This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019R0620
Commission Implementing Regulation (EU) 2019/620 of 17 April 2019 granting Cape Verde a temporary derogation from the rules on preferential origin laid down in Delegated Regulation (EU) 2015/2446, in respect of prepared or preserved mackerel fillets and prepared or preserved frigate tuna or frigate mackerel fillets
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/620 tas-17 ta' April 2019 li jagħti lil Cape Verde deroga temporanja mir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 fir-rigward ta' fletti tal-kavalli ppreparati jew ippreservati u ta' fletti tat-tumbrell ippreparati jew ippreservati
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/620 tas-17 ta' April 2019 li jagħti lil Cape Verde deroga temporanja mir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 fir-rigward ta' fletti tal-kavalli ppreparati jew ippreservati u ta' fletti tat-tumbrell ippreparati jew ippreservati
C/2019/2842
ĠU L 108, 23.4.2019, p. 1–4
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
23.4.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 108/1 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/620
tas-17 ta' April 2019
li jagħti lil Cape Verde deroga temporanja mir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 fir-rigward ta' fletti tal-kavalli ppreparati jew ippreservati u ta' fletti tat-tumbrell ippreparati jew ippreservati
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 64(6) u 66(b) tiegħu,
Billi:
(1) |
Cape Verde huwa pajjiż li jibbenefika mill-iskema ġeneralizzata ta' preferenzi msejħa SĠP fir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 439/2011 (3), Cape Verde ngħata deroga mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (4) rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta' prodotti oriġinanti użat għall-finijiet tal-SĠP. Id-deroga kienet tikkonċerna l-volum annwali ta' 2 500 tunnellata ta' fletti tal-kavalli ppreparati jew ippreservati u ta' 875 tunnellata ta' fletti tat-tumbrell ippreparati jew ippreservati. Skont id-deroga mitluba u fil-limiti ta' dawk il-kwantitajiet, dawn il-prodotti tqiesu li joriġinaw f'Cape Verde anki jekk, minkejja li jkunu ġew prodotti f'Cape Verde, ikunu ġew prodotti minn ħut mhux oriġinarju. Wara li ġiet estiża tliet darbiet, id-deroga skadiet fit-31 ta' Diċembru 2018 (5). |
(2) |
B'ittra datata t-22 ta' Ottubru 2018, Cape Verde ressaq talba għal estensjoni ta' dik id-deroga, għall-istess volumi annwali, għal perjodu sakemm jidħol fis-seħħ il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (“l-FSE”) il-ġdid bejn l-Unjoni u l-Afrika tal-Punent li nbeda fit-30 ta' Ġunju 2014. Minħabba r-regoli ta' akkumulazzjoni tiegħu, il-FSE se jippermetti lill-industrija tal-ipproċessar tal-ħut ta' Cape Verde tikkonforma mar-regoli dwar l-oriġini preferenzjali billi tuża ħut li joriġina fi Stati tal-Afrika tal-Punent oħrajn. |
(3) |
Mill-2008, it-total tal-kwantitajiet annwali li ngħataw lil Cape Verde permezz tad-deroga kkontribwew, sa punt sinifikanti, biex titjieb is-sitwazzjoni tas-settur tal-ipproċessar tas-sajd ta' Cape Verde. Dawk il-kwantitajiet wasslu wkoll, sa ċertu punt, biex reġgħet ingħatat il-ħajja lill-flotta ta' bastimenti tas-sajd żgħar ta' Cape Verde, li hija ta' importanza vitali għall-pajjiż. |
(4) |
L-argumenti fit-talba juru li, mingħajr id-deroga, il-kapaċità tal-industrija tal-ipproċessar tal-ħut ta' Cape Verde li tkompli tesporta l-prodotti lejn l-Unjoni skont is-SĠP se tiġi affettwata b'mod sinifikanti, u dan jista' jkun ta' deterrent għall-iżvilupp ulterjuri tal-flotta ta' Cape Verde ta' bastimenti żgħar għas-sajd pelaġiku. |
(5) |
Hemm bżonn ta' aktar żmien biex jiġu kkonsolidati r-riżultati diġà miksuba minn Cape Verde fl-isforzi tiegħu biex jerġa' jagħti l-ħajja lill-flotta tas-sajd lokali tiegħu. Jenħtieġ li d-deroga tagħti lil Cape Verde żmien biżżejjed biex iħejji ruħu sabiex jikkonforma mar-regoli għall-akkwist tal-oriġini preferenzjali. |
(6) |
Wara li tqieset in-natura temporanja tad-derogi mogħtija għad-definizzjoni tal-kunċett ta' prodotti oriġinarji, jenħtieġ li d-deroga tingħata għal perjodu ta' sentejn, jew sakemm jidħol fis-seħħ l-FSE bejn l-Unjoni u l-Afrika tal-Punent, fir-rigward tal-kwantitajiet annwali ta' 2 500 tunnellata għall-fletti tal-kavalli ppreparati jew ippreservati u ta' 875 tunnellata għall-fletti tat-tumbrell ippreparati jew ippreservati. Madankollu, jenħtieġ li d-deroga tintemm fil-jum immedjatament qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-FSE mal-Afrika tal-Punent, jekk dan iseħħ qabel il-31 ta' Diċembru 2020. |
(7) |
Il-kwantitajiet stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu ġestiti skont l-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (6) li jirregolaw il-ġestjoni tal-kwoti tariffarji. |
(8) |
