Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0027

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/27 tad-19 ta' Diċembru 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1178/2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2018/8780

ĠU L 8, 10.1.2019, p. 1–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/27/oj

10.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 8/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/27

tad-19 ta' Diċembru 2018

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1178/2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23(1), l-Artikolu 27(1), l-Artikolu 62(14) u (15), l-Artikolu 72(5) u l-Artikolu 74(8) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 (2) jistipula regoli dettaljati għal ċerti liċenzji tal-bdoti u għall-konverżjoni tal-liċenzji nazzjonali tal-bdoti u tal-liċenzji nazzjonali tal-inġiniera tat-titjira f'liċenzji ta' bdoti, kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni ta' liċenzji minn pajjiżi terzi. Jistabbilixxi wkoll regoli għaċ-ċertifikati mediċi tal-bdoti, għall-kundizzjonijiet għall-konverżjoni taċ-ċertifikati mediċi nazzjonali u għaċ-ċertifikazzjoni tal-eżaminaturi ajrumediċi u jinkludi fih dispożizzjonijiet dwar is-saħħa medika tal-ekwipaġġ tal-kabina.

(2)

Mal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 nkixfu xi żbalji editorjali jew ambigwitajiet f'xi wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu. B'hekk inqalgħu xi problemi fl-implimentazzjoni u fiż-żamma ta' livell uniformi ta' sikurezza fl-avjazzjoni ċivili fl-Istati Membri kollha. Għaldaqstant jenħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet jiġu ċċarati u kkoreġuti.

(3)

Matul iż-żjarat ta' standardizzazzjoni mwettqa mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (“l-Aġenzija”) u l-laqgħat tal-grupp ta' esperti mediċi ospitat mill-Aġenzija, ġew identifikati diversi distakki fl-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 li potenzjalment jista' jkollhom implikazzjonijiet għas-sikurezza u dawn jenħtieġ li jiġu indirizzati.

(4)

Wara l-aċċident tat-Titjira 9525 tal-Germanwings, it-Task Force tal-Germanwings immexxija mill-Aġenzija identifikat għadd ta' riskji għas-sikurezza u ħarġet sitt rakkomandazzjonijiet għall-mitigazzjoni ta' dawn ir-riskji (3). Erbgħa minn dawk ir-rakkomandazzjonijiet, jiġifieri r-rakkomandazzjoni 2 “Valutazzjoni tas-saħħa mentali tal-ekwipaġġ tat-titjira”, ir-rakkomandazzjoni 3 “Prevenzjoni tal-użu ħażin tal-alkoħol u ta' sustanzi psikoattivi oħra mill-ekwipaġġ tat-titjira”, ir-rakkomandazzjoni 4 “Taħriġ, sorveljanza u netwerk ta' AMEs” u r-rakkomandazzjoni 5 “Ħolqien ta' repożitorju Ewropew tad-data ajrumedika”, jikkonċernaw emendi għar-regoli dwar iċ-ċertifikazzjoni medika tal-ekwipaġġ tal-ajru tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011. Huwa xieraq li tittieħed azzjoni minn issa fuq dawk l-erba' rakkomandazzjonijiet.

(5)

Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 fir-rigward tar-rekwiżiti mediċi u l-eżamijiet ajrumediċi jiġu allinjati mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/340 (4).

(6)

L-Aġenzija ppreżentat abbozz ta' regoli ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-Opinjoni 9/2016 tagħha.

(7)

Il-miżuri previsti f 'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) 2018/1139,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2, jiddaħħlu l-punti segwenti (22a), (22b) u (22c):

“(22a)

“ARO.RAMP” tfisser is-Subparti RAMP tal-Anness II tar-Regolament dwar l-Operazzjonijiet tal-Ajru;

(22b)

“Ivvalidata awtomatikament” tfisser l-aċċettazzjoni, mingħajr ebda formalità, ta' liċenzja tal-ekwipaġġ tat-titjira maħruġa minn Stat skont l-Anness 1 tal-Konvenzjoni ta' Chicago minn Stat kontraenti tal-ICAO mniżżel fid-dokument mehmuż tal-ICAO;

