EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R1602

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1602 tat-23 ta' April 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-Dokument Sanitarju Komuni tad-Dħul li jakkumpanja l-kunsinni ta' annimali u oġġetti sad-destinazzjoni tagħhom (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2019/2910

ĠU L 250, 30.9.2019, p. 6–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 15/04/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/1602/oj

30.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 250/6


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1602

tat-23 ta' April 2019

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-Dokument Sanitarju Komuni tad-Dħul li jakkumpanja l-kunsinni ta' annimali u oġġetti sad-destinazzjoni tagħhom

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidratit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (ir-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 50(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi regoli dwar it-twettiq ta' kontrolli uffiċjali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fuq annimali u oġġetti li jidħlu fl-Unjoni sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari.

(2)

Billi r-regoli dwar il-każijiet meta, u l-kundizzjonijiet li fihom, jenħtieġ li ċ-CHED jakkumpanja l-kunsinni fi tranżitu jridu jiġu stipulati f'att delegat separat li jrid jiġi adottat skont l-Artikolu 51(1) tar-Regolament (UE) 2017/625, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika biss għal kunsinni maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq fl-Unjoni.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistipula li l-kunsinni ta' annimali u oġġetti li jidħlu fl-Unjoni mill-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera deżinjati jridu jkunu akkumpanjati mid-Dokument Sanitarju Komuni tas-Saħħa (“CHED”). Ladarba jkunu saru l-kontrolli uffiċjali u jkun ġie ffinalizzat iċ-CHED, il-kunsinni jistgħu jinqasmu f'partijiet differenti, skont il-ħtiġijiet kummerċjali tal-operatur.

(4)

Bil-ħsieb li jiġu żgurati t-traċċabbiltà tal-kunsinni u komunikazzjoni xierqa mal-awtorità kompetenti fil-post tad-destinazzjoni, jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli dwar il-kundizzjonijiet u l-arranġamenti prattiċi li bihom iċ-CHED jakkumpanja l-kunsinni intenzjonati għat-tqegħid fis-suq sad-destinazzjoni tagħhom. B'mod partikolari, huwa xieraq li jiġu stabbiliti r-regoli dettaljati relatati maċ-CHED għall-każijiet fejn il-kunsinni jkunu maqsuma.

(5)

Sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-kunsinni li jinqasmu fil-post ta' kontroll fuq il-fruntiera wara li jkunu saru l-kontrolli uffiċjali u ċ-CHED ikun ġie ffinalizzat mill-awtorità kompetenti, huwa xieraq li jintalab li l-operatur responsabbli mill-kunsinna, permezz tas-sistema ta' ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali (“IMSOC”) imsemmi fl-Artikolu 131 tar-Regolament (UE) 2017/625, jippreżenta CHED għal kull parti tal-kunsinna maqsuma, li jenħtieġ li jiġi ffinalizzat mill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta' kontroll fuq il-fruntiera u jenħtieġ li jakkumpanja kull parti tal-kunsinna maqsuma lejn id-destinazzjoni ddikjarata fiċ-CHED rispettiv.

(6)

Sabiex jiġi evitat l-użu frodulenti taċ-CHED, huwa xieraq li l-awtoritajiet doganali jintalbu jikkomunikaw lill-IMSOC l-informazzjoni dwar il-kwantità tal-kunsinna ddikjarata fid-dikjarazzjoni doganali, sabiex jiżguraw li l-kwantitajiet iddikjarati f'tali dikjarazzjoni doganali jitnaqqsu mill-kwantità totali permessa ddikjarata fiċ-CHED. L-awtoritajiet doganali huma meħtieġa jiskambjaw l-informazzjoni bl-użu tat-tekniki elettroniċi doganali tal-ipproċessar tad-data msemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Jenħtieġ li dawk it-tekniki elettroniċi għall-ipproċessar tad-data jintużaw għall-finijiet ta' dan ir-Regolament. Sabiex l-awtoritajiet doganali jkollhom biżżejjed żmien biex jistabbilixxu dawk it-tekniki, huwa xieraq li jiġi previst li l-obbligu li tiġi kkomunikata l-informazzjoni dwar il-kwantità tal-kunsinni lill-IMSOC japplika f'kull Stat Membru mid-data li fiha dawk it-tekniki jsiru operattivi f'dak l-Istat Membru jew mill-1 ta' Marzu 2023, skont liema data tiġi l-ewwel.

