EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0412

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/412 tal-14 ta' Marzu 2019 dwar li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità 12 u 23 u l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju 3 u 11 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2019/1921

ĠU L 73, 15.3.2019, p. 93–97 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/10/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R1803

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/412/oj

15.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 73/93


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/412

tal-14 ta' Marzu 2019

dwar li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità 12 u 23 u l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju 3 u 11

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta' Ottubru 2008.

(2)

Fit-12 ta' Diċembru 2017, il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (International Accounting Standards Board, IASB) ippubblika t-Titjib Annwali għall-Standard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju għaċ-Ċiklu 2015-2017 (it-titjib annwali), fil-qafas tal-proċess tat-titjib regolari tiegħu li għandu l-għan li jissimplifika u jiċċara l-istandards. L-għan tat-titjib annwali huwa li jiġu indirizzati kwistjonijiet mhux urġenti, iżda neċessarji, diskussi mill-IASB waqt iċ-ċiklu tal-proġett rigward oqsma ta' inkonsistenza fl-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju jew fejn tkun meħtieġa kjarifika tat-test.

(3)

Wara l-konsultazzjonijiet mal-Grupp Finanzjarju Konsultattiv Ewropew, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-emendi għall-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 12 Taxxi fuq l-Introjtu, IAS 23 Kostijiet tas-Self, l-Istandrad Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 3 Kombinamenti ta' Negozji u IFRS 11 Arranġamenti Konġunti jissodisfaw il-kriterji għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(4)

Jenħtieġ għalhekk li r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju tal-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

(a)

L-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 12 Taxxi fuq l-Introjtu huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

(b)

L-IAS 23 Kostijiet tas-Self huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

(c)

L-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) 3 Kombinamenti ta' Negozji huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

(d)

L-IFRS 11 Arranġamenti Konġunti huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kull kumpanija għandha tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1 tal-anqas mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja li tibda fl-1 ta' Jannar 2019 jew wara.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Marzu 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta' Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1).


ANNESS

Titjib Annwali għall-Istandards tal-IFRS Ċiklu 2015-2017

Emendi għall-

IFRS 3 Kombinamenti ta' Negozji

Jiżdiedu l-paragrafi 42 A u 64O.

Gwida addizzjonali għall-applikazzjoni tal-metodu tal-akkwiżizzjoni għal tipi partikolari ta' kombinamenti ta' negozji

Kombinament ta' negozji mwettaq fi stadji

42 A

Meta parti f'arranġament konġunt (kif definit fl-IFRS 11 Arranġamenti Konġunti) tikseb il-kontroll ta' negozju li huwa operazzjoni konġunta (kif definit fl-IFRS 11), u kellha d-drittijiet għall-assi u l-obbligi għall-obbligazzjonijiet b'rabta ma' dik l-operazzjoni konġunta immedjatament qabel id-data tal-akkwiżizzjoni, it-tranżazzjoni tkun kombinament ta' negozju mwettaq fi stadji. L-akkwirent għandu għalhekk japplika r-rekwiżiti għal kombinament ta' negozju mwettaq fi stadji, inkluż li jerġa' jkejjel l-interessi li kellu qabel fl-operazzjoni konġunta bil-mod deskritt fil-paragrfaru 42. Meta jagħmel dan, l-akkwirent għandu jkejjel mill-ġdid l-interessi kollha li kellu qabel fl-operazzjoni konġunta.

DATA U TRANŻIZZJONI EFFETTIVI

Data effettiva

64O

Titjib Annwali għall-Istandards IFRS Ċiklu 2015-2017, maħruġ f'Diċembru 2017, żied il-paragrafu 42 A. Entità għandha tapplika dawn l-emendi għal kombinamenti ta' negozji li d-data tal-akkwiżizzjoni tagħhom tkun fil-bidu jew wara l-bidu tal-ewwel perjodu ta' rappurtar annwali li jibda fl-1 ta' Jannar 2019 jew wara. Hija permessa applikazzjoni aktar bikrija. Jekk entità tapplika dawk l-emendi aktar kmieni, hija għandha tiddivulga dak il-fatt.

Emendi għall-

IFRS 11 Arranġamenti Konġunti

Jiżdied il-paragrafu B33CA u l-paragrafu C1AB.

Kontabilizzazzjoni għal akkwiżizzjonijiet ta' interessi f'operazzjonijiet konġunti

B33CA

Parti li tipparteċita f'operazzjoni konġunta, iżda li ma jkollhiex kontroll konġunt tagħha, tista' tikseb kontroll konġunt tal-operazzjoni konġunta li fiha l-attività tal-operazzjoni konġunta tikkostittiwixxi negozju kif definit fl-IFRS 3. F'dawn il-każijiet, l-interessi li kellha qabel fl-operazzjoni konġunta ma jitkejlux mill-ġdid.

