Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0840

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/840 tat-12 ta' Marzu 2019 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2018/273 fir-rigward tal-importazzjoni tal-inbid li joriġina fil-Kanada u l-eżenzjoni tal-bejjiegħa bl-imnut milli jżommu reġistru tad-dħul u l-ħruġ

    C/2019/1866

    ĠU L 138, 24.5.2019, p. 74–75 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/840/oj

    24.5.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 138/74


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/840

    tat-12 ta' Marzu 2019

    li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2018/273 fir-rigward tal-importazzjoni tal-inbid li joriġina fil-Kanada u l-eżenzjoni tal-bejjiegħa bl-imnut milli jżommu reġistru tad-dħul u l-ħruġ

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 89(a) u l-Artikolu 147(3)(d) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/273 (2) jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tad-dokumenti ta' akkumpanjament għar-rilaxx ta' prodotti tal-inbid importati f'ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni.

    (2)

    L-Artikolu 23 tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar il-kummerċ fl-inbejjed u l-ispirti (3) (“il-Ftehim”) jipprevedi li l-inbid li joriġina fil-Kanada, li huwa prodott taħt is-superviżjoni u l-kontroll ta' wieħed mill-korpi kompetenti elenkati fl-Anness VI tal-Ftehim, jista' jiġi importat skont id-dispożizzjonijiet simplifikati taċ-ċertifikazzjoni previsti skont ir-regoli tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 26 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/273, il-produtturi tal-inbid f'pajjiżi terzi jistgħu jfasslu u jiffirmaw id-dokument taċ-ċertifikazzjoni meta jkunu individwalment awtorizzati biex jagħmlu dan minn wieħed mill-korpi kompetenti ta' dawk il-pajjiżi terzi u jkunu soġġetti għall-ispezzjoni minn dawn tal-aħħar. Sabiex jiġi implimentat l-Artikolu 23 tal-Ftehim, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2018/273 jiġi emendat biex jinkludi dispożizzjoni li tippermetti l-użu tal-proċedura simplifikata stabbilita fl-Artikolu 26 ta' dak ir-Regolament għall-importazzjoni fl-Unjoni ta' nbejjed li joriġinaw fil-Kanada.

    (3)

    Skont l-Artikolu 147(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkunu detenturi ta' prodotti tal-inbid fl-eżerċizzju tal-kummerċ tagħhom għandhom iżommu reġistru tad-dħul u l-ħruġ fir-rigward ta' dawk il-prodotti. Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/273 jistabbilixxi eżenzjonijiet minn dan l-obbligu fir-rigward ta' ċerti kategoriji ta' operaturi. L-għan ta' dawk l-eżenzjonijiet huwa li l-operaturi li jbigħu jew iżommu ħażniet ta' kwantitajiet żgħar ta' prodotti tal-inbid jinħelsu minn piż amministrattiv sproporzjonat. Madankollu, il-bejjiegħa bl-imnut, li l-attività tagħhom skont id-definizzjoni tinkludi l-bejgħ tal-inbid u tal-most fi kwantitajiet żgħar, mhumiex koperti mill-eżenzjonijiet.

    (4)

    Ir-Regolament (KE) Nru 436/2009 (4), li tħassar mir-Regolament Delegat (UE) 2018/273, eżenta lill-bejjiegħa bl-imnut mill-obbligu li jżommu reġistru tad-dħul u l-ħruġ. L-obbligu li jinżamm reġistru tad-dħul u l-ħruġ jikkostitwixxi piż amministrattiv sinifikanti għall-bejjiegħa bl-imnut, filwaqt li r-restawr tal-eżenzjoni għall-bejjiegħa bl-imnut ma jipprevjenix livell sodisfaċenti ta' traċċabbiltà tal-prodotti tal-inbid. Għaldaqstant jixraq li jiġi emendat ir-Regolament Delegat (UE) 2018/273 biex jeżenta lill-bejjiegħa bl-imnut mill-obbligu li jżommu reġistru tad-dħul u l-ħruġ.

    (5)

    Minħabba li dan ir-Regolament jirrestawra l-eżenzjoni mogħtija qabel skont ir-Regolament (KE) Nru 436/2009, għandu jiġi evitat li l-bejjiegħa bl-imnut ikunu soġġetti għall-obbligu li jżommu reġistru tad-dħul u l-ħruġ għall-perjodu bejn id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Delegat (UE) 2018/273 u d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Għaldaqstant u f'ġieħ iċ-ċertezza ġuridika, jenħtieġ li l-eżenzjoni tapplika b'mod retroattiv, mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Delegat (UE) 2018/273,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/273 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 28(1) qed jiżdied il-punt (c) li ġej:

    “(c)

    bejjiegħa bl-imnut.”;

    (2)

    It-taqsima B tal-Parti IV tal-Anness VII tinbidel b'dan li ġej:

    “B.

    Lista tal-pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 26:

    l-Awstralja

    il-Kanada

    iċ-Ċilì

    l-Istati Uniti tal-Amerka.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    L-Artikolu 1(1) għandu japplika mit-3 ta' Marzu 2018.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Marzu 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/273 tal-11 ta' Diċembru 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fejn jidħlu l-iskema tal-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil tad-dwieli, ir-reġistru tal-vinji, id-dokumenti ta' akkumpanjament u ċ-ċertifikazzjoni, ir-reġistru tad-dħul u l-ħruġ, id-dikjarazzjonijiet obbligatorji, in-notifiki u l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni notifikata, u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli u penali rilevanti, li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008, (KE) Nru 606/2009 u (KE) Nru 607/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 436/2009 kif ukoll ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/560 (ĠU L 58, 28.2.2018, p. 1).

    (3)  Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Kanada dwar il-Kummerċ fl-Inbejjed u x-Xorb Spirituż tas-16 ta' Settembru 2003 (“il-Ftehim tal-2003 dwar l-Inbejjed u x-Xorb Spirituż”) kif emendat u inkorporat fil-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 11, 14.1.2017, p. 23).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 436/2009 tas-26 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 f'dak li jirrigwarda r-reġistru tal-vinji, il-prospetti obbligatorji u l-istabbiliment ta' tagħrif għall-monitoraġġ tas-suq, id-dokumenti ta' akkumpanjament fil-ġarr tal-prodotti u r-reġistri li għandhom jinżammu fis-settur tal-vinji tal-inbid (ĠU L 128, 27.5.2009, p. 15).


    Top