Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0493

    Regolament (UE, Euratom) 2019/493 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 2019 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 rigward proċedura ta' verifika relatata mal-ksur ta' regoli dwar il-protezzjoni ta' data personali fil-kuntest tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew

    PE/14/2019/REV/1

    ĠU L 85I, 27.3.2019, p. 7–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/493/oj

    27.3.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 85/7


    REGOLAMENT (UE, Euratom) 2019/493 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-25 ta' Marzu 2019

    li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 rigward proċedura ta' verifika relatata mal-ksur ta' regoli dwar il-protezzjoni ta' data personali fil-kuntest tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 224 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) stabbilixxa status legali speċifiku Ewropew għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej u jipprevedi l-finanzjament tagħhom mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Huwa stabbilixxa wkoll Awtorità għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (“l-Awtorità”).

    (2)

    Sabiex l-Awtorità titpoġġa f'pożizzjoni li twettaq il-kompiti tagħha, inklużi dawk ġodda previsti f'dan ir-Regolament, u biex tkun tista' tagħmel dan b'mod indipendenti, huwa neċessarju li tingħata persunal permanenti u li d-Direttur tal-Awtorità jingħata s-setgħat ta' awtorità tal-ħatra.

    (3)

    Avvenimenti riċenti taw prova tar-riskji potenzjali għall-proċessi elettorali u għad-demokrazija li jistgħu jiġu kkważati mill-użu illegali ta' data personali. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li l-integrità tal-proċess demokratiku Ewropew tiġi protetta billi jiġu previsti sanzjonijiet finanzjarji f'sitwazzjonijiet fejn il-partiti politiċi Ewropej jew l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jieħdu vantaġġ mill-ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali bil-għan li jinfluwenzaw l-eżitu tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

    (4)

    Biex jintlaħaq dak il-għan, jenħtieġ li tiġi stabbilita proċedura ta' verifika li permezz tagħha l-Awtorità jeħtiġilha, f'ċerti ċirkostanzi, titlob lill-kumitat ta' persuni eminenti indipendenti stabbilit bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 jivvaluta jekk partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jkunux influwenzaw, jew ippruvaw jinfluwenzaw, deliberatament l-eżitu tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew billi jieħdu vantaġġ minn ksur tar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni ta' data personali. Meta, f'konformità mal-proċedura ta' verifika, jinstab li dan ikun il-każ, jenħtieġ li l-Awtorità timponi sanzjonijiet taħt is-sistema ta' sanzjonijiet effettivi, proporzjonali u dissważivi stabbilita mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

    (5)

    Meta l-Awtorità timponi sanzjoni fuq partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni Ewropea f'konformità mal-proċedura ta' verifika, jenħtieġ li tqis b'mod xieraq il-prinċipju ta' ne bis in idem, li bih ma jistgħux jiġu imposti sanzjonijiet darbtejn għall-istess offiża. L-awtorità jenħtieġ ukoll li tiżgura li l-prinċipju taċ-ċertezza tad-dritt jiġi rrispettat u li l-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati jkunu ngħataw l-opportunità li jinstemgħu.

    (6)

    Il-proċedura l-ġdida jenħtieġ li tkun applikabbli flimkien ma' proċeduri attwali li jintużaw għall-verifika tal-konformità mal-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni u f'każijiet ta' ksur ċar u serju tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni. Madankollu, il-limiti taż-żmien għall-verifika tal-konformità mal-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni u mar-rekwiżiti iffissati fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 jenħtieġ li ma japplikawx għall-proċedura l-ġdida.

    (7)

    Billi l-proċedura l-ġdida tiġi attivata permezz ta' deċiżjoni ta' awtorità superviżorja nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, jenħtieġ li jkun possibbli li l-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati jitolbu li s-sanzjoni tiġi rieżaminata jekk id-deċiżjoni ta' dik l-awtorità superviżorja nazzjonali tiġi revokata, jew ikun ingħata rimedju kontra dik id-deċiżjoni, sakemm ir-rimedji kollha nazzjonali jkunu ġew eżawriti.

