minima ta’ kontroll sabiex jiġi żgurat li l-verifiki marbutin mar-rekwiżiti u mal-istandards rilevanti għall-kundizzjonalità jkunu sodisfaċenti f’ċirkustanzi fejn id-data li jipprovdu s-satelliti Sentinel tal-programm Copernicus ma tkunx rilevanti. Jenħtieġ li l-ispezzjonijiet fiżiċi fuq il-post ikunu meħtieġa biss jekk l-evidenza li tinġabar bl-użu tat-teknoloġiji l-ġodda bħar-ritratti mmarkati bil-post ġeografiku u s-sistemi tal-ajru mingħajr bdot abbord jew l-evidenza dokumentarja rilevanti ma twassalx għal riżultat konklużiv jew jekk l-awtoritajiet kompetenti jantiċipaw li l-ebda waħda minn dawn it-tipi ta’ evidenza mhi se tkun effettiva fil-verifika tar-rekwiżiti u tal-istandards li ma jistgħux jiġu mmonitorjati.

    (17)

    Il-verifiki permezz tal-monitoraġġ jistgħu jappoġġaw ukoll lill-benefiċjarji biex iħarsu r-rekwiżiti u l-istandards rilevanti għall-kundizzjonalità. Dan jista’ jinkiseb billi l-awtoritajiet nazzjonali jintalbu jistabbilixxu għodod xierqa għall-komunikazzjoni fil-ħin tar-riżultati provviżorji tal-verifiki permezz tal-monitoraġġ marbutin mar-rekwiżiti u mal-istandards tal-kundizzjonalità lill-benefiċjarji u billi l-benefiċjarji jingħataw il-possibbiltà jindirizzaw jew jirranġaw is-sitwazzjoni qabel ma jinsiltu l-konklużjonijiet fir-rapport ta’ kontroll. Jenħtieġ li din il-possibbiltà tkun mingħajr ħsara għas-sistema ta’ twissija bikrija prevista fl-Artikolu 99(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

    (18)

    Għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-verifiki permezz tal-monitoraġġ għall-kundizzjonalità, jenħtieġ li jiġi previst obbligu ta’ notifika għall-Istati Membri.

    (19)

    Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 jiġi emendat kif xieraq.

    (20)

    Jenħtieġ li l-flessibbiltà mdaħħla permezz tal-paragrafu 4 l-ġdid tal-Artikolu 40a u permezz tal-Artikolu 70a(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 tibda tapplika mill-1 ta’ Jannar 2019 sabiex tilħaq l-għan tagħha, minħabba li huwa proprju meta l-Istati Membri jibdew japplikaw il-verifiki permezz tal-monitoraġġ u meta jibdew jużaw it-teknoloġija l-ġdida marbuta ma’ dawn il-verifiki li huma jistgħu jiltaqgħu ma’ diffikultà biex jikkonformaw mar-rekwiżit li jqisu l-informazzjoni rilevanti kollha biex jistabbilixxu jkunux ġew issodisfati l-kriterji tal-eliġibbiltà, l-impenji u l-obbligi l-oħrajn kif ukoll ir-rekwiżiti u l-istandards rilevanti għall-kundizzjonalità jew le.

    (21)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Pagamenti Diretti u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 14 jitħassar il-paragrafu 4;

    (2)

    l-Artikolu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 15

    Emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas

    1.   Wara d-data finali ta’ tressiq tal-applikazzjoni unika jew tat-talba għall-ħlas, fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas jistgħu jiżdiedu jew jiġu rranġati l-ħbula raba’ individwali jew id-drittijiet individwali għall-pagamenti, dejjem jekk jitħarsu r-rekwiżiti tal-iskemi ta’ pagament dirett jew tal-miżuri tal-iżvilupp rurali kkonċernati.

    Bl-istess kundizzjonijiet jistgħu jsiru wkoll bidliet marbutin mal-użu tal-iskema ta’ pagament dirett jew tal-miżura tal-iżvilupp rurali għall-ħbula raba’ individwali jew għad-drittijiet għall-pagamenti li jkunu diġà ġew iddikjarati fl-applikazzjoni unika.

    Meta l-emendi msemmijin fl-ewwel u fit-tieni sottoparagrafi jkunu jaffettwaw id-dokumenti ta’ sostenn jew il-kuntratti li jridu jitressqu, it-tali dokumenti jew kuntratti jistgħu jiġu emendati kif xieraq.