(22c)

“Dokument mehmuż tal-ICAO” tfisser dokument mehmuż ma' liċenzja tal-ekwipaġġ tat-titjira vvalidata awtomatikament maħruġa skont l-Anness 1 tal-Konvenzjoni ta' Chicago li jissemma fl-element XIII tal-liċenzja tal-ekwipaġġ tat-titjira.”;

(2)

L-Anness IV huwa emendat skont l-Anness I ta' dan ir-Regolament;

(3)

L-Anness VI huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 tat-3 ta' Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 311, 25.11.2011, p. 1)

(3)  http://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/modes/air/news/doc/2015-07-17-germanwings-report/germanwings-task-force-final-report.pdf

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/340 tal-20 ta' Frar 2015 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati maċ-ċertifikati u l-liċenzji tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 805/2011 (ĠU L 63, 6.3.2015, p. 1)


ANNESS I

L-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

Is-Sottopartijiet A u B huma sostitwiti b'li ġej:

“SOTTOPARTI A

REKWIŻITI ĠENERALI

TAQSIMA 1

Ġenerali

MED.A.001   Awtorità kompetenti

Għall-fini ta' dan l-Anness (il-Parti-MED), l-awtorità kompetenti għandha tkun:

(a)

għaċ-ċentri ajrumediċi (AeMC - Aero-Medical Centres):

(1)

l-awtorità maħtura mill-Istat Membru fejn l-AeMC ikollu l-post prinċipali tal-attività tiegħu;

(2)

l-Aġenzija, meta l-AeMC ikun jinsab f'pajjiż terz;

(b)

għall-eżaminaturi ajrumediċi (AMEs - Aero-Medical Examiners):

(1)

l-awtorità maħtura mill-Istat Membru fejn l-AME ikollu l-post prinċipali tal-attività tiegħu;

(2)

jekk il-post prinċipali tal-attività ta' AME jkun jinsab f'pajjiż terz, l-awtorità maħtura mill-Istat Membru li fih issir l-applikazzjoni mill-AME għall-ħruġ taċ-ċertifikat ta' AME;

(c)

għall-professjonisti mediċi ġenerali (GMP - General Medical Practitioners), l-awtorità maħtura mill-Istat Membru li lilha l-GMPs jiddikjaraw l-attività tagħhom;

(d)

għall-prattikanti mediċi tas-saħħa okkupazzjonali (OHMPs - Occupational Health Medical Practitioners) li jeżaminaw l-idoneità medika tal-ekwipaġġ tal-kabina, l-awtorità maħtura mill-Istat Membru li lilha l-OHMPs jiddikjaraw l-attività tagħhom.

MED.A.005   Ambitu

Dan l-Anness (Parti-MED) jistabbilixxi r-rekwiżiti:

(a)

għall-ħruġ, għall-validità, għar-rivalidazzjoni u għat-tiġdid taċ-ċertifikat mediku meħtieġ għall-eżerċitar tal-privileġġi ta' liċenzja ta' bdot jew ta' bdot student;

(b)

għall-idoneità medika tal-ekwipaġġ tal-kabina;

(c)

għaċ-ċertifikazzjoni tal-AMEs;

(d)

għall-kwalifikazzjoni ta' GMPs u ta' OHMPs.

MED.A.010   Definizzjonijiet

Għall-fini ta' dan l-Anness (Parti-MED), għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

“limitazzjoni” tfisser kundizzjoni mniżżla fiċ-ċertifikat mediku jew fir-rapport mediku tal-ekwipaġġ tal-kabina li għandha tiġi mħarsa waqt li jiġu eżerċitati l-privileġġi tal-liċenzja jew l-attestazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina;

“eżami ajrumediku” tfisser l-ispezzjoni, il-palpazzjoni, il-perkussjoni, l-askultazzjoni jew kwalunkwe mezz ieħor ta' investigazzjoni għad-determinazzjoni tal-idoneità medika biex jiġu eżerċitati l-privileġġi tal-liċenzja, jew biex jitwettqu d-dmirijiet relatati mas-sikurezza tal-ekwipaġġ tal-kabina;

