EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0255

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/255 tat-13 ta' Frar 2019 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 821/2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-arranġamenti dettaljati għat-trasferiment u l-immaniġġar ta' kontribuzzjonijiet tal-Programm, ir-rappurtar dwar strumenti finanzjarji, il-karatteristiċi tekniċi tal-miżuri ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni għal operazzjonijiet u s-sistema biex tiġi rreġistrata u tinħażen id-data

C/2019/917

ĠU L 43, 14.2.2019, p. 15–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/255/oj

14.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 43/15


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/255

tat-13 ta' Frar 2019

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 821/2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-arranġamenti dettaljati għat-trasferiment u l-immaniġġar ta' kontribuzzjonijiet tal-Programm, ir-rappurtar dwar strumenti finanzjarji, il-karatteristiċi tekniċi tal-miżuri ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni għal operazzjonijiet u s-sistema biex tiġi rreġistrata u tinħażen id-data

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tas-17 ta' Diċembru 2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 46(3) u 115(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 821/2014 (2) jistabbilixxi, fost affarijiet oħra, il-karatteristiċi tekniċi ta' miżuri ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni. Minħabba l-bidliet fil-Kapitolu II tat-Titolu III tal-Parti Tlieta tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, kif introdotti bir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), jenħtieġ li t-titolu tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 821/2014 u t-titolu tal-Kapitolu II tiegħu jiġu emendati skont dan.

(2)

Sabiex jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn u għal raġunijiet ta' simplifikazzjoni, jenħtieġ li jitneħħa r-rekwiżit li l-isem ta' strument finanzjarju jrid jinkludi referenza għall-fatt li huwa appoġġat permezz tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (“ESI”). Skont l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 480/2014 (4), ir-riċevituri finali tal-istrumenti finanzjarji, madankollu, iridu jiġu infurmati li l-finanzjament jiġi pprovdut fil-qafas ta' programmi kofinanzjati permezz tal-Fondi ESI. Għalhekk, it-tneħħija tal-obbligu li jiġi indikat l-isem ta' strument finanzjarju ma jkollux impatt fuq ir-rekwiżiti ta' viżibbiltà u ta' komunikazzjoni fil-livell ta' appoġġ għar-riċevituri finali. Jenħtieġ li l-Artikolu 4(4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 821/2014 jiġi emendat skont dan.

(3)

L-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 821/2014 jistabbilixxi l-mudell għar-rappurtar tal-istrumenti finanzjarji rregolat bl-Artikoli 37 sa 46 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Numru minn dawk id-dispożizzjonijiet ġew emendati bir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

(4)

Fl-Artikolu 38(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, ġiet introdotta opzjoni ġdida ta' implimentazzjoni għall-kombinament ta' Fondi ESI ma' prodotti finanzjarji tal-BEI fil-qafas tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, kif stabbilit ulterjorment fl-Artikolu 39a ġdid tiegħu. Għalhekk, jeħtieġ li din l-opzjoni ta' implimentazzjoni tiġi inkluża fit-taqsima dwar id-deskrizzjoni tal-istrument finanzjarju u l-arranġamenti għall-implimentazzjoni, u jiġu inklużi oqsma tad-data ġodda fit-taqsima tal-mudell għar-rappurtar dwar l-istrumenti finanzjarji marbut mal-progress fil-ksib tal-effett ta' lieva mistenni, sabiex jiġu inklużi l-kontribuzzjonijiet tal-Fondi ESI għall-istrumenti finanzjarji permezz tal-kombinament ta' tali kontribuzzjoni ma' prodotti finanzjarji tal-BEI fil-qafas tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi.

(5)

Fl-Artikolu 38(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, ġew iċċarati r-regoli għal għoti dirett lil banek jew lil istituzzjonijiet bi sjieda pubblika. Għalhekk, jeħtieġ li tali kjarifika tiġi riflessa billi jiġi inkluż dan it-tip ta' korp li jimplimenta l-istrumenti finanzjarji fit-taqsima tal-mudell għar-rappurtar dwar l-istrumenti finanzjarji b'rabta mal-identifikazzjoni ta' korpi li jimplimentaw l-istrumenti finanzjarji u ta' korpi li jimplimentaw fond ta' fondi, fejn ikun applikabbli.