DATA EFFETTIVA

C1AB

Titjib Annwali għall-Istandards IFRS Ċiklu 2015-2017, maħruġ f'Diċembru 2017, żied il-paragrafu B33CA. Entità għandha tapplika dawn l-emendi għal tranżazzjonijiet li fihom hija tikseb kontroll konġunt fil-bidu jew wara l-bidu tal-ewwel perjodu ta' rappurtar annwali li jibda fl-1 ta' Jannar 2019 jew wara. Hija permessa applikazzjoni aktar bikrija. Jekk entità tapplika dawk l-emendi aktar kmieni, hija għandha tiddivulga dak il-fatt.

Emendi għall-

IAS12 Taxxi fuq l-Introjtu

Jiżdiedu l-paragrafi 57 A u 98I, l-intestatura tal-eżempju ta' taħt il-paragrafu 52B hija emendata u l-paragrafu 52B jitħassar.

KEJL

52B

[Imħassar]

Eżempju li jispjega l-paragrafi 52 A u 57 A

RIKONOXXIMENT TA' TAXXA ATTAWALI U DIFFERITA

57 A

Entità għandha tirrikonoxxi l-konsegwenzi tad-dividendi fuq it-taxxa tal-introjtu kif definit fl-IFRS 9 meta tirrikonoxxi obbligazzjoni li tħallas dividend. Il-konsegwenzi tad-dividendi fuq it-taxxa tal-introjtu huma marbuta direttament aktar ma' tranżazzjonijiet jew avvenimenti passati li ġġeneraw il-profitti distribwibbli milli mad-distribuzzjonijiet lis-sidien. Għalhekk, entità għandha tirrikonoxxi l-konsegwenzi tad-dividendi fuq it-taxxa tal-introjtu fil-profitt jew telf, f'introjtu komprensiv ieħor jew f'ekwità skont fejn oriġinarjament l-entità rrikonoxxiet dawk it-tranżazzjonijiet jew l-avvenimenti passati.

DATA EFFETTIVA

98I

Titjib Annwali għall-Istandards IFRSs Ċiklu 2015-2017, maħruġ f'Diċembru 2017, żied il-paragrafu 57 A u emenda l-paragrafu 52B. Entità għandha tapplika dawk l-emendi għall-perjodi ta' rappurtar annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2019, jew wara. Hija permessa applikazzjoni aktar bikrija. Jekk entità tapplika dawk l-emendi aktar kmieni, hija għandha tiddivulga dak il-fatt. Meta entità tapplika dawk l-emendi għall-ewwel darba, għandha tapplikahom għal dawn il-konsegwenzi tad-dividendi fuq it-taxxa tal-introjtu rikonoxxuti fil-bidu tal-perjodu komparattiv l-iktar bikri jew wara.

Emendi għall-

IAS 23 Kostijiet tas-self

Il-paragrafu 14 huwa emendat u jiżdiedu l-paragrafi 28 A u 29D.

RIKONOXXIMENT

Kostijiet tas-self eliġibbli għall-kapitalizzazzjoni

14.

Sal-punt li entità tissellef fondi b'mod ġenerali u tużahom għall-iskop li tikseb assi kwalifikanti, l-entità għandha tiddetermina l-ammont tal-kostijiet tat-teħid ta' self eliġibbli għall-kapitalizzazzjoni billi tapplika rata ta' kapitalizzazzjoni għall-infiq fuq dak l-assi. Ir-rata tal-kapitalizzazzjoni għandha tkun il-medja ponderata tal-kostijiet tat-teħid tas-self applikabbli għat-teħid tas-self tal-entità li jkunu pendenti matul il-perjodu. Madankollu, entità għandha teskludi minn dan il-kalkolu tal-kostijiet tat-teħid tas-self applikabbli għat-teħid tas-self li sar speċifikament għall-iskop li tikseb assi kwalifikanti, sakemm b'mod sostanzjali jitlestew l-attivitajiet kollha meħtieġa biex tipprepara dak l-assi għall-użu intenzjonat jew għall-bejgħ tiegħu. L-ammont tal-kostijiet tat-teħid tas-self li entità tikkapitalizza matul perjodu ma għandux jaqbeż l-ammont tal-kostijiet tas-self li l-entità tkun ġarrbet matul dak il-perjodu.

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI

28 A

Titjib Annwali għall-Istandards IFRS, Ċiklu 2015-2017, maħruġ f'Diċembru 2017, emenda l-paragrafu 14. Entità għandha tapplika dawk l-emendi fuq il-kostijiet tat-teħid tas-self imġarrba fil-bidu tal-perjodu tar-rappurtar annwali, jew wara u li fih l-entità tapplika għall-ewwel darba dawn l-emendi.

DATA EFFETTIVA

29D

Titjib Annwali għall-Istandards IFRS, Ċiklu 2015-2017, maħruġ f'Diċembru 2017, emenda l-paragrafu 14 u żied il-paragrafu 28 A. Entità għandha tapplika dawk l-emendi għall-perjodi ta' rappurtar annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2019, jew wara. Hija permessa applikazzjoni aktar bikrija. Jekk entità tapplika dawk l-emendi aktar kmieni, hija għandha tiddivulga dak il-fatt.

Top