“valutazzjoni ajrumedika” tfisser il-konklużjoni dwar l-idoneità medika tal-applikant abbażi tal-evalwazzjoni tal-applikant kif meħtieġ f'dan l-Anness (Parti-MED) u eżamijiet u testijiet mediċi ulterjuri kif indikati minn klinika;

“sinifikanti” tfisser grad ta' kundizzjoni medika, li l-effett tiegħu jipprevjeni l-eżerċizzju sikur tal-privileġġi tal-liċenzja jew tad-dmirijiet relatati mas-sikurezza tal-ekwipaġġ tal-kabina;

“applikant” tfisser persuna li tapplika għal ċertifikat mediku, jew li hi d-detentur tiegħu, u li ssirilha valutazzjoni ajrumedika tal-idoneità biex teżerċita l-privileġġi tal-liċenzja, jew biex twettaq id-dmirijiet relatati mas-sikurezza tal-ekwipaġġ tal-kabina;

“storja medika” tfisser deskrizzjoni jew rekord ta' mardiet, ta' korrimenti, ta' trattamenti jew ta' fatti mediċi oħra fl-imgħoddi, inklużi valutazzjoni(jiet) ta' nuqqas ta' idoneità jew limitazzjoni ta' ċertifikat mediku, li huma jew li jistgħu jkunu rilevanti għall-istat attwali tas-saħħa u tal-idoneità ajrumedika ta' applikant;

“awtorità tal-liċenzji” tfisser l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li tkun ħarġet il-liċenzja, jew li persuna tapplika għandha għall-ħruġ ta' liċenzja, jew, meta persuna tkun għadha ma applikatx għal liċenzja, l-awtorità kompetenti kif iddeterminata skont din l-FCL.001 tal-Anness I (Parti-FCL);

“sigur fir-rikonoxximent tal-kuluri” tfisser il-kapaċità tal-applikant li jiddistingwi faċilment il-kuluri użati fin-navigazzjoni bl-ajru u li jidentifika b'mod korrett id-dwal ikkuluriti użati fl-avjazzjoni;

“investigazzjoni” tfisser il-valutazzjoni ta' kundizzjoni patoloġika suspettata ta' applikant permezz ta' eżamijiet u ta' testijiet biex tiġi vverifikata l-preżenza jew l-assenza ta' kundizzjoni medika;

“konklużjoni medika akkreditata” tfisser il-konklużjoni milħuqa minn espert mediku wieħed jew iktar li tkun aċċettabbli għall-awtorità tal-liċenzji, fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, għall-finijiet tal-każ ikkonċernat, b'konsultazzjoni mal-esperti fl-operazzjonijiet tat-titjir jew esperti oħra kif meħtieġ, li għalihom jista' jkun xieraq li ssir valutazzjoni tar-riskju operazzjonali;

“użu ħażin ta' sustanzi” tfisser l-użu ta' sustanza psikoattiva, waħda jew iktar, minn membru tal-ekwipaġġ tal-ajru, b'tali mod li:

(a)

jikkostitwixxi periklu dirett għall-utent jew jipperikola l-ħajja, is-saħħa jew il-benesseri ta' oħrajn;

(b)

jikkawża jew jaggrava problema jew disturb okkupazzjonali, soċjali, mentali jew fiżiku;

“sustanzi psikoattivi” tfisser alkoħol, opjojdi, kannabinojdi, sedattivi u ipnotiċi, kokaina, psikostimulanti oħrajn, alluċinoġeni u solventi volatili, bl-eċċezzjoni tal-kafeina u t-tabakk;

“difett rifrattiv” tfisser id-devjazzjoni minn emmetropja mkejla b'dijopteri fil-meridjan l-iktar ametropiku, imkejla b'metodi standard.

MED.A.015   Kunfidenzjalità medika

Il-persuni kollha involuti fl-eżamijiet, fil-valutazzjonijiet u fiċ-ċertifikazzjonijiet ajrumediċi għandhom jiżguraw li l-kunfidenzjalità medika tiġi rispettata f'kull ħin.