(6)

Soġġett għall-ġestjoni attiva tat-teżor, l-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jippermetti l-finanzjament tal-imgħax negattiv li jkun ġie ġġenerat bħala riżultat ta' investimenti tal-Fondi ESI skont l-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 minn riżorsi mħallsa lura fl-istrument finanzjarju. Għalhekk, jeħtieġ li r-rekwiżiti tar-rappurtar jiġu allinjati ma' din id-dispożizzjoni ġdida. Jenħtieġ li tali allinjament iseħħ fit-taqsima tal-mudell għar-rappurtar dwar l-istrumenti finanzjarji rigward l-ammonti mħallsa lura fl-istrumenti finanzjarji mill-investimenti.

(7)

L-Artikolu 43a ġdid tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jiċċara r-regoli li jirregolaw it-trattament differenzjat tal-investituri li joperaw skont il-prinċipju tal-ekonomija tas-suq f'każ ta' kondiviżjoni tal-profitt u tar-riskju. Għalhekk, jeħtieġ li l-kliem tal-mudell għar-rappurtar dwar l-istrumenti finanzjarji jiġi allinjat ma' din id-dispożizzjoni ċċarata f'din it-taqsima dwar l-imgħax u qligħ ieħor iġġenerat permezz tal-appoġġ mill-Fondi ESI għall-istrument finanzjarju, ir-riżorsi tal-Programm imħallsa lura fl-istrumenti finanzjarji mill-investimenti kif imsemmi fl-Artikoli 43 u 44 u l-ammonti użati għal trattament differenzjat kif imsemmi fl-Artikolu 43a.

(8)

Fl-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-obbligi tar-rappurtar rigward l-istrumenti finanzjarji ġew issimplifikati sabiex jiġu evitati ċerti duplikazzjonijiet. Għalhekk, jenħtieġ li l-informazzjoni meħtieġa fil-qasam tad-data 40 tiġi integrata mar-rekwiżit tar-rappurtar stabbilit fl-Artikolu 46(2)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Jenħtieġ ukoll li r-rekwiżit tar-rappurtar dwar il-valur tal-investimenti ta' ekwità fir-rigward tas-sena preċedenti jiġi mċaqlaq taħt it-Titolu VII tal-mudell għar-rappurtar dwar l-istrumenti finanzjarji rregolati bl-Artikolu 46(2)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Sabiex jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn u sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mas-sistemi tar-rappurtar diġà stabbiliti mill-awtoritajiet ta' ġestjoni, iċ-ċaqliq tal-qasam tad-data 40 eżistenti taħt it-Titolu VII, bl-għan li tiġi żgurata l-konsistenza mar-referenza korrispondenti fl-Artikolu 46(2)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, jenħtieġ li ma twassalx għan-numerazzjoni mill-ġdid minkejja li t-titolu tiegħu jenħtieġ li jiġi allinjat ma' dak l-Artikolu.

(9)

Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni ta' ċerti rekwiżiti u sabiex jiġu allinjati mar-rekwiżiti tar-rappurtar tal-Artikolu 46(2)(h) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, ir-referenza għall-valur tal-investimenti u tal-parteċipazzjonijiet titħassar mit-taqsima dwar il-progress fil-ksib tal-effett ta' lieva mistenni tal-mudell tar-rappurtar dwar l-istrumenti finanzjarji.

(10)

Bħala konsegwenza tal-bidliet fl-Artikoli 37 sa 46 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 imsemmi fil-premessi (3) sa (9), jenħtieġ li l-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 821/2014 jiġi emendat skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta' Koordinazzjoni għall-Fondi ESI.

