Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0343

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/343 tat-28 ta' Frar 2019 li jipprovdi derogi mill-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel għall-użu ta' ċerti deskrizzjonijiet ġeneriċi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    C/2019/1522

    ĠU L 62, 1.3.2019, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/343/oj

    1.3.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 62/1


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/343

    tat-28 ta' Frar 2019

    li jipprovdi derogi mill-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel għall-użu ta' ċerti deskrizzjonijiet ġeneriċi

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006, kull indikazzjoni mogħtija fuq l-ikel li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li teżisti relazzjoni bejn kategorija ta' ikel, xi ikel jew wieħed mill-kostitwenti tiegħu u s-saħħa jeħtieġ titqies bħala indikazzjoni dwar is-saħħa u għalhekk trid tikkonforma ma' dak ir-Regolament.

    (2)

    L-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jipprevedi l-possibbiltà ta' deroga mir-regoli applikabbli skont l-Artikolu 1(3) ta' dak ir-Regolament għal deskrizzjonijiet ġeneriċi (denominazzjonijiet) li tradizzjonalment kienu jintużaw biex jindikaw kwalità partikolari ta' kategorija ta' ikel jew xorb li jistgħu jimplikaw effett fuq is-saħħa tal-bniedem.

    (3)

    Jistgħu jitressqu applikazzjonijiet biex terminu jintuża bħala deskrizzjoni ġenerika minn operaturi tan-negozju tal-ikel lill-awtorità nazzjonali kompetenti ta' Stat Membru riċevitur.

    (4)

    Skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2013 (2) li jistipula r-regoli għal applikazzjonijiet li jikkonċernaw l-użu ta' deskrizzjonijiet ġeneriċi (denominazzjonijiet), jenħtieġ li tiġi trażmessa applikazzjoni valida lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha; L-Istati Membri kkonċernati mill-applikazzjoni għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-opinjonijiet tagħhom dwarha.

    (5)

    Wara li tasal applikazzjoni valida u l-opinjonijiet tal-Istati Membri kkonċernati, il-Kummissjoni tista' tibda l-proċedura tal-approvazzjoni tad-deskrizzjoni ġenerika skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.

    (6)

    Fit-13 ta' April 2015, l-awtorità kompetenti Awstrijaka pprovdiet lill-Kummissjoni b'applikazzjoni mingħand l-Assoċjazzjoni Awstrijaka tal-Industriji tal-Ikel, imressqa skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, biex it-termini “Hustenbonbon” u “Hustenstopper” jintużaw bħala deskrizzjonijiet ġeneriċi fl-Awstrija.

    (7)

    Fit-13 ta' April 2015, l-awtorità kompetenti Awstrijaka pprovdiet lill-Kummissjoni b'applikazzjoni minn Drapal GmbH, imressqa skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, biex it-terminu “Hustenzuckerl” jintuża bħala deskrizzjoni ġenerika fl-Awstrija.

    (8)

    Fid-19 ta' Mejju 2015, l-awtorità kompetenti Ġermaniża pprovdiet lill-Kummissjoni b'applikazzjoni mingħand l-Assoċjazzjoni Ġermaniża tal-Industrija tal-Ħelu, imressqa skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, biex it-terminu “Brust-Caramellen” jintuża bħala deskrizzjoni ġenerika fil-Ġermanja u fl-Awstrija.

    (9)

    Fid-29 ta' Mejju 2015, l-awtorità kompetenti Ġermaniża pprovdiet lill-Kummissjoni b'applikazzjoni minn SOLDAN Holding + Bonbonspezialitäten GmbH u mingħand l-Assoċjazzjoni Ġermaniża tal-Industrija tal-Ħelu, imressqa skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, biex it-terminu “Hustenmischung” jintuża bħala deskrizzjoni ġenerika fil-Ġermanja.

    (10)

    Fit-8 ta' Ġunju 2015, l-awtorità kompetenti Ġermaniża pprovdiet lill-Kummissjoni b'applikazzjoni minn SOLDAN Holding + Bonbonspezialitäten GmbH, imressqa skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, biex it-terminu “Hustenperle” jintuża bħala deskrizzjoni ġenerika fil-Ġermanja.

