EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0066

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/66 tas-16 ta' Jannar 2019 rigward regoli dwar arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta' kontrolli uffiċjali fuq pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra sabiex tiġi vverifikata l-konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti applikabbli għal dik il-merkanzija

C/2019/65

ĠU L 15, 17.1.2019, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 14/11/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/66/oj

17.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 15/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/66

tas-16 ta' Jannar 2019

rigward regoli dwar arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta' kontrolli uffiċjali fuq pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra sabiex tiġi vverifikata l-konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti applikabbli għal dik il-merkanzija

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 22(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Jenħtieġ li l-kontrolli uffiċjali fil-binjiet u, fejn applikabbli, f'postijiet oħra li jintużaw minn operaturi professjonisti awtorizzati biex joħorġu passaporti tal-pjanti skont l-Artikolu 84(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), isiru minn tal-inqas darba fis-sena. Dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat kontroll regolari u konsistenti li jkopri ċ-ċikli produttivi tal-pjanti rilevanti kif ukoll iċ-ċiklu tal-ħajja tal-pesti rilevanti kollha u l-vetturi tagħhom.

(2)

Jenħtieġ li l-frekwenza ta' dawk il-kontrolli tqis l-ispezzjonijiet minn tal-inqas darba fis-sena, u t-teħid ta' kampjuni u l-ittestjar jekk ikun xieraq imsemmija fl-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe spezzjoni, u kwalunkwe teħid ta' kampjuni u ttestjar imwettqa skont dak ir-Regolament ma jiġux ripetuti skont dan ir-Regolament.

(3)

Jekk ikun meħtieġ, abbażi ta' kriterji relatati mar-riskju, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jżidu l-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali fil-binjiet u, fejn applikabbli, f'postijiet oħra li jintużaw minn operaturi professjonisti awtorizzati biex joħorġu passaporti tal-pjanti skont l-Artikolu 84(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

(4)

L-operaturi professjonisti li jkunu implimentaw għal minn tal-inqas sentejn konsekuttivi, pjan għall-ġestjoni tar-riskju ta' pesti skont l-Artikolu 91 tar-Regolament (UE) 2016/2031, jipprovdu garanziji iktar affidabbli rigward il-livell ta' protezzjoni fitosanitarja fil-binjiet tagħhom u, fejn applikabbli, fil-postijiet l-oħra tagħhom. Għalhekk, jixraq li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jnaqqsu l-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali fuq dawk l-operaturi għal minn tal-inqas darba kull sentejn.

(5)

Bini u, fejn applikabbli, postijiet oħra li jintużaw minn operaturi professjonisti awtorizzati biex joħorġu passaporti tal-pjanti skont l-Artikolu 84(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 għandhom ikunu soġġetti għal minn tal-inqas kontroll uffiċjali wieħed minbarra dak imsemmi fl-Artikolu 1 jekk ikunu l-post ta' oriġini tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti u ta' oġġetti oħra kif definit fil-punti (1), (2) u (5) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/2031, li jkunu tkabbru għal minn tal-inqas parti minn ħajjithom jew li jkunu ġew lokalizzati f'żona demarkata stabbilita skont l-Artikolu 18(1) ta' dak ir-Regolament, u li jista' jkun mistenni li jkunu infestati mill-pest li għalihom dik iż-żona demarkata ġiet stabbilita. Jenħtieġ li dak il-kontroll uffiċjali addizzjonali jitwettaq kemm jista' jkun qrib il-mument meta dawk il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u l-oġġetti l-oħra jinħarġu 'l barra miż-żona demarkata jew miż-żona infestata għaż-żona ta' lqugħ ta' dik iż-żona demarkata. Dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li ma jittieħed l-ebda riskju fitosanitarju wara kwalunkwe kontroll uffiċjali normali u qabel iċ-ċaqliq tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti u ta' oġġetti oħra 'l barra miż-żona demarkata jew miż-żona infestata għaż-żona ta' lqugħ.

(6)

Sabiex jiġi żgurat livell xieraq ta' protezzjoni fitosanitarja kif ukoll bħala deskrizzjoni ġenerali effettiva tal-importazzjoni ta' pjanti fl-Unjoni u r-riskji tagħhom, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu kontrolli uffiċjali mal-wasla fl-Unjoni fuq minn tal-inqas 1 % tal-konsenji ta' dawk il-pjanti, meta l-pjanti msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) 2016/2031 jiġu importati fit-territorju tal-Unjoni.