    1a.   Meta benefiċjarju jkun ġie nnotifikat dwar ir-riżultati tal-verifiki preliminari kif imsemmi fl-Artikolu 11(4), dak il-benefiċjarju jista’ jemenda l-applikazzjoni unika jew it-talba għall-ħlas sabiex jinkludi l-korrezzjonijiet neċessarji kollha b’rabta mal-irqajja’ individwali skont ir-riżultati ta’ dawk il-kontroverifiki fejn dawn ikunu indikaw potenzjal ta’ nuqqas ta’ konformità.

    1b.   Meta jitwettqu l-verifiki permezz tal-monitoraġġ skont l-Artikolu 40a u l-awtoritajiet kompetenti jkunu kkomunikaw ir-riżultati provviżorji fil-livell tal-irqajja’ kif imsemmi fl-Artikolu 40a(1)(d), il-benefiċjarji jistgħu jemendaw l-applikazzjoni unika jew it-talba għall-ħlas f’dak li għandu x’jaqsam mal-aġġustament jew mal-użu tal-ħbula raba’ individwali ċċekkjati permezz tal-monitoraġġ, dejjem jekk jitħarsu r-rekwiżiti tal-iskemi ta’ pagament dirett jew tal-miżuri tal-iżvilupp rurali kkonċernati. Id-drittijiet individwali għall-pagamenti jistgħu jiżdiedu f’każijiet fejn l-emenda tal-applikazzjoni unika jew tat-talba għall-ħlas twassal għal żieda fiż-żona ddikjarata.

    2.   L-emendi li jsiru skont l-ewwel u t-tieni sottoparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom jiġu nnotifikati lill-awtorità kompetenti sal-31 ta’ Mejju tas-sena kkonċernata, ħlief fil-każ tal-Estonja, tal-Latvja, tal-Litwanja, tal-Finlandja u tal-Iżvezja, fejn għandhom jiġu nnotifikati sal-15 ta’ Ġunju tas-sena kkonċernata.

    B’deroga mill-ewwel sottoparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu data finali iktar bikrija għan-notifika tat-tali emendi. Madankollu, dik id-data għandha tkun tal-inqas 15-il jum kalendarju wara d-data finali għat-tressiq tal-applikazzjoni unika jew tat-talba għall-ħlas stabbilita skont l-Artikolu 13(1).

    B’deroga mill-ewwel u mit-tieni sottoparagrafi, f’ċirkustanzi ġġustifikati kif xieraq, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-benefiċjarju jemenda l-applikazzjoni unika jew it-talba għall-ħlas b’rabta mal-użu tal-ħbula raba’ ddikjarati għall-finijiet tal-pagament għal prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent skont il-Kapitolu 3 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jew tal-pagament skont in-Natura 2000 u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 f’data iktar tard, dejjem jekk dan ma jpoġġix lill-benefiċjarju f’pożizzjoni iktar favorevoli f’dak li għandu x’jaqsam mal-issodisfar tal-obbligi tiegħu abbażi tal-applikazzjoni inizjali. F’dan il-każ, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu data finali għan-notifika ta’ dawn l-emendi lill-awtorità kompetenti.

    It-tali notifiki għandhom isiru bil-miktub jew permezz tal-formola ta’ applikazzjoni għall-għajnuna abbażi ta’ strumenti ġeospazjali.

    2a.   L-emendi li jsiru wara l-verifiki preliminari skont il-paragrafu 1a għandhom jiġu nnotifikati lill-awtorità kompetenti sa mhux iktar tard minn disat ijiem kalendarji wara d-data finali għan-notifika tar-riżultati tal-verifiki preliminari msemmijin fl-Artikolu 11(4) lill-benefiċjarju.

    It-tali notifiki għandhom isiru bil-miktub jew permezz tal-formola ta’ applikazzjoni għall-għajnuna abbażi ta’ strumenti ġeospazjali.