    (11)

    Fit-18 ta' Ġunju 2015, l-awtorità kompetenti Ġermaniża pprovdiet lill-Kummissjoni b'żewġ applikazzjonijiet minn SOLDAN Holding + Bonbonspezialitäten GmbH u l-Assoċjazzjoni Ġermaniża tal-Industrija tal-Ħelu, imressqa skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, biex it-termini “Halsbonbon” u “keelpastille” jintużaw bħala deskrizzjonijiet ġeneriċi fil-Ġermanja (“Halsbonbon”) u fin-Netherlands(“keelpastille”).

    (12)

    Fit-18 ta' Novembru 2015, l-awtorità kompetenti Ġermaniża pprovdiet lill-Kummissjoni bi tliet applikazzjonijiet minn SOLDAN Holding + Bonbonspezialitäten GmbH, Josef Mack GmbH & Co. KG u l-Assoċjazzjoni Ġermaniża tal-Industrija tal-Ħelu, imressqa skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, biex it-termini “Hustenbonbon”, “hoestbonbon”, “rebucados para a tosse”, u “cough drops”, jintużaw bħala deskrizzjonijiet ġeneriċi fil-Ġermanja u fl-Awstrija (“Hustenbonbon”), fin-Netherlands (“hoestbonbon”), fil-Portugall (“rebucados para a tosse”) u fir-Renju Unit (“cough drops”).

    (13)

    L-awtoritajiet kompetenti tal-Awstrija u tal-Ġermanja pprovdew lill-Istati Membri l-oħra kollha bl-applikazzjonijiet. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati pprovdew lill-Kummissjoni bl-opinjonijiet tagħhom dwar l-applikazzjonijiet.

    (14)

    It-termini “Hustenbonbon”, “Hustenstopper”, “Hustenzuckerl”, “Brust-Caramellen”, “Hustenmischung”, “Hustenperle”, “Halsbonbon”, “keelpastille”, “hoestbonbon”, “rebuçados para a tosse”, u “cough drops” jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, għaliex jistgħu jimplikaw relazzjoni bejn l-ikel li għalih japplikaw dawn it-termini u s-saħħa.

    (15)

    Madankollu, ingħatat evidenza li dawn it-termini ntużaw tradizzjonalment fil-Ġermanja u fl-Awstrija (“Hustenbonbon”, “Brust-Caramellen”), fil-Ġermanja (“Halsbonbon”, “Hustenmischung” u “Hustenperle”), fl-Awstrija (“Hustenstopper” u “Hustenzuckerl”), fin-Netherlands (“keelpastille”, u “hoestbonbon”), fil-Portugall (“rebuçados para a tosse”) u fir-Renju Unit (“cougħ drops”) fis-sens tal-Artikolu 1(4) ta' dan ir-Regolament bħala deskrizzjonijiet ġeneriċi biex jiddeskrivu kategorija ta' ħelu bbażat fuq iz-zokkor kif ukoll varjanti mingħajr zokkor u b'inqas kaloriji bbażati fuq sustanzi li jagħtu l-ħlewwa (poljoli u/jew sustanzi qawwija li jagħtu l-ħlewwa) li fihom l-għasel, ix-xgħir jew estratti ta' ħxejjex, frott jew sustanzi tal-pjanti oħra, bħall-mentol.

    (16)

    B'mod partikolari, it-termini “Hustenbonbon”, “Brust-Caramellen”, “Halsbonbon”, “Hustenmischung”, “Hustenperle”, “Hustenstopper”, “Hustenzuckerl”, “keelpastille”, “hoestbonbon”, “rebuçados para a tosse” u “cough drops” la ma ntużaw fil-Ġermanja, fl-Awstrija, fin-Netherlands, fil-Portugall u fir-Renju Unit rispettivament, bil-għan li jindikaw l-effett fuq is-saħħa ta' din il-kategorija ta' ikel u lanqas ma jinftiehmu mill-konsumatur medju bħala indikazzjoni ta' effett fuq is-saħħa ta' din il-kategorija ta' ikel.