(12)

Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u sabiex jiġu limitati kemm jista' jkun id-diskrepanzi bejn id-dispożizzjonijiet emendati tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, li japplikaw mit-2 ta' Awwissu 2018 jew qabel skont l-Artikolu 282 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, u d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(13)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 821/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 821/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

It-titolu huwa sostitwit b'dan li ġej:

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 821/2014 tat-28 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-arranġamenti dettaljati għat-trasferiment u l-immaniġġar ta' kontribuzzjonijiet tal-Programm, ir-rappurtar dwar strumenti finanzjarji, il-karatteristiċi tekniċi tal-miżuri ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni għal operazzjonijiet u s-sistema biex tiġi rreġistrata u tinħażen id-data ”;

(2)

It-titolu tal-Kapitolu II huwa sostitwit b'dan li ġej:

“IL-KARATTERISTIĊI TEKNIĊI TA' MIŻURI TA' INFORMAZZJONI, TA' KOMUNIKAZZJONI U TA' VIŻIBBILTÀ GĦAL OPERAZZJONIJIET U GĦAL STRUZZJONIJIET GĦALL-ĦOLQIEN TAL-EMBLEMA TAL-UNJONI U DEFINIZZJONI TAL-KULURI STANDARD”;

(3)

L-Artikolu 4(4) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   L-isem tal-“Unjoni Ewropea” għandu dejjem jiġi miktub b'mod sħiħ. It-tipa li trid tintuża flimkien mal-emblema tal-Unjoni tista' tkun kwalunkwe tipa minn dawn li ġejjin: Arial, Auto, Calibri, Garamond, Trebuchet, Tahoma, Verdana, Ubuntu. Ma għandhomx jintużaw varjazzjonijiet jew effetti tat-tipa bil-korsiv u bis-sottolinjar. Il-pożizzjoni tat-test fir-rigward tal-emblema tal-Unjoni ma għandha tinterferixxi mal-emblema tal-Unjoni bl-ebda mod. Id-daqs tat-tipa użata għandu jkun proporzjonat għad-daqs tal-emblema. Il-kulur tat-tipa għandu jkun blu reflex, iswed jew abjad skont l-isfond.”;

(4)

L-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 821/2014 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Frar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 821/2014 tat-28 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-arranġamenti dettaljati għat-trasferiment u l-immaniġġar ta' kontribuzzjonijiet tal-Programm, ir-rappurtar dwar strumenti finanzjarji, il-karatteristiċi tekniċi tal-miżuri ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni għal operazzjonijiet u s-sistema biex tiġi rreġistrata u tinħażen id-data (ĠU L 223, 29.7.2014, p. 7).

(3)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 480/2014 tat-3 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (ĠU L 138, 13.5.2014, p. 5).


ANNESS

L-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 821/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-qasam tad-data 7.2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“7.2

Strument finanzjarju stabbilit fil-livell nazzjonali, reġjonali, transnazzjonali jew transfruntiera, ġestit mill-awtorità ta' ġestjoni jew taħt ir-responsabbiltà tagħha kif imsemmi fl-Artikolu 38(1)(b), appoġġata permezz tal-kontribuzzjonijiet tal-Programm tal-Fond ESI skont il-punti (a), (b), (c) u (d) tal-Artikolu 38(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013”

(2)

jiżdied qasam tad-data 7.3 ġdid:

“7.3

Strument finanzjarju b'kombinament ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-awtorità ta' ġestjoni ma' prodotti finanzjarji tal-BEI fil-qafas tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi skont l-Artikolu 39a, kif imsemmi fl-Artikolu 38(1)(c)”

(3)

il-qasam tad-data 10 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“10

L-istatus legali tal-istrument finanzjarju, skont l-Artikolu 38(6) u l-Artikolu 39a(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (għall-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 38(1)(b) u (c) biss): kont fiduċjarju miftuħ f'isem il-korp fiduċjarju u għan-nom tal-awtorità ta' ġestjoni jew blokk separat ta' finanzi f'istituzzjoni finanzjarja”

(4)

it-Titolu III huwa sostitwit b'dan li ġej:

“III.    L-identifikazzjoni tal-korp li jimplimenta l-istrument finanzjarju, u tal-korp li jimplimenta l-fond ta' fondi fejn ikun applikabbli, kif imsemmi fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 38(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (l-Artikolu 46(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013)”;