    2b.   L-emendi li jsiru wara l-komunikazzjoni tar-riżultati provviżorji fil-livell tal-irqajja’ kif imsemmi fl-Artikolu 40a(1)(d) skont il-paragrafu 1b għandhom jiġu nnotifikati lill-awtorità kompetenti sad-data stabbilita minn dik l-awtorità kompetenti fil-livell tal-iskema tal-għajnuna, tal-miżura ta’ appoġġ jew tat-tip ta’ operazzjoni. Id-data għandha tkun tal-inqas 15-il jum kalendarju qabel id-data meta jrid isir il-ħlas tal-ewwel ħlas parzjali jew tal-ħlasijiet bil-quddiem skont l-Artikolu 75 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

    It-tali notifiki għandhom isiru bil-miktub jew permezz tal-formola ta’ applikazzjoni għall-għajnuna abbażi ta’ strumenti ġeospazjali.

    3.   Meta l-awtorità kompetenti tkun diġà għarrfet lill-benefiċjarju dwar xi każ ta’ nuqqas ta’ konformità fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas, jew meta hija tkun avżat lill-benefiċjarju li beħsiebha twettaq verifika fuq il-post, jew meta verifika fuq il-post tiżvela xi nuqqas ta’ konformità, l-emendi skont il-paragrafu 1 ma għandhomx ikunu awtorizzati għall-ħbula raba’ affettwati min-nuqqas ta’ konformità.

    Għall-finijiet tal-ewwel sottoparagrafu, l-obbligu previst fl-Artikolu 40a(1)(d) ma għandux jitqies bħala avviż lill-benefiċjarju tal-intenzjoni tal-awtorità kompetenti li twettaq verifika fuq il-post.”;

    (3)

    fl-Artikolu 27, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sejbiet rilevanti kollha li jkunu saru fil-kuntest tal-verifiki dwar il-konformità mal-kriterji tal-eliġibbiltà u mal-impenji u mal-obbligi l-oħrajn tal-iskemi mniżżlin fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u/jew tal-appoġġ mogħti fil-kuntest tal-miżuri tal-iżvilupp rurali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema integrata, u dawk li jkunu saru fil-kuntest tal-verifiki dwar il-konformità mar-rekwiżiti u mal-istandards rilevanti għall-kundizzjonalità, issir kontronotifika dwarhom lill-awtorità kompetenti rilevanti li hija inkarigata mill-għoti tal-pagament korrispondenti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-awtoritajiet ta’ ċertifikazzjoni pubbliċi jew privati msemmijin fl-Artikolu 38 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti li hija inkarigata mill-għoti tal-pagament għal prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent bi kwalunkwe sejba li hija rilevanti għall-għoti t-tajjeb tat-tali pagament lill-benefiċjarji li għażlu li jissodisfaw l-obbligi tagħhom permezz tal-ekwivalenza permezz taċ-ċertifikazzjoni.”;

    (4)

    l-Artikolu 34 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 2, jiżdied ir-raba’ subparagrafu li ġej:

    “Meta l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li tapplika l-għażla prevista fl-Artikolu 40a(4) jew fl-Artikolu 70a(3), is-sejbiet żvelati mill-verifiki permezz tal-monitoraġġ fis-sena tat-talba ta’ qabel għandhom jitqiesu fl-analiżi tar-riskju msemmija fil-punt (d) tat-tieni subparagrafu.”;

    (b)

    fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Għall-finijiet tal-Artikoli 32 u 33, għandhom jingħażlu b’mod aleatorju bejn 20 % u 25 % tal-għadd minimu ta’ benefiċjarji li jridu jsirulhom verifiki fuq il-post u, fil-każijiet fejn japplika l-Artikolu 32(2a), għandhom jingħażlu b’mod aleatorju 100 % tal-entitajiet kollettivi u bejn 20 % u 25 % tal-impenji li jridu jsirulhom verifiki fuq il-post. L-għadd ta’ benefiċjarji u ta’ impenji li jkun għad fadal li jridu jsirulhom verifiki fuq il-post għandu jingħażel abbażi ta’ analiżi tar-riskju. Meta l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li tapplika l-għażla prevista fl-Artikolu 40a(4) jew fl-Artikolu 70a(3), is-sejbiet żvelati mill-verifiki permezz tal-monitoraġġ fis-sena tat-talba ta’ qabel għandhom jitqiesu fl-analiżi tar-riskju.”;