    (17)

    Għalhekk jenħtieġ li tingħata deroga mir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 għall-użu tad-deskrizzjonijiet ġeneriċi “Hustenbonbon” u “Brust-Caramellen” fil-Ġermanja u fl-Awstrija, “Halsbonbon”, “Hustenmischung” u “Hustenperle” fil-Ġermanja, “Hustenstopper” u “Hustenzuckerl” fl-Awstrija, “keelpastille” u “hoestbonbon” fin-Netherlands, “rebuçados para a tosse” fil-Portugall u “cough drops” fir-Renju Unit meta jintużaw fl-Istat Membru rispettiv għall-ħelu bbażat fuq zokkor kif ukoll għall-varjanti mingħajr zokkor u b'inqas kaloriji bbażati fuq is-sustanzi li jagħtu l-ħlewwa (poljoli u/jew sustanzi qawwija li jagħtu ħlewwa) li fihom estratti ta' ħxejjex, frott jew sustanzi tal-pjanti oħra, għasel jew xgħir.

    (18)

    Fit-12 ta' Jannar 2017, l-awtorità kompetenti Finlandiża pprovdiet lill-Kummissjoni b'applikazzjoni mill-Assoċjazzjoni Finlandiża tal-Industriji tal-Ikel, imressqa skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, biex it-terminu “kurkkupastilli/halspastill” jintuża bħala deskrizzjoni ġenerika fil-Finlandja.

    (19)

    L-awtorità kompetenti Finlandiża pprovdiet lill-Istati Membri l-oħra kollha bl-applikazzjoni; barra minn hekk, hija pprovdiet lill-Kummissjoni bl-opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni.

    (20)

    It-terminu “kurkkupastilli/halspastill” jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, għaliex jista' jimplika relazzjoni bejn l-ikel li għalih japplika dan it-terminu u s-saħħa. Madankollu, ingħatat evidenza li dan it-terminu ntuża tradizzjonalment fil-Finlandja, fis-sens tal-Artikolu 1(4) ta' dan ir-Regolament, bħala deskrizzjoni ġenerika biex jiddeskrivi kategorija ta' ħelu bbażat fuq iz-zokkor kif ukoll varjanti mingħajr zokkor u b'kaloriji mnaqqsa bbażati fuq sustanzi li jagħtu l-ħlewwa (poljoli u/jew sustanzi qawwija li jagħtu ħlewwa).

    (21)

    B'mod partikolari, it-terminu “kurkkupastilli/halspastill” la ma ntuża fil-Finlandja bil-għan li jindika effett fuq is-saħħa ta' din il-kategorija ta' ikel u lanqas ma jinftiehem minn konsumatur medju bħala indikazzjoni ta' effett fuq is-saħħa ta' din il-klassi ta' ikel.

    (22)

    Għalhekk jenħtieġ li tingħata deroga mir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 għall-użu tad-deskrizzjoni ġenerika “kurkkupastilli/halspastill” meta tintuża fil-Finlandja għal ħelu iebes bbażat fuq iz-zokkor kif ukoll għal varjanti mingħajr zokkor u b'kaloriji mnaqqsa bbażati fuq sustanzi li jagħtu l-ħlewwa (poljoli u/jew sustanzi qawwija li jagħtu ħlewwa).

    (23)

    Fit-13 ta' April 2015, l-awtorità kompetenti Awstrijaka pprovdiet lill-Kummissjoni b'applikazzjoni minn Drapal GmbH, imressqa skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, biex it-terminu “Hustensirup” jintuża bħala deskrizzjoni ġenerika fl-Awstrija.

    (24)

    L-awtorità kompetenti Awstrijaka pprovdiet lill-Istati Membri l-oħra kollha bl-applikazzjoni; barra minn hekk, hija pprovdiet lill-Kummissjoni bl-opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni.

    (25)

    It-terminu “Hustensirup” jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, għaliex jista' jimplika relazzjoni bejn l-ikel li għalih japplika dan it-terminu u s-saħħa. Madankollu, ingħatat evidenza li dan it-terminu ntuża tradizzjonalment fl-Awstrija, fis-sens tal-Artikolu 1(4) ta' dan ir-Regolament, bħala deskrizzjoni ġenerika biex tiddeskrivi kategorija ta' prodotti tal-ħelu magħmula minn soluzzjonijiet ta' zokkor, xropp tal-lamtu, zokkor invertit u/jew għasel biż-żieda ta' ingredjenti erbali,“Hustensirup”, li jirreferi għal kategorija ta' prodotti fil-forma ta' xropp.