    (8)

    Sabiex jiġi żgurat li l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2019 isiru f'konformità ma' regoli demokratiċi b'saħħithom u b'rispett sħiħ għall-valuri Ewropej tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali, huwa importanti li d-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura ta' verifika ġdida tidħol fis-seħħ b'mod f'waqtu u li l-proċedura tapplika mill-aktar fis possibbli. Sabiex dan jinkiseb, l-emendi għar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 introdotti minn dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħlu fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (9)

    Għaldaqstant, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 jenħtieġ li jiġi emendat b'mod korrispondenti,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 6, il-paragrafu (5) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “5.   Id-Direttur tal-Awtorità għandu jkun assistit minn persunal li fir-rigward tiegħu għandu jeżerċita s-setgħat mogħtija lill-awtorità tal-ħatra mir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u s-setgħat mogħtija lill-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta' impjieg ta' ħaddiema oħra mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (“is-setgħat tal-awtorità tal-ħatra”). Fi kwalunkwe qasam tax-xogħol tagħha l-Awtorità tista' tagħmel użu minn esperti nazzjonali sekondati jew minn persunal ieħor mhux impjegat mill-Awtorità.

    Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra u r-regoli adottati bi ftehim bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għad-dħul fis-seħħ ta' dawk ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra għandhom japplikaw għall-persunal tal-Awtorità.

    L-għażla tal-persunal ma għandhiex tirriżulta f'konflitt tal-interessi bejn id-dmijiet tiegħu fl-Awtorità u kwalunkwe dmir uffiċjali ieħor, u għandu jżomm lura minn kwalunkwe aġir li hu inkompatibbli man-natura ta' dmirijietu.”.

    (2)

    Fl-Artikolu 10(3), it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Il-proċeduri stipulati fl-ewwel u t-tieni subparagrafi ma għandhomx jinbdew fil-perjodu ta' xahrejn qabel l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Dak il-limitu ta' żmien ma għandux japplika fir-rigward tal-proċedura stipulata fl-Artikolu 10a.”.

    (3)

    Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 10a

    Proċedura ta' verifika relatata ma' ksur ta' regoli dwar il-protezzjoni ta' data personali

    1.   L-ebda partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea ma għandhom jinfluwenzaw, jew jippruvaw jinfluwenzaw, deliberatament l-eżitu tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew billi jieħdu vantaġġ minn ksur tar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data personali min-naħa ta' persuna fiżika jew ġuridika.

    2.   Jekk l-Awtorità hija infurmata dwar deċiżjoni ta' awtorità superviżorja nazzjonali skont it-tifsira tal-punt 21 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament u tal-Kunsill (*1) li tikkonkludi li persuna fiżika jew ġuridika tkun kisret regoli applikabbli dwar il-protezzjoni ta' data personali u jekk minn dik id-deċiżjoni jirriżulta, jew inkella fejn altrimenti jkun hemm bażi raġonevoli biex tintlaħaq il-konklużjoni, li l-ksur ikun marbut mal-attivitajiet politiċi ta' partit politiku Ewropew jew ta' fondazzjoni politika Ewropea fil-kuntest tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, l-Awtorità għandha tirreferi l-kwistjoni lill-kumitat ta' persuni eminenti indipendenti stabbilit mill-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament. L-awtorità tista', jekk ikun meħtieġ, tikkoordina mal-awtorità superviżorja nazzjonali kkonċernata.

    3.   Il-kumitat imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jagħti opinjoni dwar jekk il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea inkwistjoni jkunux influwenzaw, jew ippruvaw jinfluwenzaw, deliberatament l-eżitu tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew billi jieħdu vantaġġ minn dak il-ksur. L-Awtorità għandha titlob l-opinjoni mingħajr telf ta' żmien, u mhux aktar tard minn xahar wara li tkun infurmata dwar id-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja nazzjonali. L-Awtorità għandha tistabbilixxi skadenza qasira u raġonevoli biex il-kumitat jagħti l-opinjoni tiegħu. Il-kumitat għandu jirrispetta dik l-iskadenza.