(7)

Billi r-Regolament (UE) 2017/625 japplika mill-14 ta' Diċembru 2019, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika wkoll minn dik id-data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett u l-kamp tal-applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-każijiet fejn u l-kundizzjonijiet li fihom id-Dokument Sanitarju Komuni tad-Dħul imsemmi fl-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) 2017/625 (“CHED”) irid jakkumpanja sal-post tad-destinazzjoni kull kunsinna tal-kategoriji ta' annimali u oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 li tkun maħsuba biex titqiegħed fis-suq (“kunsinna”).

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal kunsinni fi tranżitu.

Artikolu 2

Definizzjoni

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “post tad-destinazzjoni” tfisser il-post fejn titwassal il-kunsinna biex tinħatt għall-aħħar darba, kif ikun iddikjarat fiċ-CHED.

Artikolu 3

Każijiet fejn iċ-CHED għandu jakkumpanja l-kunsinni sal-post tad-destinazzjoni tagħhom

Kull kunsinna għandha tiġi akkumpjanjata b'CHED irrispettivament minn jekk tinqasamx fil-post tal-kontroll fuq il-fruntiera jew wara li titlaq mill-post tal-kontroll fuq il-fruntiera iżda qabel ma tiġi rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera skont l-Artikolu 57(2)(b) tar-Regolament (UE) 2017/625.

Artikolu 4

Kundizzjonijiet għaċ-CHED li jakkumpanjaw kunsinni li ma jkunux maqsuma

Meta kunsinna ma tinqasamx qabel ma tiġi rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera skont l-Artikolu 57(2)(b) tar-Regolament (UE) 2017/625, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-operatur responsabbli minn kunsinna għandu jiżgura li kopja taċ-CHED, stampata jew f'forma elettronika, takkumpanja lill-kunsinna sal-post tad-destinazzjoni u sakemm tiġi rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera skont l-Artikolu 57(2)(b) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(b)

l-operatur responsabbli mill-kunsinna għandu jindika n-numru ta' referenza taċ-CHED fid-dikjarazzjoni doganali ppreżentata lill-awtoritajiet doganali u għandu jżomm kopja ta' dak iċ-CHED għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali f'konformità mal-Artikolu 163 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;

(c)

l-awtoritajiet doganali għandhom jikkomunikaw lill-IMSOC l-informazzjoni dwar il-kwantità tal-kunsinna ddikjarata fid-dikjarazzjoni doganali u għandhom jippermettu biss it-tqegħid tal-kunsinna taħt proċedura doganali jekk il-kwantità totali stabbilita fiċ-CHED ma tkunx inqabżet. Dan ir-rekwiżit ma għandux japplika meta l-kunsinna tkun se titqiegħed taħt il-proċeduri doganali msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 210 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

Artikolu 5

Kundizzjonijiet għaċ-CHED li jakkumpanja kunsinni maqsuma fil-post tal-kontroll fuq il-fruntiera

1.   Meta kunsinna tkun se tinqasam fil-post tal-kontroll fuq il-fruntiera, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

meta jagħti notifika minn qabel skont l-Artikolu 56(3) tar-Regolament (UE) 2017/625, l-operatur responsabbli mill-kunsinna għandu jiddikjara l-post tal-kontroll fuq il-fruntiera bħala l-post tad-destinazzjoni taċ-CHED għall-kunsinna kollha;

(b)

mal-finalizzazzjoni taċ-CHED għall-kunsinna sħiħa mill-awtorità kompetenti fil-post tal-kontroll fuq il-fruntiera skont l-Artikolu 56(5) tar-Regolament (UE) 2017/625, l-operatur responsabbli mill-kunsinna għandu jitlob li l-kunsinna tinqasam u għandu jippreżenta, permezz tal-IMSOC, CHED għal kull parti tal-kunsinna maqsuma, u jiddikjara fih il-kwantità, il-mezzi ta' trasport u l-post ta' destinazzjoni għall-parti rilevanti tal-kunsinna maqsuma;

(c)

l-awtorità kompetenti fil-post tal-kontroll fuq il-fruntiera għandha tiffinalizza ċ-CHEDs għall-partijiet individwali tal-kunsinna maqsuma skont l-Artikolu 56(5) tar-Regolament (UE) 2017/625, diment li s-somma tal-kwantitajiet iddikjarati f'dawk iċ-CHEDs ma taqbiżx il-kwantità totali stabbilita fiċ-CHED għall-kunsinna kollha kemm hi.

(d)

l-operatur responsabbli mill-kunsinna għandu jiżgura li kopja taċ-CHED, stampata jew f'forma elettronika, għal kull parti tal-kunsinna maqsuma takkumpanja l-parti rilevanti tal-kunsinna maqsuma lejn il-post tad-destinazzjoni ddikjarat fih u sakemm tiġi rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera skont l-Artikolu 57(2)(b) tar-Regolament (UE) 2017/625.