    (26)

    B'mod partikolari, it-terminu “Hustensirup” la ma ntuża bil-għan li jindika l-effett fuq is-saħħa ta' din il-kategorija ta' ikel u lanqas ma jinftiehem minn konsumatur medju bħala indikazzjoni ta' effett fuq is-saħħa ta' din il-kategorija ta' ikel fl-Awstrija.

    (27)

    Għalhekk jenħtieġ li tingħata deroga mir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 għall-użu tad-deskrizzjoni ġenerika “Hustensirup” meta tintuża fl-Awstrija għal prodotti tal-ħelu magħmula minn soluzzjonijiet ta' zokkor, xropp tal-lamtu, zokkor invertit u/jew għasel biż-żieda ta' ingredjenti erbali fil-forma ta' xropp.

    (28)

    Fil-punt A tal-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/111/KE (3), ġew stipulati definizzjonijiet għal zokkor maħsub għall-konsum mill-bniedem. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, jenħtieġ li dawn id-definizzjonijiet japplikaw ukoll għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

    (29)

    Fit-2 ta' April 2015, l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit ipprovdiet lill-Kummissjoni b'applikazzjoni mingħand l-Assoċjazzjoni tas-Soft Drinks tar-Renju Unit, imressqa skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, biex it-terminu “tonic” (bl-Ingliż) li jintuża bħala parti mill-isem deskrittiv ta' xarba fil-forma ta' “tonic water”, “Indian tonic water” jew “quinine tonic water” u sostitwit fl-istess isem deskrittivi b'“tonique” (bil-Franċiż), “tónico” jew “tonica” (bit-Taljan, bl-Ispanjol u bil-Portugiż), “τονωτικό” jew “tonotiko” (bil-Grieg), “tonik” (bil-Kroat, biċ-Ċek, bl-Ungeriż, bil-Pollakk, bis-Slovakk u bis-Sloven), u “тоник” (bil-Bulgaru), jintuża bħala deskrizzjoni ġenerika fl-Istati Membri kollha ħlief fir-Rumanija.

    (30)

    Fit-30 ta' Settembru 2015, l-awtorità kompetenti tar-Rumanija pprovdiet lill-Kummissjoni b'applikazzjoni mill-Assoċjazzjoni tas-Soft Drinks tar-Rumanija, imressqa skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, biex it-terminu “tonic” (bl-Ingliż) li jintuża bħala parti mill-isem deskrittiv ta' xarba fil-forma ta' “tonic water”, “Indian tonic water” jew “quinine tonic water” u li sostitwit fl-istess ismijiet deskrittivi b'“tónico”, “tonică” jew “tonica” (bir-Rumen), jintuża bħala deskrizzjoni ġenerika fir-Rumanija.

    (31)

    L-awtorità kompetenti tar-Renju Unit u l-awtorità kompetenti tar-Rumanija pprovdew lill-Istati Membri l-oħra kollha bl-applikazzjonijiet; L-Istati Membri pprovdew lill-Kummissjoni bl-opinjonijiet tagħhom dwar dawn l-applikazzjonijiet.

    (32)

    L-awtorità kompetenti Griega tikkunsidra li t-termini “τονωτικό” u “tonotiko” (“τονωτικό” bil-karattri Latini) jitqiesu bħala indikazzjoni dwar is-saħħa skont ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006. L-awtorità kompetenti Griega tikkunsidra wkoll li għax-xarbiet mhux alkoħoliċi li fihom il-kinina, it-terminu “tonic” użat bħala parti mill-isem tradizzjonali tal-ikel hu tradizzjonalment użat ħafna fil-Greċja.

    (33)

    L-awtorità kompetenti Ġermaniża u l-awtorità kompetenti Awstrijaka iqisu t-terminu “tonic” li jintuża bħala parti mit-“tonic water”, “Indian tonic water” jew “quinine tonic water” hu parti mill-isem tradizzjonali tax-xarba u bħala tali barra mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.

