EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0714

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/714 tas-7 ta' Marzu 2019 li jissostitwixxi l-Anness I u li jemenda l-Annessi II u VII tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini

C/2019/1670

ĠU L 123, 10.5.2019, p. 30–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2019; Impliċitament imħassar minn 32019R0788

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/714/oj

10.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 123/30


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/714

tas-7 ta' Marzu 2019

li jissostitwixxi l-Anness I u li jemenda l-Annessi II u VII tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 jipprevedi li, f'tal-anqas kwart tal-Istati Membri, in-numru minimu ta' firmatarji ta' inizjattiva taċ-ċittadini jenħtieġ li jikkorrispondi għan-numru ta' Membri tal-Parlament Ewropew eletti f'kull Stat Membru, multiplikat b'750. Dawn in-numri minimi huma stabbiliti fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

(2)

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (“ir-Renju Unit”) ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattati mhumiex se jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara din in-notifika, jiġifieri mit-30 ta' Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dan il-perjodu.

(3)

Fit-28 ta' Ġunju 2018 il-Kunsill Ewropew adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2018/937 (2) li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew. Din id-Deċiżjoni, li daħlet fis-seħħ fit-3 ta' Lulju 2018, tistipula n-numru ta' rappreżentanti fil-Parlament Ewropew eletti f'kull Stat Membru għal-leġiżlatura 2019-2024, li tibda fit-2 ta' Lulju 2019.

Sabiex jiġu riflessi dawn ir-regoli fir-rigward tan-numru minimu ta' firmatarji stabbilit fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 211/2011, huwa xieraq li jiġi emendat l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 211/2011. Din l-emenda jenħtieġ li tibda tapplika fit-2 ta' Lulju 2019, meta tibda l-leġiżlatura 2019-2024. Madankollu, jekk il-perjodu ta' sentejn imsemmi fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiġi estiż lil hinn minn din id-data, jenħtieġ li l-emenda ssir applikabbli wara li jkun skada l-perjodu estiż. Għar-raġunijiet ta' ċarezza, l-Anness I jenħtieġ li jiġi sostitwit.

(4)

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 jipprevedi li l-organizzaturi ta' inizjattiva taċ-ċittadini proposta huma meħtieġa jirreġistrawha mal-Kummissjoni, filwaqt li jipprovdu l-informazzjoni stipulata fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

(5)

L-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 jipprevedi li għall-preżentazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini lill-Kummissjoni, l-organizzaturi għandhom jagħmlu użu mill-formola li tinsab fl-Anness VII ta' dan ir-Regolament.

(6)

Il-formoli fl-Annessi II u VII tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 fihom nota f'qiegħ il-paġna, li tipprovdi informazzjoni dwar kif tiġi pproċessatad-data personali tal-organizzaturi u tal-isponsors. L-informazzjoni f'din in-nota f'qiegħ il-paġna trid titqassar u tiġi ssimplifikata, sabiex tiġi evitata l-konfużjoni mad-dikjarazzjoni dwar il-privatezza użata għall-ipproċessar tad-data kkonċernat.

(7)

It-test tan-noti f'qiegħ il-paġna jirreferi għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tħassar u ġie sostitwit mill-11 ta' Diċembru 2018 bir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Jenħtieġ għalhekk li r-referenza għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 titneħħa minn dawn in-noti f'qiegħ il-paġna.

(8)

Jenħtieġ għalhekk li l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 jiġi sostitwit u li l-Annessi II u VII ta' dan ir-Regolament jiġu emendati skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Anness I huwa sostitwit bit-test stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

(2)

fl-Anness II, it-test tan-nota f'qiegħ il-paġna (1) qed jiġi sostitwit b'li ġej:

“(1)

Se jkunu disponibbli biss għall-pubbliku l-ismijiet sħaħ tal-organizzaturi, l-indirizzi tal-posta elettronika tal-persuni ta' kuntatt u l-informazzjoni relatata mas-sorsi tal-appoġġ u tal-finanzjament, fuq ir-reġistru online tal-Kummissjoni.

Is-suġġetti tad-data huma intitolati li joġġezzjonaw għall-pubblikazzjoni tad-data personali tagħhom għal raġunijiet leġittimi serji marbuta mas-sitwazzjoni partikolari tagħhom.”;

(3)

fl-Anness VII, it-test tan-nota f'qiegħ il-paġna (1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(1)

Se jkunu disponibbli biss għall-pubbliku l-ismijiet sħaħ tal-organizzaturi, l-indirizzi tal-posta elettronika tal-persuni ta' kuntatt u l-informazzjoni relatata mas-sorsi tal-appoġġ u tal-finanzjament, fuq ir-reġistru online tal-Kummissjoni.

Is-suġġetti tad-data huma intitolati li joġġezzjonaw għall-pubblikazzjoni tad-data personali tagħhom għal raġunijiet leġittimi serji marbuta mas-sitwazzjoni partikolari tagħhom.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-punt 1 tal-Artikolu 1 għandu japplika mit-2 ta' Lulju 2019 jew mill-jum wara dak li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, skont liema data tkun l-aktar tard.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Marzu 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2018/937 tat-28 ta' Ġunju 2018 li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew (ĠU L 165 I, 2.7.2018, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

NUMRU MINIMU TA' FIRMATARJI GĦAL KULL STAT MEMBRU

Il-Belġju

15 750

Il-Bulgarija

12 750

Ir-Repubblika Ċeka

15 750

Id-Danimarka

10 500

Il-Ġermanja

72 000

L-Estonja

5 250

L-Irlanda

9 750

Il-Greċja

15 750

Spanja

44 250

Franza

59 250

Il-Kroazja

9 000

L-Italja

57 000

Ċipru

4 500

Il-Latvja

6 000

Il-Litwanja

8 250

Il-Lussemburgu

4 500

L-Ungerija

15 750

Malta

4 500

In-Netherlands

21 750

L-Awstrija

14 250

Il-Polonja

39 000

Il-Portugall

15 750

Ir-Rumanija

24 750

Is-Slovenja

6 000

Is-Slovakkja

10 500

Il-Finlandja

10 500

L-Iżvezja

15 750


Top