MED.A.020   Tnaqqis fl-idoneità medika

(a)

Id-detenturi ta' liċenzja qatt ma għandhom jeżerċitaw il-privileġġi tal-liċenzja tagħhom u tal-klassifikazzjonijiet jew taċ-ċertifikati relatati, u l-bdoti studenti qatt ma għandhom itiru waħedhom, jekk:

(1)

ikunu jafu b'xi tnaqqis fl-idoneità medika tagħhom li jista' ma jippermettilhomx jeżerċitaw dawk il-privileġġi b'mod sikur;

(2)

ikunu qed jieħdu jew jużaw xi mediċina bir-riċetta jew mhux bir-riċetta li aktarx li xxekkel l-eżerċizzju sikur tal-privileġġi tal-liċenzja applikabbli;

(3)

jirċievu xi trattament mediku, kirurġiku jew trattament ieħor li aktarx li jxekkel l-eżerċizzju sikur tal-privileġġi tal-liċenzja applikabbli.

(b)

Barra minn hekk, id-detenturi ta' ċertifikat mediku għandhom,kemm jista' jkun malajr u qabel ma jeżerċitaw il-privileġġi tal-liċenzja tagħhom, ifittxu parir ajrumediku mingħand l-AeMC, l-AME jew il-GMP, kif ikun applikabbli, meta:

(1)

tkun saritilhom operazzjoni kirurġika jew proċedura invażiva;

(2)

ikunu bdew jieħdu xi mediċina b'mod regolari;

(3)

ikunu sofrew xi korriment personali sinifikanti li jwassal għal nuqqas ta' kapaċità li jaħdmu bħala membri tal-ekwipaġġ tat-titjira;

(4)

ikunu qed isofru minn xi marda sinifikanti li twassal għal nuqqas ta' kapaċità li jaħdmu bħala membri tal-ekwipaġġ tat-titjira;

(5)

ikunu fi stat ta' tqala;

(6)

ikunu ġew rikoverati fi sptar jew fi klinika;

(7)

ikunu jeħtieġu lentijiet ta' korrezzjoni għall-ewwel darba.

(c)

Fil-każijiet msemmija fil-punt (b):

(1)

id-detenturi ta' ċertifikati mediċi tal-klassi 1 u tal-klassi 2 għandhom jitolbu l-parir ajrumediku ta' AeMC jew ta' AME. F'dak il-każ, l-AeMC jew l-AME għandu jivvaluta l-idoneità medika ta' dawn u jiddeċiedi jekk humiex idonei biex jeżerċitaw il-privileġġi tagħhom;

(2)

id-detenturi ta' ċertifikati mediċi tal-liċenzja ta' bdot ta' inġenji tal-ajru ħfief għandhom jitolbu l-parir ajrumediku ta' AeMC, ta' AME jew tal-GMP li jkun iffirma ċ-ċertifikat mediku. F'dak il-każ, l-AeMC, l-AME jew il-GMP għandu jivvaluta l-idoneità medika ta' dawn u jiddeċiedi jekk humiex idonei biex jeżerċitaw il-privileġġi tagħhom.

(d)

Il-membri tal-ekwipaġġ tal-kabina ma għandhomx iwettqu kompiti fuq inġenji tal-ajru u, fejn applikabbli, ma għandhomx jeżerċitaw il-privileġġi tal-attestazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina tagħhom meta jkunu jafu b'xi tnaqqis fl-idoneità medika tagħhom, meta din il-kundizzjoni medika tkun tista' ma tħallihomx iwettqu d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom relatati mas-sikurezza.

(e)

Barra minn hekk, jekk tapplika kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet mediċi speċifikati fil-punti (1) sa (5) tal-punt (b), il-membri tal-ekwipaġġ tal-kabina għandhom, kemm jista' jkun malajr, jitolbu l-parir ta' AME, ta' AeMC, jew ta' OHMP skont kif ikun applikabbli. F'dak il-każ, l-AME, l-AeMC jew l-OHMP għandu jeżamina l-idoneità medika tal-membri tal-ekwipaġġ tal-kabina u jiddeċiedi jekk humiex idonei biex ikomplu jwettqu d-dmirijiet tagħhom relatati mas-sikurezza.