    (5)

    l-Artikolu 38 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Il-kejl proprju tal-ħabel raba’ bħala parti minn verifika fuq il-post jista’ jkun limitat għal kampjun magħżul b’mod aleatorju ta’ mill-inqas 50 % tal-ħbula raba’ li għalihom tkun tressqet applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-ħlas fil-kuntest tal-iskemi tal-għajnuna jew tal-miżuri tal-iżvilupp rurali relatati maż-żona. Meta din il-verifika tal-kampjun tiżvela xi nuqqas ta’ konformità, għandhom jitkejlu l-ħbula raba’ kollha jewinkella għandhom jiġu estrapolati konklużjonijiet mill-kampjun.”;

    (b)

    jiddaħħlu l-paragrafi 9 u 10 li ġejjin:

    “9.   Meta ż-żona eliġibbli mkejla skont il-paragrafi 1 sa 8 tkun differenti miż-żona stabbilita bħala l-bażi għall-kalkolu tal-appoġġ jew tal-għajnuna meta jiġu applikati l-verifiki permezz tal-monitoraġġ skont l-Artikolu 40a, għandha tipprevali ż-żona mkejla skont il-paragrafi 1 sa 8 ta’ dan l-Artikolu.

    10.   Fil-każ speċifiku tal-ħbula raba’ li jkunu bwar permanenti jew mergħat permanenti li jkunu jintużaw b’mod komuni minn diversi benefiċjarji, il-kejl proprju jista’ jiġi sostitwit b’verifiki bbażati fuq l-ortoimmaġnijiet użati għall-aġġornament tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula tar-raba’ msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, dejjem jekk dawk il-verifiki jitwettqu fuq it-tali ħbula raba’ kollha fi żmien perjodu massimu ta’ tliet snin u l-awtorità kompetenti tkun tista’ turi proċeduri operazzjonali effettivi li jikkonformaw mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament u tirkupra l-irkupri kif xieraq.”;

    (6)

    l-Artikolu 39 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Il-verifika tal-kriterji tal-eliġibbiltà, tal-impenji u tal-obbligi l-oħrajn tal-ħbula raba’ bħala parti minn verifika fuq il-post tista’ tkun limitata għal kampjun magħżul b’mod aleatorju ta’ mill-inqas 50 % tal-ħbula raba’ li għalihom tkun tressqet applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-ħlas fil-kuntest tal-iskemi tal-għajnuna jew tal-miżuri tal-iżvilupp rurali relatati maż-żona.

    Madankollu, fil-każ tal-miżuri tal-iżvilupp rurali, meta xi kriterji tal-eliġibbiltà, xi impenji jew xi obbligi oħrajn tal-ħbula raba’ ma jkunux jistgħu jiġu ċċekkjati b’mod adegwat meta l-verifiki jiġu limitati għal kampjun magħżul b’mod aleatorju skont l-ewwel sottoparagrafu, għandu jingħażel kampjun addizzjonali bbażat fuq ir-riskju li jippermetti li jiġu vverifikati dawn il-kriterji, dawn l-impenji jew dawn l-obbligi.

    Meta l-kampjun magħżul b’mod aleatorju jew il-kampjun ibbażat fuq ir-riskju jiżvela xi nuqqas ta’ konformità, il-ħbula raba’ kollha għandha ssirilhom verifika tal-kriterji tal-eliġibbiltà, tal-impenji u tal-obbligi l-oħrajn jewinkella għandhom jiġu estrapolati konklużjonijiet mill-kampjun.

    L-eliġibbiltà tal-ħbula raba’ għandha tiġi vverifikata b’kull mezz li jkun xieraq, fosthom permezz tal-evidenza pprovduta mill-benefiċjarju fuq talba tal-awtorità kompetenti. Dik il-verifika għandha tinkludi wkoll verifika tal-wiċċ tar-raba’, meta dan ikun xieraq. Għal dak il-għan, għandhom jintalbu provi addizzjonali meta jkun hemm bżonn.”;

    (b)

    il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   Fil-każ speċifiku tal-ħbula raba’ li jkunu bwar permanenti jew mergħat permanenti li jkunu jintużaw b’mod komuni minn diversi benefiċjarji, il-verifika tal-kriterji tal-eliġibbiltà, tal-impenji u tal-obbligi l-oħrajn tista’ tiġi sostitwita b’verifiki bbażati fuq l-ortoimmaġnijiet użati għall-aġġornament tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula tar-raba’ msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, dejjem jekk dawk il-verifiki jitwettqu fuq it-tali ħbula raba’ kollha fi żmien perjodu massimu ta’ tliet snin u l-awtorità kompetenti tkun tista’ turi proċeduri operazzjonali effettivi li jikkonformaw mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament u tirkupra l-irkupri kif xieraq.”;

