EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0149

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/149 tat-30 ta' Jannar 2019 li jemenda r-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1108 u (UE) Nru 540/2011 f'dak li għandu x'jaqsam mal-kundizzjonijiet tal-użu tal-ħall bħala sustanza bażika (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2019/609

ĠU L 27, 31.1.2019, p. 20–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/149/oj

31.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 27/20


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/149

tat-30 ta' Jannar 2019

li jemenda r-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1108 u (UE) Nru 540/2011 f'dak li għandu x'jaqsam mal-kundizzjonijiet tal-użu tal-ħall bħala sustanza bażika

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 23(5) flimkien mal-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1108 (2) approva l-ħall bħala sustanza bażika għall-użijiet bħala funġiċida u batteriċida u daħħlu fil-Parti C tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (3).

(2)

F'Novembru tal-2016, il-kumpanija Charbonneaux-Brabant SA bagħtet applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jitwessa' l-użu tal-ħall bħala erbiċida skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(3)

Il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Awtorità”) għall-għajnuna xjentifika. Fl-4 ta' Awwissu 2017, l-Awtorità bagħtet rapport tekniku lill-Kummissjoni dwar it-twessigħ tal-użu tal-ħall fil-protezzjoni tal-pjanti bħala erbiċida (4). Fit-23 ta' Ottubru 2018, il-Kummissjoni bagħtet ir-rapport ta' analiżi lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf u fit-12 ta' Diċembru 2018 bagħtitlu l-abbozz ta' dan ir-Regolament.

(4)

Mill-eżamijiet li saru jidher li jista' jiġi mistenni li, b'mod ġenerali, il-ħall jissodisfa r-rekwiżiti mniżżlin fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, b'mod partikulari f'dak li għandu x'jaqsam mal-użu bħala erbiċida li ġie eżaminat u deskritt fid-dettall fir-rapport ta' analiżi. Għalhekk jenħtieġ li l-ħall jitħalla jintuża bħala erbiċida. Barra minn hekk, minħabba li qed jiġi permess użu ġdid tal-ħall, huwa aċċettabbli li l-ħall jitħalla jintuża wkoll għal affarijiet oħrajn kif imsemmi fl-aħħar verżjoni tar-rapport ta' analiżi dwar il-ħall. Għalhekk huwa xieraq li titneħħa r-restrizzjoni attwali li hemm b'rabta mal-użu tiegħu bħala funġiċida u batteriċida biss.

(5)

Madankollu, skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jeħtieġ li jitħarsu ċerti kundizzjonijiet tal-użu.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1108 u (UE) Nru 540/2011 jiġu emendati kif xieraq.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1108

L-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1108 huwa emendat kif stabbilit fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Emenda tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat kif stabbilit fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Jannar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1108 tat-8 ta' Lulju 2015 li japprova s-sustanza bażika l-ħall skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU L 181, 9.7.2015, p. 75).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(4)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (2017). Rapport tekniku dwar l-eżitu tal-konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-EFSA dwar l-applikazzjoni biex jitwessa' l-użu tas-sustanza bażika l-ħall fil-protezzjoni tal-pjanti bħala erbiċida msejjaħ “Technical report on the outcome of the consultation with Member States and EFSA on the basic substance application for vinegar for extension of use in plant protection as a herbicide”. EFSA Supporting Publication 2017:EN-1281, 42 paġna, doi:10.2903/sp.efsa.2017.EN–1281.


ANNESS I

Fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1108, l-entrata mogħtija fil-ħames kolonna msejħa “Dispożizzjonijiet speċifiċi” hija sostitwita b'dan li ġej:

“Il-ħall għandu jintuża skont il-kundizzjonijiet speċifiċi inklużi fil-konklużjonijiet tar-rapport ta' analiżi dwar il-ħall (SANCO/12896/2014) u b'mod partikolari fl-Appendiċijiet I u II tiegħu.”


ANNESS II

Fl-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, l-entrata mogħtija għall-ħall fis-sitt kolonna tat-tabella tal-Parti C imsejħa “Dispożizzjonijiet speċifiċi” fir-ringiela numru 5 hija sostitwita b'dan li ġej:

“Il-ħall għandu jintuża skont il-kundizzjonijiet speċifiċi inklużi fil-konklużjonijiet tar-rapport ta' analiżi dwar il-ħall (SANCO/12896/2014) u b'mod partikolari fl-Appendiċijiet I u II tiegħu.”


Top