MED.A.025   Obbligi tal-AeMC, tal-AME, tal-GMP u tal-OHMP

(a)

Meta jitwettqu eżamijiet ajrumediċi u valutazzjonijiet ajrumediċi kif meħtieġ f'dan l-Anness (Parti-MED), l-AeMC, l-AME, il-GMP u l-OHMP għandhom:

(1)

jiżguraw li tista' tiġi stabbilita komunikazzjoni mal-applikant mingħajr ostakli lingwistiċi;

(2)

jgħarrfu lill-applikant bil-konsegwenzi li jiffaċċja f'każ li hu jipprovdi dikjarazzjonijiet mhux kompleti, mhux eżatti jew foloz dwar l-istorja medika tiegħu;

(3)

jinnotifikaw lill-awtorità tal-liċenzji, jew, fil-każ ta' detenturi ta' attestazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina, jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti, jekk l-applikant jipprovdi dikjarazzjonijiet mhux kompleti, mhux eżatti jew foloz dwar l-istorja medika tiegħu;

(4)

jinnotifkaw lill-awtorità tal-liċenzji jekk applikant jirtira l-applikazzjoni għal ċertifikat mediku fi kwalunkwe stadju tal-proċess.

(b)

Wara li jitlestew l-eżamijiet u l-valutazzjonijiet ajrumediċi, l-AeMC, l-AME, il-GMP u l-OHMP għandhom:

(1)

jinformaw lill-applikant jekk huwiex idoneu jew le, jew inkella jirreferuh lill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji, lill-AeMC jew lill-AME, skont kif ikun applikabbli;

(2)

jinformaw lill-applikant b'kull limitazzjoni li tista' tirrestrinġi t-taħriġ tat-titjir jew il-privileġġi tal-liċenzja tiegħu jew l-attestazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina, kif applikabbli;

(3)

jekk l-applikant ġie vvalutat bħala mhux idoneu, jinformawh dwar id-dritt tiegħu li d-deċiżjoni tiġi riveduta skont il-proċeduri tal-awtorità kompetenti;

(4)

fil-każ ta' applikanti għal ċertifikat mediku, jissottomettu mingħajr dewmien lill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji rapport iffirmat, jew awtentifikat b'mod elettroniku, li jkun fih ir-riżultati dettaljati tal-eżamijiet u tal-valutazzjonijiet ajrumediċi kif meħtieġ għall-klassi taċ-ċertifikat mediku u kopja tal-formola ta' applikazzjoni, il-formola tal-eżami, u ċ-ċertifikat mediku;

(5)

jinformaw lill-applikant dwar ir-responsabbiltajiet tiegħu fil-każ ta' tnaqqis fl-idoneità medika, kif speċifikat fil-punt MED.A.020.

(c)

Meta tkun meħtieġa l-konsultazzjoni tal-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji skont dan l-Anness (Parti-MED), l-AeMC u l-AME għandhom isegwu l-proċedura stabbilita mill-awtorità kompetenti.

(d)

L-AeMCs, l-AMEs, il-GMPs u l-OHMPs għandhom iżommu rekords bid-dettalji tal-eżami u tal-valutazzjonijiet ajrumediċi mwettqa skont dan l-Anness (Parti-MED) u r-riżultati tagħhom għal minimu ta' 10 snin, jew għal perjodu itwal jekk ikun iddeterminat hekk mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

(e)

L-AeMC, l-AMEs, il-GMPs u l-OHMPs għandhom jissottomettu lill-valutatur mediku tal-awtorità kompetenti, fuq talba, ir-rekords u r-rapporti ajrumediċi kollha, u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra meta din tkun meħtieġa għal:

(1)

ċertifikazzjoni medika;

(2)

funzjonijiet ta' sorveljanza.

(f)

L-AeMCs u l-AMEs għandhom idaħħlu jew jaġġornaw id-data inkluża fir-Repożitorju Ajrumediku Ewropew f'konformità mal-punt (d) tal-punt ARA.MED.160.