    (7)

    l-Artikolu 40a huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(d)

    jgħarrfu lill-benefiċjarji dwar id-deċiżjoni li jwettqu l-verifiki permezz tal-monitoraġġ u jistabbilixxu għodod xierqa biex jikkomunikaw mal-benefiċjarji tal-inqas dwar ir-riżultati provviżorji fil-livell tal-irqajja’ tal-proċedura stabbilita skont il-punt (a) ta’ dan is-sottoparagrafu, dwar it-twissijiet u dwar l-evidenza mitluba għall-finijiet tal-punti (b) u (c). L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw komunikazzjoni fil-ħin mal-benefiċjarji biex jappoġġawhom biex jissodisfaw il-kriterji tal-eliġibbiltà, l-impenji u l-obbligi l-oħrajn u biex jagħtuhom il-possibbiltà jindirizzaw jew jirranġaw is-sitwazzjoni qabel ma jinsiltu l-konklużjonijiet fir-rapport ta’ kontroll imsemmi fl-Artikolu 41.”;

    (ii)

    it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    Għall-finijiet tal-punti (b) u (c) tal-ewwel sottoparagrafu, għandhom jitwettqu spezzjonijiet fiżiċi fuq il-post meta l-evidenza rilevanti, inkluża l-evidenza pprovduta mill-benefiċjarju fuq talba tal-awtorità kompetenti, ma tippermettix li jinsiltu konklużjonijiet dwar l-eliġibbiltà tal-għajnuna mitluba jew tal-appoġġ mitlub. L-ispezzjonijiet fiżiċi fuq il-post jistgħu jkunu limitati għal verifiki tal-kriterji tal-eliġibbiltà, tal-impenji u tal-obbligi l-oħrajn li huma rilevanti biex jinsiltu konklużjonijiet dwar l-eliġibbiltà tal-għajnuna mitluba jew tal-appoġġ mitlub. Dawn l-ispezzjonijiet fiżiċi għandhom jinkludu l-kejl taż-żona biss meta dan ikun meħtieġ biex tinsilet konklużjoni dwar il-konformità ma’ dawn il-kriterji tal-eliġibbiltà, ma’ dawn l-impenji jew ma’ dawn l-obbligi l-oħrajn.”;

    (iii)

    jiżdied it-tielet subparagrafu li ġej:

    “Għall-finijiet tal-punt (c) tal-ewwel sottoparagrafu, il-verifiki tal-kriterji tal-eliġibbiltà, tal-impenji u tal-obbligi l-oħrajn li ma jistgħux jiġu mmonitorjati permezz tad-data satellitari tal-Copernicus Sentinels jew permezz ta’ data oħra li jkollha tal-inqas valur ekwivalenti jistgħu jkunu limitati għal kampjun ta’ mill-inqas 50 % tal-ħbula raba’ ddikjarati minn benefiċjarju. L-awtorità kompetenti tista’ tagħżel dan il-kampjun b’mod aleatorju jew abbażi ta’ kriterji oħrajn. Meta l-kampjun tal-ħbula raba’ jingħażel b’mod aleatorju u l-verifiki jiżvelaw xi nuqqas ta’ konformità, l-awtorità kompetenti għandha testrapola l-konklużjonijiet mill-kampjun jew tiċċekkja l-ħbula raba’ kollha. Meta l-kampjun jingħażel abbażi ta’ kriterji oħrajn u l-verifiki jiżvelaw xi nuqqas ta’ konformità, l-awtorità kompetenti għandha tiċċekkja l-ħbula raba’ kollha.”;

    (b)

    jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

    4.   “ Meta l-proċedura msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 tiżvela sejbiet li jkunu rilevanti għall-iskemi ta’ pagament dirett, għall-miżuri tal-iżvilupp rurali u għar-rekwiżiti u/jew għall-istandards li ma jiġux iċċekkjati permezz tal-monitoraġġ, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jqisu dawk is-sejbiet biss b’rabta mal-benefiċjarji magħżulin skont l-Artikoli 30, 31, 32 u 68 għall-verifiki fuq il-post tal-iskemi ta’ pagament dirett, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tar-rekwiżiti u/jew tal-istandards li ma jiġux iċċekkjati permezz tal-monitoraġġ. Id-deroga għandha tkun limitata għat-tliet snin ta’ wara l-1 ta’ Jannar tas-sena kalendarja li fiha l-awtorità kompetenti tkun bdiet twettaq il-verifiki permezz tal-monitoraġġ.”;