(7)

Jenħtieġ li l-kontrolli uffiċjali fil-binjiet u, fejn applikabbli, f'postijiet oħra li jintużaw minn operaturi professjonisti awtorizzati biex iqiegħdu l-marka fuq il-materjal ta' imballaġġ magħmul mill-injam imsemmija fl-Artikolu 98(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 jitwettqu minn tal-inqas darba fis-sena. Dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat kontroll regolari u konsistenti li jkopri r-riskji fitosanitarji assoċjati mal-produzzjoni u mal-kummerċ ta' dak it-tip ta' materjal. Jekk ikun meħtieġ, abbażi ta' kriterji relatati mar-riskju, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jżidu l-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali fil-binjiet u, fejn applikabbli, f'postijiet oħra li jintużaw minn operaturi professjonisti awtorizzati biex iqiegħdu l-marka fuq il-materjal ta' imballaġġ magħmul mill-injam imsemmija fl-Artikolu 98(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

(8)

Peress li r-Regolamenti (UE) 2016/2031 u (UE) 2017/625 japplikaw mill-14 ta' Diċembru 2019, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika wkoll minn dik id-data.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Frekwenza uniformi tal-kontrolli uffiċjali fuq l-operaturi professjonisti awtorizzati biex joħorġu passaporti tal-pjanti

L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali minn tal-inqas darba fis-sena fil-binjiet u, fejn applikabbli, f'postijiet oħra li jintużaw minn operaturi professjonisti awtorizzati biex joħorġu passaporti tal-pjanti skont l-Artikolu 84(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

Dawk il-kontrolli għandhom jinkludu l-ispezzjonijiet u, fil-każ ta' suspett ta' riskji għas-saħħa tal-pjanti, it-teħid ta' kampjuni u l-ittestjar imsemmija fl-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

Dawk il-kontrolli għandhom jitwettqu fl-iktar żmien xieraq fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi skoperta l-preżenza ta' pesti rilevanti jew ta' sinjali u ta' sintomi tagħhom.

Artikolu 2

Żieda fil-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali fuq l-operaturi professjonisti awtorizzati biex joħorġu passaporti tal-pjanti

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jżidu l-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali msemmija fl-Artikolu 1, jekk ir-riskju jitlob dan, filwaqt li jqisu minn tal-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

iktar riskji fitosanitarji għall-familja, għall-ġenera jew għall-ispeċi speċifiċi tal-pjanti jew tal-prodotti mill-pjanti prodotti f'dawk il-binjiet u, fejn applikabbli, f'postijiet oħra, fejn iktar minn kontroll wieħed ikun meħtieġ minħabba l-bijoloġija tal-pesti jew il-kundizzjonijiet ambjentali;

(b)

ir-riskji fitosanitarji marbuta mal-oriġini jew mal-provenjenza ta' pjanti, ta' prodotti mill-pjanti jew ta' oġġetti oħra partikolari fl-Unjoni;

(c)

l-għadd ta' ċikli ta' produzzjoni f'sena;

(d)

l-istorja ta' konformità tal-operatur professjonist mad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolamenti (UE) 2016/2031 u (UE) 2017/625;

(e)

l-infrastruttura disponibbli u fejn jinsabu l-binjiet u, fejn applikabbli, il-postijiet l-oħra li jintużaw mill-operatur professjonist.

Artikolu 3

Tnaqqis fil-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali fuq l-operaturi professjonisti awtorizzati biex joħorġu passaporti tal-pjanti

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jnaqqsu l-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali msemmija fl-Artikolu 1 għal minn tal-inqas darba kull sentejn, jekk ir-riskju jippermetti dan u jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-operatur professjonist ikun implimenta pjan ta' ġestjoni tal-pesti għal minn tal-inqas sentejn konsekuttivi pjan skont l-Artikolu 91 tar-Regolament (UE) 2016/2031;

(b)

l-awtorità kompetenti kkonkludiet li dak il-pjan kien effettiv fit-tnaqqis tar-riskji fitosanitarji rilevanti u li l-operatur professjonist ikkonċernat ikkonforma mad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolamenti (UE) 2016/2031 u (UE) 2017/625.