TAQSIMA 2

Rekwiżiti għaċ-ċertifikati mediċi

MED.A.030   Ċertifikati mediċi

(a)

Bdot student ma għandux itir waħdu sakemm dak il-bdot student ma jkollux ċertifikat mediku, kif meħtieġ għal-liċenzja rilevanti.

(b)

Applikant għal liċenzja, skont l-Anness I (Parti-FCL), għandu jkollu ċertifikat mediku maħruġ f'konformità ma' dan l-Anness (Parti-MED) u li jkun xieraq għall-privileġġi tal-liċenzja li japplika għalihom.

(c)

Meta jeżerċita l-privileġġi ta':

(1)

liċenzja ta' bdot ta' inġenji tal-ajru ħfief (LAPL - Light Aircraft Pilot Licence), il-bdot tal-inqas għandu jkollu ċertifikat mediku validu tal-LAPL;

(2)

liċenzja ta' bdot privat (PPL - Private Pilot Licence), liċenzja ta' bdot għall-gliders (SPL - Sailplane Pilot Licence) jew liċenzja ta' bdot għall-blalen tal-arja (BPL - Balloon Pilot Licence), il-bdot għandu jkollu tal-inqas ċertifikat mediku validu tal-klassi 2;

(3)

SPL jew BPL involuta f'titjiriet kummerċjali ta' gliders jew ta' blalen tal-arja, il-bdot għandu jkollu tal-inqas ċertifikat mediku validu tal-klassi 2;

(4)

liċenzja ta' bdot kummerċjali (CPL - Commercial Pilot Licence), liċenzja ta' bdot ta' ekwipaġġ multiplu (MPL - Multi-crew Pilot Licence) jew liċenzja ta' bdot tat-trasport b'linja tal-ajru (ATPL - Airline Transport Pilot Licence), il-bdot għandu jkollu ċertifikat mediku validu tal-klassi 1.

(d)

Jekk tiżdied il-klassifikazzjoni għal ħidma billejl f'PPL jew f'LAPL, id-detentur ta' liċenzja għandu jkun sigur fir-rikonoxximent tal-kuluri.

(e)

Jekk tiżdied kwalifika ta' titjir bl-istrumenti jew kwalifika ta' titjir bl-istrumenti fir-rotta f'PPL, id-detentur ta' liċenzja għandu jagħmel l-eżamijiet awdjometriċi tat-tonalità pura skont il-perjodiċità u l-istandard rikjesti għad-detenturi ta' ċertifikat mediku tal-klassi 1.

(f)

Detentur ta' liċenzja qatt ma għandu jkollu iktar minn ċertifikat mediku wieħed maħruġ skont dan l-Anness (Parti-MED).

MED.A.035   Applikazzjoni għal ċertifikat mediku

(a)

Applikazzjonijiet għal ċertifikat mediku għandhom isiru f'forma u b'manjiera stabbiliti mill-awtorità kompetenti.

(b)

L-applikanti għal ċertifikat mediku għandhom jipprovdu lill-AeMC, lill-AME jew lill-GMP kif applikabbli:

(1)

prova tal-identità tagħhom;

(2)

dikjarazzjoni ffirmata:

(i)

tal-fatti mediċi li jikkonċernaw l-istorja medika tagħhom;

(ii)

dwar jekk applikawx preċedentement għal ċertifikat mediku jew għaddewx minn eżami ajrumediku għal ċertifikat mediku u, jekk iva, minn min u b'liema riżultat;

(iii)

dwar jekk qatt ġewx ivvalutati li mhumiex idonei jew ġiex sospiż jew revokat ċertifikat mediku tagħhom.

(c)

Meta japplikaw għal rivalidazzjoni jew għat-tiġdid taċ-ċertifikat mediku, l-applikanti għandhom jippreżentaw iċ-ċertifikat mediku l-iktar riċenti lill-AeMC, lill-AME jew lill-GMP, skont kif ikun applikabbli, qabel l-eżamijiet ajrumediċi rilevanti.