    (8)

    l-Artikolu 40b huwa emendat kif ġej:

    (a)

    l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Sal-1 ta’ Diċembru tas-sena kalendarja ta’ qabel is-sena kalendarja li fiha jibdew iwettqu l-verifiki permezz tal-monitoraġġ, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħhom li jagħżlu l-verifiki permezz tal-monitoraġġ u għandhom jindikaw l-iskemi, il-miżuri jew it-tipi ta’ operazzjonijiet u, fejn rilevanti, iż-żoni tat-tali skemi jew tat-tali miżuri li se jsirulhom il-verifiki permezz tal-monitoraġġ, u l-kriterji li jkunu użaw biex jagħżluhom. Sal-1 ta’ Novembru ta’ kull sena kalendarja, il-Kummissjoni għandha tipprovdi mudell għat-tressiq tan-notifiki li jkun fih l-elementi li jridu jiddaħħlu fit-tali notifika.”;

    (b)

    jitħassar it-tieni paragrafu;

    (9)

    fl-Artikolu 41(2), it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Meta l-verifika fuq il-post titwettaq permezz tat-telerilevament skont l-Artikolu 40 jew permezz tal-monitoraġġ skont l-Artikolu 40a, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jagħtux lill-benefiċjarju l-opportunità jiffirma r-rapport ta’ kontroll jekk ma jinstab l-ebda nuqqas ta’ konformità matul il-verifika bit-telerilevament jew permezz tal-monitoraġġ. Jekk it-tali verifiki jew it-tali monitoraġġ jiżvelaw nuqqas ta’ konformità, il-benefiċjarju għandu jingħata l-opportunità jiffirma r-rapport qabel ma l-awtorità kompetenti tislet il-konklużjonijiet tagħha mis-sejbiet dwar kwalunkwe tnaqqis, rifjut, irtirar jew penali amministrattivi li jirriżultaw minn dan. Meta jiġu applikati l-verifiki permezz tal-monitoraġġ, dan l-obbligu għandu jitqies li jkun ġie ssodisfat jekk il-benefiċjarji jiġu mgħarrfa bin-nuqqasijiet ta’ konformità permezz tal-għodod stabbiliti biex ikun hemm komunikazzjoni mal-benefiċjarji skont l-Artikolu 40a(1)(d) u jkunu ngħataw l-opportunità jikkontestaw in-nuqqasijiet ta’ konformità qabel ma l-awtorità kompetenti tislet il-konklużjonijiet tagħha mis-sejbiet dwar kwalunkwe tnaqqis, rifjut, irtirar jew penali amministrattivi li jirriżultaw minn dan.”;

    (10)

    fl-Artikolu 69(1), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “L-għażla tal-kampjun tal-azjendi agrikoli li għandhom jiġu ċċekkjati skont l-Artikolu 68 għandha tkun ibbażata, meta dan ikun applikabbli, fuq analiżi tar-riskju skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, jew fuq analiżi tar-riskju li tkun xierqa għar-rekwiżiti jew għall-istandards. Din l-analiżi tar-riskju tista’ tkun ibbażata fuq il-livell ta’ azjenda agrikola individwali jew fuq il-livell ta’ kategoriji ta’ azjendi agrikoli jew ta’ żoni ġeografiċi. Meta l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li tapplika l-għażla prevista fl-Artikolu 40a(4) jew fl-Artikolu 70a(3) ta’ dan ir-Regolament, is-sejbiet żvelati mill-verifiki permezz tal-monitoraġġ fis-sena tat-talba ta’ qabel għandhom jitqiesu fl-analiżi tar-riskju.”;

    (11)

    fl-Artikolu 70, jiddaħħal il-paragrafu 4 li ġej:

    “4.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jivverifikaw ir-rekwiżiti u l-istandards rilevanti għall-kundizzjonalità permezz ta’ verifiki permezz tal-monitoraġġ imwettqin skont l-Artikolu 70a ta’ dan ir-Regolament.”;