    (34)

    L-awtorità kompetenti Griega tikkunsidra li t-terminu “tonique” mhux jintuża biex jiddeskrivi xarba bil-gass mhux alkoħolika li fiha l-aġent kinina li jagħmilha morra.

    (35)

    Ċerti awtoritajiet kompetenti iqisu li meta t-terminu “tonic” (bl-Ingliż) jiġi sostitwit b'“tonik” bil-Kroat, bl-Ungeriż, bil-Pollakk u bis-Sloven, dan ma jitqiesx bħala indikazzjoni dwar is-saħħa f'dawk l-Istati Membri rispettivi fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006; għalhekk fl-opinjoni tagħhom dawn it-termini jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament.

    (36)

    Meta t-terminu “tonic” u l-forom lingwistiċi ekwivalenti, jiġifieri, “tonik”, “tónico”, “tónica” u “tonică”, jintużaw bħala parti mill-isem deskrittiv ta' xarba, dawn jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, għaliex jistgħu jimplikaw relazzjoni bejn ikel li għalih japplika dan it-terminu u s-saħħa. Madankollu, ingħatat evidenza li dawn it-termini ntużaw tradizzjonalment, fis-sens tal-Artikolu 1(4) ta' dan ir-Regolament, bħala deskrizzjonijiet ġeneriċi biex jiddeskrivu kategorija ta' xarbiet, b'mod partikolari, xarba bil-gass mhux alkoħolika li fiha l-aġent kinina li jagħmilha morra fil-forma tal-aromatizzanti FL 14.011, FL 14.152 jew 14.155 kif imsemmi fil-lista tal-Unjoni tal-aromatizzanti li ġew stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel.

    (37)

    B'mod partikolari, meta t-termini “tonic” u l-forom lingwistiċi ekwivalenti, jiġifieri, “tonik”, “tónico”, “tónica” u “tonică”, jintużaw bħala parti mill-isem deskrittiv ta' xarba, la ma jintużaw bil-għan li jindikaw l-effett fuq is-saħħa ta' din il-kategorija ta' xorb u lanqas ma jinftiehmu minn konsumatur medju bħala indikazzjoni ta' effett fuq is-saħħa ta' din il-kategorija ta' xorb.

    (38)

    Għalhekk jenħtieġ li tingħata deroga mir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 għall-użu tad-deskrizzjoni ġenerika “tonic” (bl-Ingliż), meta tintuża bħala parti minn isem deskrittiv ta' xarbiet karbonati mhux alkoħoliċi li fihom l-aġent kinina li jagħmilhom morri fil-forma tal-aromatizzanti FL 14.011, FL 14.152 jew 14.155 kif imsemmi fil-lista tal-Unjoni ta' aromatizzanti stipulata fir-Regolament (KE) Nru 1334/2008. It-terminu “tonic” (bl-Ingliż) jista' jiġi sostitwit fid-dsekrizzjoni b' “тоник” (bil-Bulgaru), “tonik” (biċ-Ċek u bis-Slovakk), “tónica” (bl-Ispanjol u l-Protugiż) “tonica” (bit-Taljan), jew “tonică” (bir-Rumen).

    (39)

    Fit-23 ta' April 2015, l-awtorità kompetenti Taljana pprovdiet lill-Kummissjoni b'applikazzjoni minn Monviso S.P.A. mressqa skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, biex it-terminu “biscotto salute” jintuża bħala deskrizzjoni ġenerika fl-Italja u f'Malta.

    (40)

    L-awtorità kompetenti Taljana pprovdiet lill-Istati Membri l-oħra kollha bl-applikazzjoni; l-Istati Membri kkonċernati taw l-opinjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni.

    (41)

    It-terminu “biscotto salute” jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, għaliex jista' timplika relazzjoni bejn ikel li għalih japplika dan it-terminu u s-saħħa. Madankollu, ingħatat evidenza li dan it-terminu ntuża tradizzjonalment fl-Italja, fis-sens tal-Artikolu 1(4) ta' dan ir-Regolament, bħala deskrizzjoni ġenerika biex tiddeskrivi kategorija ta' prodotti tal-forn tat-tip qarmeċ.