    4.   Fid-dawl tal-opinjoni tal-kumitat, l-Awtorità għandha tiddeċiedi, skont l-punt (a)(vii) tal-Artikolu 27(2), jekk għandhiex timponi sanzjonijiet finanzjarji fuq il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea inkwistjoni. Id-deċiżjoni tal-Awtorità għandha tkun debitament motivata, partikolarment fir-rigward tal-opinjoni tal-kumitat, u għandha tiġi ppubblikata malajr kemm jista' jkun.

    5.   Il-proċedura stipulata f'dan l-Artikolu hija mingħajr preġudizzju għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 10.

    (*1)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).”."

    (4)

    Fl-Artikolu 11(3), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Meta jiġi mitlub mill-Awtorità, il-kumitat għandu jagħti opinjoni dwar:

    (a)

    kwalunkwe ksur manifest u serju possibbli tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea, kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 3(1) u fil-punt (c) tal-Artikolu 3(2), minn partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea;

    (b)

    jekk partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jkunux influwenzaw, jew ippruvaw jinfluwenzaw, deliberatament l-eżitu tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew billi jkunu ħadu vantaġġ minn ksur tar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni ta' data personali.

    Fil-każijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, il-kumitat jista' jitlob kwalunkwe dokument jew prova rilevanti mingħand l-Awtorità, il-Parlament Ewropew, il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati, partiti politiċi jew fondazzjonijiet politiċi oħrajn jew partijiet ikkonċernati oħrajn, u jista' jitlob li jisma' r-rappreżentanti tagħhom. Fil-każ imsemmi fil-punti (b) tal-ewwel subparagrafu, l-awtorità superviżorja nazzjonali msemmija fl-Artikolu 10(a) għandha tikkoopera mal-kumitat f'konformità mal-liġi applikabbli.”.

    (5)

    Fl-Artikolu 18, il-paragrafu (2) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “2.   Il-partit politiku Ewropew u l-fondazzjoni politika Ewropea għandhom, fil-mument tal-applikazzjoni tagħhom, ikunu konformi mal-obbligi mniżżla fl-Artikolu 23, u, mid-data tal-applikazzjoni tagħhom sa tmiem is-sena finanzjarja jew tal-azzjoni koperti mill-kontribuzzjoni jew l-għotja, jibqgħu reġistrati fir-Reġistru u ma jistgħu jkunu soġġetti għal ebda waħda mis-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 27(1) u fil-punti (a)(v), (vi) u (vii) tal-Artikolu 27(2).”.

    (6)

    L-Artikolu 27 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-punt (a) tal-paragrafu (2), jiżdied il-punt li ġej:

    “(vii)

    meta, f'konformità mal-proċedura ta' verifika prevista fl-Artikolu 10a, jiġi stabbilit li partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jkunu influwenzaw, jew ippruvaw jinfluwenzaw, deliberatament l-eżitu tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew billi jkunu ħadu vantaġġ minn ksur tar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni ta' data personali.”;

    (b)

    jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “7.   Meta deċiżjoni ta' awtorità superviżorja nazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 10a tkun ġiet revokata jew meta jkun ngħata rimedju kontra tali deċiżjoni, u sakemm ir-rimedji nazzjonali kollha jkunu ġew eżawriti, l-Awtorità għandha twettaq rieżami ta' kwalunkwe sanzjoni li tkun ġiet imposta skont il-punt (a)(vii) tal-paragrafu 2 fuq talba tal-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea inkwistjoni.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta' Marzu 2019.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    A. TAJANI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. CIAMBA


    (1)  Opinjoni tat-12 ta' Diċembru 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

    (2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2019.

    (3)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1).


    Top