    (12)

    jiddaħħlu l-Artikoli 70a u 70b li ġejjin:

    “Artikolu 70a

    Verifiki permezz tal-monitoraġġ

    1.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jwettqu verifiki permezz tal-monitoraġġ. Meta jagħżlu li jagħmlu dan, huma għandhom:

    (a)

    jistabbilixxu proċedura ta’ osservazzjoni, intraċċar u valutazzjoni regolari u sistematiċi tar-rekwiżiti u tal-istandards kollha rilevanti għall-kundizzjonalità li jistgħu jiġu mmonitorjati permezz tad-data satellitari tal-Copernicus Sentinels jew permezz ta’ data oħra li jkollha tal-inqas valur ekwivalenti, fuq perjodu taż-żmien li jippermetti li jinsiltu konklużjonijiet dwar il-konformità mar-rekwiżiti u mal-istandards;

    (b)

    iwettqu attivitajiet xierqa ta’ segwitu, meta jkun hemm bżonn, sabiex jisiltu konklużjonijiet dwar l-istabbiliment tal-konformità mar-rekwiżiti u mal-istandards;

    (c)

    iwettqu verifiki għal 1 % tal-benefiċjarji milqutin mir-rekwiżiti u mill-istandards rilevanti għall-kundizzjonalità li ma jistgħux jiġu mmonitorjati permezz tad-data satellitari tal-Copernicus Sentinels jew permezz ta’ data oħra li jkollha tal-inqas valur ekwivalenti u li jkunu rilevanti biex jinsiltu konklużjonijiet dwar il-konformità mar-rekwiżiti u mal-istandards. Bejn 20 % u 25 % tal-1 % tal-benefiċjarji għandhom jingħażlu b’mod aleatorju. Il-benefiċjarji li jkun għad fadal għandhom jingħażlu abbażi ta’ analiżi tar-riskju;

    (d)

    jgħarrfu lill-benefiċjarji dwar id-deċiżjoni li jwettqu l-verifiki permezz tal-monitoraġġ u jistabbilixxu għodod xierqa biex jikkomunikaw mal-benefiċjarji tal-inqas dwar ir-riżultati provviżorji fil-livell tal-irqajja’ tal-proċedura stabbilita skont il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, dwar it-twissijiet u dwar l-evidenza mitluba għall-finijiet tal-punti (b) u (c). L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw komunikazzjoni fil-ħin mal-benefiċjarji biex jappoġġawhom biex jikkonformaw mar-rekwiżiti u mal-istandards u biex jagħtuhom il-possibbiltà, mingħajr ħsara għas-sistema ta’ twissija bikrija prevista fl-Artikolu 99(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, jindirizzaw jew jirranġaw is-sitwazzjoni qabel ma jinsiltu l-konklużjonijiet fir-rapport ta’ kontroll imsemmi fl-Artikolu 72 iżda mhux aktar tard minn xahar wara l-komunikazzjoni tar-riżultati provviżorji.

    Għall-finijiet tal-punti (b) u (c), għandhom jitwettqu spezzjonijiet fiżiċi fuq il-post meta l-evidenza rilevanti, inkluża l-evidenza pprovduta mill-benefiċjarju fuq talba tal-awtorità kompetenti, ma tippermettix li jinsiltu konklużjonijiet dwar il-konformità mar-rekwiżiti u mal-istandards rilevanti għall-kundizzjonalità li jsirulhom il-verifiki permezz tal-monitoraġġ. L-ispezzjonijiet fiżiċi fuq il-post jistgħu jkunu limitati għal verifiki tar-rekwiżiti u tal-istandards li huma rilevanti biex jinsiltu konklużjonijiet dwar il-konformità mar-rekwiżiti u mal-istandards rilevanti għall-kundizzjonalità li jsirulhom il-verifiki permezz tal-monitoraġġ.

    2.   Meta l-awtorità kompetenti twettaq verifiki permezz tal-monitoraġġ skont il-paragrafu 1, tkun tista’ turi proċeduri operazzjonali effettivi li jikkonformaw mar-regoli stabbiliti fl-Artikoli 7 u 29 u tkun tat prova tal-kwalità tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula tar-raba’ vvalutata skont l-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 640/2014, l-Artikoli 25, 68, 69 u 71 ta’ dan ir-Regolament ma japplikawx.