    (42)

    B'mod partikolari, it-terminu “biscotto salute” la ntuża bil-għan li jindika effett fuq is-saħħa ta' din il-kategorija ta' ikel u lanqas ma jinftiehem minn konsumatur medju bħala indikazzjoni ta' effett fuq is-saħħa ta' din il-kategorija tal-ikel fl-Italja.

    (43)

    Malta indikat li t-terminu “biscotto salute” ma ntużax biex jiddeskrivi prodotti tal-forn tat-tip qarmeċ fis-suq Malti.

    (44)

    Għalhekk jenħtieġ li tiġi konċessa deroga mir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 għall-użu tad-deskrizzjoni ġenerika “biscotto salute” meta tintuża fl-Italja għal prodotti tal-forn tat-tip qarmeċ.

    (45)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Id-deskrizzjonijiet ġeneriċi elenkati fl-Anness ta' dan ir-Regolament huma eżentati mill-applikazzjoni tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 skont il-kundizzjonijiet stipulati f'dak l-Anness.

    Artikolu 2

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet għal zokkor maħsub għall-konsum mill-bniedem stipulati fil-punt A tal-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/111/KE.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Frar 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2013 tal-20 ta' Settembru 2013, li jistipula r-regoli għal applikazzjonijiet li jikkonċernaw l-użu ta' deskrizzjonijiet ġeneriċi (denominazzjonijiet) (ĠU L 251, 21.9.2013, p. 7).

    (3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/111/KE tal-20 ta' Diċembru 2001 li għandha x'taqsam ma' ċerti tipi ta' zokkor maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 10, 12.1.2002, p. 53).

    (4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1601/91, ir-Regolamenti (KE) Nru 2232/96 u (KE) Nru 110/2008 u d-Direttiva 2000/13/KE (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 34).


    ANNESS

    Kategorija ta' ikel

    Deskrizzjoni ġenerika

    L-Istati Membri fejn din l-eżenzjoni hija valida

    Ħelu iebes u ħelu artab abbażi ta' zokkor kif ukoll varjanti mingħajr zokkor u b'kaloriji mnaqqsa bbażati fuq sustanzi li jagħtu l-ħlewwa (poljoli u/jew sustanzi qawwija li jagħtu l-ħlewwa) li fihom estratti ta' ħxejjex, frott jew sustanzi tal-pjanti oħra, għasel jew xgħir

    Brust-Caramellen Hustenbonbon

    Il-Ġermanja, l-Awstrija

    Halsbonbon,

    Hustenmischung,

    Hustenperle

    Il-Ġermanja

    Hustenstopper,

    Hustenzuckerl

    L-Awstrija

    Cough drops

    Ir-Renju Unit

    Hoestbonbon,

    Keelpastille

    In-Netherlands

    Rebucados para a tosse

    Il-Portugall

    Ħelu iebes abbażi ta' zokkor kif ukoll varjanti mingħajr zokkor u b'kaloriji mnaqqsa bbażati fuq sustanzi li jagħtu l-ħlewwa (poljoli u/jew sustanzi qawwija li jagħtu l-ħlewwa)

    Kurkkupastilli/ Halspastill

    Il-Finlandja

    Prodotti tal-ħelu magħmula minn soluzzjonijiet ta' zokkor, xropp tal-lamtu, zokkor invertit u/jew għasel biż-żieda ta' ingredjenti erbali fil-forma ta' xropp.

    Hustensirup

    L-Awstrija

    Xorb karbonat mhux alkoħoliku li fih l-aġent kinina li jagħmlu morr fil-forma tal-aromatizzanti FL 14.011, FL 14.152 jew 14.155 kif imsemmi fil-lista tal-Unjoni ta' aromatizzanti kif stipulata fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008

    It-termini li ġejjin, li jintużaw bħala parti mill-isem deskrittiv tax-xarba:

     

    “tonic” (bl-Ingliż), sostitwit b'“Tоник'”(bil-Bulgaru),

     

    “tonik” (biċ-Ċek u bis-Slovakk),

     

    “tónica” (bl-Ispanjol u bil-Portugiż),

     

    “tonica” (bit-Taljan),

     

    'tonică' (bir-Rumen)

    L-Istati Membri kollha

    Prodotti tal-forn tat-tip qarmeċ

    Biscotto salute

    L-Italja


    Top