Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0291

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/291 tad-19 ta' Frar 2019 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi 1-naftilaċetammid, aċidu 1-naftilaċetiku, akrinatrina, ażossistrobina, fluważifop p, fluroksipir, imażalil, kreżoksim-metil, ossifluworfen, prokloraż, proeżadjon, spiroksamina, teflutrin u terbutilażina (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    C/2019/1317

    ĠU L 48, 20.2.2019, p. 17–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/291/oj

    20.2.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 48/17


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/291

    tad-19 ta' Frar 2019

    li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi 1-naftilaċetammid, aċidu 1-naftilaċetiku, akrinatrina, ażossistrobina, fluważifop p, fluroksipir, imażalil, kreżoksim-metil, ossifluworfen, prokloraż, proeżadjon, spiroksamina, teflutrin u terbutilażina

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-Parti B tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (2) tistabbilixxi s-sustanzi attivi approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

    (2)

    Il-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi 1-naftilaċetammid, aċidu 1-naftilaċetiku, akrinatrina, ażossistrobina, fluważifop p, fluroksipir, imażalil, kreżoksim-metil, ossifluworfen, prokloraż, proeżadjon, spiroksamina, teflutrin u terbutilażina se jiskadu fil-31 ta' Diċembru 2021.

    (3)

    L-applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanzi attivi inklużi f'dan ir-Regolament ġew ippreżentati f'konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (3). Madankollu, l-approvazzjonijiet ta' dawk is-sustanzi x'aktarx li se jiskadu għal raġunijiet li ma għandux kontroll fuqhom l-applikant qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tagħhom. Għalhekk jeħtieġ li l-perjodi tal-approvazzjoni tagħhom jiġu estiżi b'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

    (4)

    Minħabba ż-żmien u r-riżorsi li huma meħtieġa biex jitlestew il-valutazzjonijiet tal-applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-approvazzjoni ta' għadd kbir ta' sustanzi attivi li l-approvazzjonijiet għalihom se jiskadu bejn l-2019 u l-2021, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2016)6104 (4) stabbiliet programm ta' ħidma li fih is-sustanzi attivi li huma simili għal xulxin inġabru fi gruppi u ġew stabbiliti l-prijoritajiet skont it-tħassib li dawn iqajmu għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u għall-ambjent, kif previst fl-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

    (5)

    Jenħtieġ li s-sustanzi meqjusa bħala sustanzi ta' riskju baxx jingħataw prijorità skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni C(2016)6104. Għalhekk, jenħtieġ li l-approvazzjoni ta' dawk is-sustanzi tiġi estiża bl-iqsar perjodu possibbli. Filwaqt li titqies id-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet u tal-ħidma fost l-Istati Membri li jaġixxu bħala relaturi u korelaturi u r-riżorsi disponibbli meħtieġa għall-valutazzjoni u għat-teħid ta' deċiżjonijiet, jenħtieġ li dak il-perjodu jkun ta' sena fil-każ tas-sustanza attiva proeżadjon.

    (6)

    Għas-sustanzi attivi li ma jaqgħux fil-kategoriji prijoritizzati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni C(2016)6104, jenħtieġ li l-perjodu ta' approvazzjoni jiġi estiż b'sentejn jew bi tliet snin, filwaqt li jitqiesu d-data ta' skadenza attwali, il-fatt li skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012 id-dossier supplimentari għal sustanza attiva għandu jiġi ppreżentat mhux aktar tard minn 30 xahar qabel l-iskadenza tal-approvazzjoni, il-ħtieġa li tiġi żgurata distribuzzjoni bilanċjata tar-responsabbiltajiet u tal-ħidma fost l-Istati Membri li jaġixxu bħala relaturi u korelaturi u r-riżorsi disponibbli meħtieġa għall-valutazzjoni u għat-teħid tad-deċiżjonijiet. Għalhekk huwa xieraq li l-perjodi ta' approvazzjoni jiġu estiżi b'sentejn għas-sustanzi attivi 1-naftilaċetammid, aċidu 1-naftilaċetiku, akrinatrina, fluważifop p, prokloraż u spiroksamina; u bi tliet snin għas-sustanzi attivi ażossistrobina, fluroksipir, imażalil, kreżoksim-metil, ossifluworfen, teflutrin u terbutilażina.

    (7)

    Fid-dawl tal-għan tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 rigward każijiet meta ma jkunx tressaq dossier supplimentari bi qbil mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012 qabel it-30 xahar ta' qabel id-data ta' skadenza stipulata fl-Anness ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni se tiffissa d-data ta' skadenza għall-istess data li kienet iffissata qabel l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament jew fl-iżjed data qrib warajha.

    (8)

    Fid-dawl tal-għan tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, rigward każijiet meta l-Kummissjoni tadotta Regolament li jistipula li l-approvazzjoni ta' sustanza attiva msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament ma tiġġeddidx minħabba li ma jkunux ġew sodisfati l-kriterji tal-approvazzjoni, il-Kummissjoni tistipula li d-data ta' skadenza tkun l-istess waħda li kienet iffissata qabel l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament jew fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament li jistipula li l-approvazzjoni tas-sustanza attiva ma tiġġeddidx, skont liema data tiġi wara. Rigward il-każijiet meta l-Kummissjoni tadotta Regolament li jipprevedi t-tiġdid ta' sustanza attiva msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tfittex li tistabblixxi, skont iċ-ċirkostanzi, l-iktar data ta' applikazzjoni qrib possibbli.

    (9)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 540/2011 jiġi emendat skont dan.

    (10)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Frar 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta' Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta' tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26).

    (4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2016 dwar l-istabbiliment ta' programm ta' ħidma għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-approvazzjonijiet tas-sustanzi attivi li jiskadu fl-2019, fl-2020 u fl-2021 skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 357, 29.9.2016, p. 9).


    ANNESS

    Il-Parti B tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 hija emendata kif ġej:

    (1)

    fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 4, Ażossistrobin, id-data hija sostitwita bil-“31 ta' Diċembru 2024”;

    (2)

    fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 5, Imażalil, id-data hija sostitwita bil-“31 ta' Diċembru 2024”;

    (3)

    fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 6, Proeżadjon, id-data hija sostitwita bil-“31 ta' Diċembru 2022”;

    (4)

    fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 7, Spiroksamina, id-data hija sostitwita bil-“31 ta' Diċembru 2023”;

    (5)

    fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 8, Kreżoksim-metil, id-data hija sostitwita bid-data “31 ta' Diċembru 2024”;

    (6)

    fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 9, Fluroksipir, id-data hija sostitwita bil-“31 ta' Diċembru 2024”;

    (7)

    fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 10, Teflutrin, id-data hija sostitwita bil-“31 ta' Diċembru 2024”;

    (8)

    fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 11, Ossifluworfen, id-data hija sostitwita bil-“31 ta' Diċembru 2024”;

    (9)

    fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 12, 1-naftilaċetammid, id-data hija sostitwita bil-“31 ta' Diċembru 2023”;

    (10)

    fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 13, Aċidu 1-naftilaċetiku, id-data hija sostitwita bil-“31 ta' Diċembru 2023”;

    (11)

    fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni tar-ringiela 15, Fluważifop-P, id-data hija ssostitwita bil-“31 ta' Diċembru 2023”;

    (12)

    fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 16, Terbutilażina, id-data hija sostitwita bil-“31 ta' Diċembru 2024”;

    (13)

    fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 19, Akrinatrina, id-data hija sostitwita bil-“31 ta' Diċembru 2023”;

    (14)

    fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 20, Prokloraż, id-data hija sostitwita bil-“31 ta' Diċembru 2023”;


    Top