(5)

il-qasam tad-data 11.1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“11.1

It-tip ta' korp ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 38(4) u l-Artikolu 39a(5) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013: entità legali eżistenti jew maħluqa ġdida ddedikata għall-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji; il-Bank Ewropew tal-Investiment; il-Fond Ewropew tal-Investiment; istituzzjoni finanzjarja internazzjonali li fiha Stat Membru jkun azzjonist; bank jew istituzzjoni bi sjieda pubblika, stabbiliti bħala entità legali li twettaq attivitajiet finanzjarji fuq bażi professjonali; korp irregolat bil-liġi pubblika jew privata; awtorità ta' ġestjoni b'kompiti ta' implimentazzjoni diretti (għal self jew għal garanziji biss)”

(6)

it-Titolu VII huwa sostitwit b'dan li ġej:

“VII.    L-imgħax u qligħ ieħor iġġenerat permezz tal-appoġġ mill-Fondi ESI għall-istrument finanzjarju, ir-riżorsi tal-Programm imħallsa lura fl-istrument finanzjarju mill-investimenti kif imsemmi fl-Artikoli 43 u 44, l-ammonti użati għal trattament differenzjat kif imsemmi fl-Artikolu 43a u l-valur tal-investimenti ta' ekwità fir-rigward tas-snin preċedenti (l-Artikolu 46(2)(g) u (i) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013)”;

(7)

il-qasam tad-data 37 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“37

L-ammont ta' riżorsi attribwibbli għall-Fondi ESI użati skont l-Artikoli 43a u 44”

(8)

il-qasam tad-data 37.1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“37.1

li minnhom hemm ammonti li tħallsu għat-trattament differenzjat tal-investituri li joperaw skont il-prinċipju tal-ekonomija tas-suq, li jipprovdu riżorsi tal-kontroparti bħala appoġġ mill-Fondi ESI għall-istrumenti finanzjarju jew li jagħmlu koinvestiment fil-livell tar-riċevitur finali (f'EUR)”;

(9)

jiżdied qasam tad-data 37.3 ġdid:

“37.3

li minnhom hemm ammonti li jkopru telf fl-ammont nominali tal-kontribuzzjoni tal-Fondi ESI għall-istrument finanzjarju li jirriżulta minn imgħax negattiv, jekk tali telf iseħħ minkejja l-ġestjoni attiva tat-teżor mill-korpi li jimplimentaw l-istrumenti finanzjarji (f'EUR)”

(10)

il-qasam tad-data 40 ġdid li ġej jitqiegħed wara l-qasam tad-data 37.3 ġdid:

“40

Il-valur tal-investiment ta' ekwità, fir-rigward tas-snin preċedenti (f'EUR)”

(11)

it-Titolu VIII huwa sostitwit b'dan li ġej:

“VIII.    Il-progress fil-ksib tal-effett ta' lieva mistenni ta' investimenti li saru permezz tal-istrument finanzjarju (l-Artikolu 46(2)(h) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013)”;

(12)

jiżdied qasam tad-data 38.1A ġdid:

“38.1A

Kontribuzzjoni fil-qafas tal-prodott finanzjarju tal-BEI impenjata fil-ftehim ta' finanzjament mal-korp li jimplimenta l-istrument finanzjarju (għall-istrumenti skont l-Artikolu 38(1)(c) biss) (f'EUR)”

(13)

jiżdied qasam tad-data 38.2A ġdid:

“38.2A

Kontribuzzjoni fil-qafas ta' prodott finanzjarju tal-BEI mħallsa fl-istrument finanzjarju (għall-istrumenti skont l-Artikolu 38(1)(c) biss) (f'EUR)”

(14)

jiżdied qasam tad-data 38.3A ġdid:

“38.3A

Kontribuzzjoni fil-qafas ta' prodott finanzjarju tal-BEI mobilizzata fil-livell tar-riċevitur finali (għall-istrumenti skont l-Artikolu 38(1)(c) biss) (f'EUR)”

(15)

il-qasam tad-data 40 taħt it-Titolu VIII jitħassar.


Top