EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0839

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/839 tas-7 ta' Marzu 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 540/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livell ta' ħoss tal-vetturi bil-mutur u s-sostituzzjoni tas-sistemi tas-sajlenser (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2019/1774

ĠU L 138, 24.5.2019, p. 70–73 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/839/oj

24.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/70


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/839

tas-7 ta' Marzu 2019

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 540/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livell ta' ħoss tal-vetturi bil-mutur u s-sostituzzjoni tas-sistemi tas-sajlenser

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 540/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar il-livell ta' ħoss tal-vetturi bil-mutur u s-sostituzzjoni tas-sistemi tas-sajlenser, u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE u li jħassar id-Direttiva 70/157/KEE (1), u b'mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 u l-Artikolu 9 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 540/2014 jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE għall-vetturi ġodda kollha tal-kategoriji M (vetturi użati għall-ġarr tal-passiġġieri) u N (vetturi użati għall-ġarr ta' merkanzija) fir-rigward tal-livell tal-ħoss tagħhom. Dak ir-Regolament jistabbilixxi wkoll miżuri dwar is-Sistema ta' Twissija Akustika tal-Vettura (AVAS) għal vetturi elettriċi ibridi u għal vetturi purament elettriċi, bil-għan li l-utenti vulnerabbli tat-triq jiġu mwissija dwar dawn il-vetturi.

(2)

Id-dokument ta' informazzjoni skont l-Anness I tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-UE ta' vettura fir-rigward tal-livell permissibbli tal-ħoss jenħtieġ li jiġi rieżaminat biex jirrifletti r-rekwiżiti dettaljati relatati mal-AVAS.

(3)

Wara l-adozzjoni, fil-171 sessjoni tal-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti dwar il-Vetturi tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE), tas-serje ta' emendi 01 tar-Regolament tan-NU Nru 138 dwar l-approvazzjoni ta' vetturi tat-trasport bit-triq li ma jagħmlux storbju, l-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 540/2014 jenħtieġ li jiġi rieżaminat bil-għan li tiddaħħal projbizzjoni ufq il-funzjoni pause tal-AVAS.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 540/2014 jiġi emendat skont dan.

(5)

Filwaqt li jitqies li dan ir-Regolament jinkludi adattament li jirriflettu r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-funzjoni pause tal-AVAS diġà applikabbli skont il-Ftehim tal-1958 tan-NU/KEE, u jintroduċi dispożizzjonijiet tranżizzjonali meħtieġa għall-applikazzjoni fl-2019, jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b'urġenza,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi I u VIII tar-Regolament (UE) Nru 540/2014 huma emendati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Marzu 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 158, 27.5.2014, p. 131.

(2)  Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1).


ANNESS

Ir-Regolament (UE) Nru 540/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Anness I, l-Appendiċi 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 12.8 jitħassar;

(b)

jiżdied il-punt 12.9 li ġej:

“12.9.   AVAS

12.9.1.   In-numru tal-approvazzjoni ta' tip ta' vettura fir-rigward tal-emissjonijiet tal-ħoss tagħha skont ir-Regolament UNECE Nru 138 (1)

jew

12.9.2.   Ir-referenza sħiħa għar-riżultati tat-test tal-livelli tal-emissjonijiet tal-ħoss tal-AVAS, imkejla skont ir-Regolament (UE) Nru 540/2014 (1)”.

(2)

L-Anness VIII huwa emendat kif ġej:

(a)

it-taqsima I hi sostitwita b'dan li ġej:

“Taqsima I

Dan l-Anness jistipula l-miżuri li jikkonċernaw l-AVAS għal vetturi elettriċi ibridi u għal vetturi purament elettriċi.

I.1.   Minkejja l-punti I.2(a), I.2(b), I.3(a) u I.3(b), id-dispożizzjonijiet tat-taqsima II għandhom japplikaw għall-AVAS installata:

(a)

fi kwalunkwe vettura b'approvazzjoni tat-tip minn qabel l-1 ta' Lulju 2019;

(b)

fi kwalunkwe vettura ġdida bbażata fuq it-tip imsemmi fil-punt (a) u rreġistrata qabel l-1 ta' Lulju 2021.

I.2.   Minkejja l-punti I.3(a) u (b), id-dispożizzjonijiet tat-taqsima III għandhom japplikaw għall-AVAS installata:

(a)

fi kwalunkwe vettura b'approvazzjoni tat-tip minn qabel l-1 ta' Lulju 2019, jekk il-manifattur jagħżel li jagħmel dan;

(b)

fi kwalunkwe vettura ġdida bbażata fuq it-tip imsemmi fil-punt (a);

(c)

fi kwalunkwe vettura b'approvazzjoni tat-tip mill-1 ta' Lulju 2019 'il quddiem u qabel it-1 ta' Settembru 2021;

(d)

fi kwalunkwe vettura ġdida bbażata fuq it-tip imsemmi fil-punt (c) u rreġistrata qabel l-1 ta' Settembru 2023.

I.3.   Id-dispożizzjonijiet tat-taqsima IV għandhom japplikaw għall-AVAS installata:

(a)

fi kwalunkwe vettura b'approvazzjoni tat-tip minn qabel l-1 ta' Settembru 2021, jekk il-manifattur jagħżel li jagħmel dan;

(b)

fi kwalunkwe vettura ġdida bbażata fuq it-tip imsemmi fil-punt (a);

(c)

fi kwalunkwe vettura b'approvazzjoni tat-tip mill-1 ta' Settembru 2021 jew wara;

(d)

fi kwalunkwe vettura ġdida bbażata fuq it-tip imsemmi fil-punt (c);

(e)

fil-vetturi ġodda kollha rreġistrati fl-1 ta' Settembru 2023 jew wara.”;

(b)

tiddaħħal it-taqsima IV li ġejja:

“Taqsima IV

Id-dispożizzjonijiet tat-taqsima III għandhom japplikaw, bl-eċċezzjoni tal-punt III.2 (b). Barra minn hekk, għandu japplika dan li ġej:

Swiċċ

Kwalunkwe mekkaniżmu li jippermetti lis-sewwieq iwaqqaf l-operat ta' AVAS (“il-funzjoni pause”) għandu jikkonforma mar-rekwiżiti tal-paragrafu 6.2.6 tar-Regolament tan-NU/KEE Nru 138, Suppliment 1 tal-verżjoni oriġinali tar-Regolament, is-serje ta' emendi 01 (ĠU L 204, 5.8.2017, p. 112).”.


Top