Artikolu 4

Frekwenza minima uniformi tal-kontrolli uffiċjali fuq il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra ta' oriġini jew ta' provenjenza partikolari fl-Unjoni

1.   Bini u, fejn applikabbli, postijiet oħra li jintużaw minn operaturi professjonisti awtorizzati biex joħorġu passaporti tal-pjanti skont l-Artikolu 84(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 għandhom ikunu soġġetti għal minn tal-inqas kontroll uffiċjali wieħed minbarra dak imsemmi fl-Artikolu 1 jekk ikunu l-post ta' oriġini tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti u ta' oġġetti oħra kif definit fil-punti (1), (2) u (5) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/2031, li jkunu tkabbru għal minn tal-inqas parti minn ħajjithom jew li jkunu ġew lokalizzati f'żona demarkata stabbilita skont l-Artikolu 18(1) ta' dak ir-Regolament, u li jista' jkun mistenni li jkunu infestati mill-pest li għalihom dik iż-żona demarkata ġiet stabbilita. Dak il-kontroll uffiċjali addizzjonali għandu jitwettaq kemm jista' jkun qrib il-mument meta dawk il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u l-oġġetti l-oħra jinħarġu 'l barra miż-żona demarkata jew miż-żona infestata għaż-żona ta' lqugħ ta' dik iż-żona demarkata.

2.   Meta jwettqu l-kontrolli uffiċjali msemmija fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw l-elementi li ġejjin:

(a)

ir-riskju li l-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u l-oġġetti l-oħra jġorru l-pest rilevanti;

(b)

ir-riskju tal-preżenza ta' vetturi potenzjali ta' dak il-pest, filwaqt li jitqiesu l-oriġini jew il-provenjenza fl-Unjoni tal-konsenji, il-grad ta' suxxettibbiltà tal-pjanti għal infestazzjoni u l-konformità mill-operatur professjonist responsabbli għaċ-ċaqliq ma' kwalunkwe miżura oħra meħuda biex dak il-pest jinqered jew jitrażżan.

Artikolu 5

Frekwenza minima uniformi tal-kontrolli uffiċjali fuq il-pjanti msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) 2016/2031

Għandhom jitwettqu kontrolli tal-identità u kontrolli fiżiċi fuq il-pjanti li huma msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) 2016/2031 u li jidħlu fl-Unjoni fuq minn tal-inqas 1 % tal-konsenji ta' dawk il-pjanti.

Artikolu 6

Frekwenza uniformi tal-kontrolli uffiċjali fuq l-operaturi professjonisti awtorizzati biex iqiegħdu l-marka fuq il-materjal ta' imballaġġ magħmul mill-injam

L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali minn tal-inqas darba fis-sena fil-binjiet u, fejn applikabbli, f'postijiet oħra li jintużaw minn operaturi professjonisti awtorizzati biex iqiegħdu l-marka fuq il-materjal ta' imballaġġ magħmul mill-injam skont l-Artikolu 98(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

Dawk il-kontrolli għandhom jinkludu s-superviżjoni msemmija fl-Artikolu 98(3) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

Artikolu 7

Żieda fil-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali fuq l-operaturi professjonisti awtorizzati biex iqiegħdu l-marka fuq il-materjal ta' imballaġġ magħmul mill-injam

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jżidu l-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali msemmija fl-Artikolu 6, jekk ir-riskju jitlob dan, filwaqt li jqisu wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin:

(a)

iż-żieda fir-riskji fitosanitarji marbuta mal-preżenza tal-pesti fit-territorju tal-Unjoni;

(b)

il-materjal tal-imballaġġ magħmul mill-injam, pjanti oħra, il-prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra ġew soġġetti għal interċettazzjonijiet ta' pesti;

(c)

l-istorja ta' konformità tal-operatur professjonist mad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolamenti (UE) 2016/2031 u (UE) 2017/625;

(d)

l-infrastruttura disponibbli u fejn jinsabu l-binjiet u, fejn applikabbli, il-postijiet l-oħra li jintużaw mill-operatur professjonist.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-14 ta' Diċembru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Jannar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4).


Top