Jenħtieġ li d-deroga tingħata bil-kundizzjoni li l-awtoritajiet doganali ta' Cape Verde jieħdu l-passi neċessarji biex iwettqu kontrolli kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet tal-prodotti soġġetti għad-deroga, u li dawn jibagħtu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni tal-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu ċertifikati tal-oriġini tal-Formola A skont dan ir-Regolament u n-numri tas-serje ta' dawk iċ-ċertifikati. Jekk skont l-Artikolu 79 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447, f'Cape Verde tidħol fis-seħħ is-sistema tal-Esportaturi rreġistrati (REX) matul is-sena 2019, jenħtieġ li tiġi applikata l-istess regola għad-dikjarazzjonijiet dwar l-oriġini li jsiru mill-esportaturi rreġistrati. |
(9) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament jeħtieġ li jidħlu fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu sabiex titqies is-sitwazzjoni ta' Cape Verde u biex dan il-pajjiż jitħalla juża d-deroga mingħajr aktar dewmien. |
(10) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
B'deroga mill-Artikoli 41(b) u 45 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (7), il-fletti tal-kavalli ppreparati jew ippreservati u l-fletti tat-tumbrell ippreparati jew ippreservati tal-kodiċijiet NM 1604 15 11, ex 1604 19 97 u 1604 20 90 prodotti f'Cape Verde minn ħut mhux oriġinarju għandhom jitqiesu li joriġinaw f'Cape Verde skont l-Artikoli 2, 3 u 4 ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
1. Din id-deroga għandha tapplika għall-prodotti li jkunu ġew kemm esportati minn Cape Verde kif ukoll iddikjarati għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2019 sa:
(a) |
il-31 ta' Diċembru 2020; jew |
(b) |
jekk il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni u l-Afrika tal-Punent li nbeda fit-30 ta' Ġunju 2014 (“l-FSE”) jidħol fis-seħħ fil-31 ta' Diċembru 2020 jew qabel, sal-jum immedjatament qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. |
2. Id-deroga għandha tapplika għall-prodotti sal-kwantità annwali elenkata fl-Anness.
3. L-applikazzjoni tad-deroga hija soġġetta għall-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 43 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446.
Artikolu 3
Il-kwantitajiet stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu ġestiti skont l-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 li jirregolaw il-ġestjoni tal-kwoti tariffarji.
Artikolu 4
Id-deroga qed tingħata bil-kundizzjonijiet li ġejjin:
1. |
L-awtoritajiet doganali ta' Cape Verde għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex iwettqu kontrolli kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet tal-prodotti msemmijin fl-Artikolu 1. |
2. |
Dan li ġej għandu jitniżżel fil-kaxxa 4 taċ-ċertifikati tal-oriġini tal-Formola A maħruġin mill-awtoritajiet kompetenti ta' Cape Verde skont dan ir-Regolament: “Derogation — Commission Implementing Regulation (EU) xxx/2019”. Jekk fl-2019 tiġi applikata s-sistema tal-Esportaturi rreġistrati (REX) f'Cape Verde, din għandha titniżżel fuq id-dikjarazzjonijiet dwar l-oriġini li jsiru mill-esportaturi rreġistrati. |
3. |
Kull tliet xhur, l-awtoritajiet kompetenti ta' Cape Verde għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni tal-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu jew saru ċertifikati tal-oriġini u/jew dikjarazzjonijiet dwar l-oriġini skont dan ir-Regolament u n-numri tas-serje ta' dawk il-provi. |
Artikolu 5
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu jibda japplika mill-1 ta' Jannar 2019.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta' April 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1).
(3) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 439/2011 tas-6 ta' Mejju 2011 dwar deroga mir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 dwar id-definizzjoni tal-kunċett tal-prodotti oriġinanti li jintuża għall-finijiet tal-iskema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati sabiex titqies is-sitwazzjoni speċjali tal-Kap Verde fir-rigward tal-esportazzjoni ta' ċerti prodotti tas-sajd lejn l-Unjoni Ewropea (ĠU L 119, 7.5.2011, p. 1).
(4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).
(5) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/968 tat-8 ta' Ġunju 2017, (ĠU L 146, 9.6.2017, p. 13).
(6) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).
(7) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).
ANNESS
Nru tal-ordni |
Kodiċi NM |
|
Deskrizzjoni tal-merkanzija |
Perjodi |
Kwantità annwali (piż nett f'tunnellati) |
09.1647 |
1604 15 11 ex 1604 19 97 |
|
Fletti tal-kavalli ppreparati jew ippreservati (Scomber scombrus, Scomber japonicus, Scomber colias) |
Mill-1 ta' Jannar 2019 sad-data determinata skont l-Artikolu 2(1) |
2 500 tunnellata |
09.1648 |
ex 1604 19 97 1604 20 90 |
|
Fletti tat-tumbrell ippreparati jew ippreservati (Auxis thazard, Auxis rochei) |
Mill-1 ta' Jannar 2019 sad-data determinata skont l-Artikolu 2(1) |
875 tunnellata |