This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019R1674
Commission Implementing Regulation (EU) 2019/1674 of 27 September 2019 approving non-minor amendments to the specification for a name entered in the register of protected designations of origin and protected geographical indications Beurre d’Isigny (PDO)
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1674 tas-27 ta’ Settembru 2019 li japprova emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ isem imniżżel fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti Beurre d’Isigny (DOP)
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1674 tas-27 ta’ Settembru 2019 li japprova emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ isem imniżżel fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti Beurre d’Isigny (DOP)
C/2019/7116
ĠU L 257, 8.10.2019, p. 4–5
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
8.10.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 257/4 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1674
tas-27 ta’ Settembru 2019
li japprova emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ isem imniżżel fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti “Beurre d’Isigny” (DOP)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni ta’ Franza għall-approvazzjoni ta’ emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Beurre d’Isigny”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 (2). |
(2) |
Permezz tal-ittra tas-16 ta’ Ottubru 2017, l-awtoritajiet Franċiżi informaw lill-Kummissjoni li kien ingħata perjodu tranżitorju skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, sal-31 ta’ Diċembru 2022, lil għaxar operaturi stabbiliti fit-territorju tagħhom li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu skont id-Digriet tat-12 ta’ Settembru 2017 dwar l-emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti “Beurre d’Isigny” u “Crème d’Isigny” ippubblikat fl-20 ta’ Settembru 2017 fil-Journal officiel de la République française. Permezz tal-ittra tas-26 ta’ Settembru 2018, l-istess awtoritajiet ikkomunikaw it-test ta’ Digriet ġdid tat-30 ta’ Awwissu 2018 li jemenda d-Digriet tat-12 ta’ Settembru 2017 u li jinkludi l-ismijiet ta’ dawn l-operaturi. Matul il-proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni, dawn l-operaturi li kienu kkummerċjalizzaw legalment il-“Beurre d’Isigny” b’mod kontinwu għal mill-inqas ħames snin qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni, kienu ressqu oppożizzjonijiet. Sitt operaturi ressqu oppożizzjoni dwar id-dispożizzjoni li ġejja: Kull baqra li taħleb għandu jkollha mill-inqas 3 500 metru kwadru ta’ bwar (naturali, temporanji jew annwali) għad-dispożizzjoni tagħha, li 2 000 metru kwadru minnhom ikunu jintużaw għar-ragħa jew mill-inqas 1 000 metru kwadru minnhom ikunu jintużaw għar-ragħa biż-żieda tal-ħaxix bħala għalf supplimentari. L-operaturi kkonċernati huma dawn li ġejjin: il-GAEC des normandes (SIRET: 38531072700016), il-GAEC des Quesnel (SIRET: 41022988100011), il-GAEC du chalet (SIRET: 34005162200017), il-GAEC de la cour des mares (SIRET: 34897314000026), il-GAEC du hameau (SIRET: 38259121200016) u l-GAEC du petit flot (SIRET: 43783781800016). Żewġ operaturi ressqu oppożizzjoni dwar id-dispożizzjoni li ġejja: Bħala medja, il-ħaxix frisk jew ippreservat għandu jikkostitwixxi mill-inqas 40 % mir-razzjon tal-għalf, mogħti bħala materja niexfa, matul il-perjodu minimu ta’ seba’ xhur ta’ ragħa. L-operaturi kkonċernati huma dawn li ġejjin: l-EARL des clôtures (SIRET: 51075733900013) u l-GAEC du Clos Roset (SIRET: 48310227300016). Żewġ operaturi ressqu oppożizzjoni dwar id-dispożizzjoni li ġejja: Matul il-bqija tas-sena (barra mill-perjodu ta’ ragħa), il-proporzjon tiegħu (ħaxix frisk jew ippreservat) ma jridx ikun inqas minn 20 % mir-razzjon tal-għalf ta’ kuljum, mogħti bħala materja niexfa. L-operaturi kkonċernati huma dawn li ġejjin: il-GAEC de la Ronchette (SIRET: 49754563200018) u l-GAEC du Village Culot. |
(3) |
Billi l-emenda kkonċernata mhijiex minuri skont it-tifsira tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni ppubblikat l-applikazzjoni għal emenda, kif meħtieġ skont l-Artikolu 50(2)(a) tal-istess Regolament, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3). |
(4) |
Billi l-Kummissjoni ma rċeviet ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jenħtieġ li l-emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tiġi approvata, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea b’rabta mal-isem “Beurre d’Isigny” (DOP) hija approvata.
Artikolu 2
Il-protezzjoni mogħtija skont l-Artikolu 1 hija soġġetta għall-perjodu tranżitorju mogħti minn Franza skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 lill-operaturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dak l-Artikolu, wara d-Digrieti tat-12 ta’ Settembru 2017 u tal-30 ta’ Awwissu 2018 dwar l-emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti “Beurre d’Isigny” u “Crème d’Isigny” ippubblikati rispettivament fl-20 ta’ Settembru 2017 u fis-6 ta’ Settembru 2018 fil-Journal Officiel de la République française.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Settembru 2019.
Għall-Kummissjoni
f’isem il-President,
Phil HOGAN
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 tat-12 ta’ Ġunju 1996 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ oriġini taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 (ĠU L 148, 21.6.1996, p. 1).