(e)

l-operatur responsabbli mill-kunsinna għandu jindika n-numru ta' referenza taċ-CHED għal kull parti tal-kunsinna maqsuma fid-dikjarazzjoni doganali ppreżentata lill-awtoritajiet doganali u għandu jżomm kopja ta' dak iċ-CHED għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali skont l-Artikolu 163 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;

(f)

l-awtoritajiet doganali għandhom jikkomunikaw lill-IMSOC l-informazzjoni dwar il-kwantità tal-parti rilevanti tal-kunsinna maqsuma ddikjarata fid-dikjarazzjoni doganali u għandhom jippermettu biss it-tqegħid ta' dik il-parti taħt proċedura doganali jekk il-kwantità totali stabbilita fiċ-CHED għall-parti tal-kunsinna maqsuma ma tkunx inqabżet. Dan ir-rekwiżit ma għandux japplika meta l-kunsinna tkun se titqiegħed taħt il-proċeduri doganali msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 210 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

2.   Fil-każ ta' kunsinna mhux konformi li trid tinqasam fil-post tal-kontroll fuq il-fruntiera, meta l-awtorità kompetenti tal-post tal-kontroll fuq il-fruntiera tordna lill-operatur biex jieħu waħda jew aktar mill-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 66(4) tar-Regolament (UE) 2017/625 fir-rigward ta' parti mill-kunsinna biss, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

mal-finalizzazzjoni taċ-CHED għall-kunsinna kollha kemm hi, l-operatur responsabbli mill-kunsinna għandu jippreżenta CHED għal kull parti tal-kunsinna maqsuma u għandu jiddikjara fih il-kwantità, il-mezzi tat-trasport u l-post tad-destinazzjoni għal dik il-parti;

(b)

l-awtorità kompetenti fil-post tal-kontroll fuq il-fruntiera għandha tiffinalizza ċ-CHEDs għall-partijiet individwali tal-kunsinna maqsuma skont l-Artikolu 56(5) tar-Regolament (UE) 2017/625, filwaqt li tqis id-deċiżjoni meħuda għal kull parti tal-kunsinna maqsuma;

(c)

il-paragrafu 1 (d), (e) u (f) għandu japplika għal kull parti tal-kunsinna maqsuma.

Artikolu 6

Kundizzjonijiet għaċ-CHED li jakkumpanja kunsinni taħt superviżjoni doganali maqsuma wara li telqu mill-post tal-kontroll fuq il-fruntiera

Meta kunsinna għandha tiġi maqsuma wara li titlaq mill-post tal-kontroll fuq il-fruntiera u qabel ma tiġi rilaxxata għal ċirkolazzjoni libera skont l-Artikolu 57(2)(b) tar-Regolament (UE) 2017/625, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-operatur responsabbli mill-kunsinna għandu jiżgura li kopja taċ-CHED, stampata jew f'forma elettronika, takkumpanja lil kull parti tal-kunsinna maqsuma sakemm tiġi rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera skont l-Artikolu 57(2)(b) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(b)

għal kull parti tal-kunsinna maqsuma, l-operatur responsabbli mill-kunsinna għandu jindika n-numru ta' referenza taċ-CHED fid-dikjarazzjoni doganali ppreżentata lill-awtoritajiet doganali u għandu jżomm kopja ta' dak iċ-CHED għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali skont l-Artikolu 163 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;

(c)

għal kull parti tal-kunsinna maqsuma, l-awtoritajiet doganali għandhom jikkomunikaw lill-IMSOC l-informazzjoni dwar il-kwantità ddikjarata fid-dikjarazzjoni doganali għal dik il-parti u jippermettu biss it-tqegħid ta' dik il-parti taħt proċedura doganali jekk il-kwantità totali stabbilita fiċ-CHED ma tkunx inqabżet. Dan ir-rekwiżit ma għandux japplika meta l-kunsinna tkun se titqiegħed taħt il-proċeduri doganali msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 210 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

Artikolu 7

Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-14 ta' Diċembru 2019.

Madankollu, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw f'kull Stat Membru mid-data li fiha jibdew joperaw it-tekniki elettroniċi doganali tal-ipproċessar tad-data msemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 f'dak l-Istat Membru jew mill-1 ta' Marzu 2023, skont liema data tiġi l-ewwel:

(a)

il-punt (c) tal-Artikolu 4;

(b)

il-punt (f) tal-Artikolu 5(1);

(c)

il-punt (c) tal-Artikolu 6.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bid-data li fiha dawk it-tekniki elettroniċi tal-ipproċessar tad-data jsiru operazzjonali.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' April 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


Top