    3.   Meta l-proċedura msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 tiżvela sejbiet li jkunu rilevanti għall-iskemi ta’ pagament dirett, għall-miżuri tal-iżvilupp rurali u għar-rekwiżiti u/jew għall-istandards li ma jiġux iċċekkjati permezz tal-monitoraġġ, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jqisu dawk is-sejbiet biss b’rabta mal-benefiċjarji magħżulin skont l-Artikoli 30, 31, 32 u 68 għall-verifiki fuq il-post tal-iskemi ta’ pagament dirett, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tar-rekwiżiti u/jew tal-istandards li ma jiġux iċċekkjati permezz tal-monitoraġġ. Id-deroga għandha tkun limitata għat-tliet snin ta’ wara l-1 ta’ Jannar tas-sena kalendarja li fiha l-awtorità kompetenti tkun bdiet twettaq il-verifiki permezz tal-monitoraġġ.

    Artikolu 70b

    Notifiki

    Sal-1 ta’ Diċembru tas-sena kalendarja ta’ qabel is-sena kalendarja li fiha jibdew iwettqu l-verifiki permezz tal-monitoraġġ, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħhom li jagħżlu l-verifiki permezz tal-monitoraġġ skont l-Artikolu 70a.”;

    (13)

    l-Artikolu 72 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1, jiżdied ir-raba’ subparagrafu li ġej:

    “Meta jitwettqu l-verifiki permezz tal-monitoraġġ skont l-Artikolu 70a, ma għandhomx japplikaw il-punti (a)(ii) u (iii) tat-tieni sottoparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Ir-rapport ta’ kontroll għandu jindika r-riżultati tal-verifiki permezz tal-monitoraġġ fil-livell tal-irqajja’.”;

    (b)

    il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika irrispettivament minn jekk il-benefiċjarju kkonċernat ikunx intgħażel għall-verifika fuq il-post skont l-Artikolu 69 jew jekk tkunx saritlu verifika fuq il-post skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-atti u għall-istandards f’konformità mal-Artikolu 68(2), jekk tkunx saritlu verifika permezz tal-monitoraġġ skont l-Artikolu 70a jew jekk tkunx saritlu verifika bħala segwitu għal nuqqas ta’ konformità li dwaru tkun inġibdet l-attenzjoni tal-awtorità ta’ kontroll kompetenti b’xi mod ieħor.”;

    (c)

    fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Il-benefiċjarju għandu jkun mgħarraf dwar kwalunkwe nuqqas ta’ konformità misjub fi żmien tliet xhur mid-data tal-verifika fuq il-post. Meta jitwettqu l-verifiki permezz tal-monitoraġġ skont l-Artikolu 70a, il-benefiċjarju għandu jkun mgħarraf dwar kwalunkwe nuqqas ta’ konformità misjub fi żmien tliet xhur minn meta jiskadi l-perjodu taż-żmien li jkun ingħatalu biex jindirizza jew jirranġa s-sitwazzjoni skont l-Artikolu 70a(1)(d).”;

    (d)

    fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Mingħajr ħsara għal kwalunkwe dispożizzjoni partikulari inkluża fil-leġiżlazzjoni applikabbli għar-rekwiżiti u għall-istandards, ir-rapport ta’ kontroll għandu jiġi ffinalizzat fi żmien xahar minn meta ssir il-verifika fuq il-post. Meta jitwettqu l-verifiki permezz tal-monitoraġġ skont l-Artikolu 70a, ir-rapport ta’ kontroll għandu jiġi ffinalizzat fi żmien xahar minn meta jiskadi l-perjodu taż-żmien li l-benefiċjarju jkun ingħata biex jindirizza jew jirranġa s-sitwazzjoni skont l-Artikolu 70a(1)(d). Madankollu, dak il-perjodu jista’ jittawwal għal tliet xhur f’ċirkustanzi ġġustifikati kif xieraq, b’mod partikulari jekk analiżi fiżika jew kimika tkun teħtieġ hekk.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Il-punti li ġejjin tal-Artikolu 1 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2019:

    (a)

    il-punt (7)(b);

    (b)

    il-punt (12) f’dak li għandu x’jaqsam mal-Artikolu 70a(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ottubru 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 69).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).


    Top