MED.A.040   Ħruġ, rivalidazzjoni u tiġdid ta' ċertifikati mediċi

(a)

Ċertifikat mediku għandu jinħareġ, jiġi rivalidat jew imġedded biss meta jkunu saru l-eżamijiet u l-valutazzjonijiet ajromediċi meħtieġa, kif applikabbli, u l-applikant ikun ġie vvalutat bħala idoneu.

(b)

Ħruġ inizjali

(1)

Ċertifikati mediċi tal-klassi 1 għandhom jinħarġu minn AeMC.

(2)

Ċertifikati mediċi tal-klassi 2 għandhom jinħarġu minn AeMC jew minn AME.

(3)

Ċertifikati mediċi tal-LAPL għandhom jinħarġu minn AeMC jew minn AME. Jistgħu jinħarġu wkoll minn GMP jekk dan ikun permess mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru tal-awtorità tal-liċenzji li lilha tkun saret l-applikazzjoni għaċ-ċertifikat mediku.

(c)

Rivalidazzjoni u tiġdid

(1)

Ċertifikati mediċi tal-klassi 1 u tal-klassi 2 għandhom jiġu rivalidati u mġedda minn AeMC jew minn AME.

(2)

Ċertifikati mediċi tal-LAPL għandhom jiġu rivalidati u mġedda minn AeMC jew minn AME. Jistgħu jiġu rivalidati jew imġedda wkoll minn GMP jekk dan ikun permess mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru tal-awtorità tal-liċenzji li lilha tkun saret l-applikazzjoni għaċ-ċertifikat mediku.

(d)

L-AeMC, l-AME jew il-GMP għandu joħroġ, jirrivalida jew iġedded ċertifikat mediku biss jekk ikunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(1)

l-applikant ipprovda storja medika sħiħa u, jekk meħtieġa mill-AeMC, mill-AME jew mill-GMP, ir-riżultati tal-eżamijiet u t-testijiet mediċi mwettqa mit-tabib tal-applikant jew minn kwalunkwe speċjalist mediku;

(2)

l-AeMC, l-AME jew il-GMP ikun wettaq valutazzjoni ajrumedika fuq il-bażi tal-eżamijiet u tat-testijiet mediċi kif meħtieġ għaċ-ċertifikat mediku rilevanti biex jiġi vverifikat li l-applikant huwa konformi mar-rekwiżiti kollha rilevanti ta' dan l-Anness (Parti-MED).

(e)

L-AME, l-AeMC jew, fil-każ ta' riferiment, il-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji jista' jitlob lill-applikant jagħmel eżamijiet u investigazzjonijiet mediċi addizzjonali, meta jkun hemm indikazzjoni klinika jew epidemjoloġika, qabel ma jinħareġ, jiġi rivalidat jew imġedded iċ-ċertifikat mediku.

(f)

Il-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji jista' joħroġ jew jerġa' joħroġ ċertifikat mediku.

MED.A.045   Validità, rivalidazzjoni u tiġdid ta' ċertifikati mediċi

(a)

Validità

(1)

Iċ-ċertifikati mediċi tal-klassi 1 għandhom ikunu validi għal perjodu ta' 12-il xahar.

(2)

B'deroga mill-punt (1), il-perjodu ta' validità ta' ċertifikati mediċi tal-klassi 1 għandu jkun ta' 6 xhur għad-detenturi ta' liċenzji:

(i)

involuti f'operazzjonijiet kummerċjali tat-trasport bl-ajru fil-ġarr ta' passiġġieri bi bdot wieħed u li jkunu għalqu l-40 sena;

(ii)

li jkunu għalqu s-60 sena.

(3)

Iċ-ċertifikati mediċi tal-klassi 2 għandhom ikunu validi għal perjodu ta':

(i)

60 xahar, sakemm id-detentur ta' liċenzja jagħlaq l-40 sena. Ċertifikat mediku maħruġ qabel ma d-detentur ta' liċenzja jkun laħaq l-età ta' 40 sena ma jibqax validu wara li d-detentur ta' liċenzja jagħlaq it-42 sena;

(ii)

24 xahar, għad-detenturi ta' liċenzja ta' bejn 40 u 50 sena. Ċertifikat mediku maħruġ qabel ma d-detentur ta' liċenzja jkun laħaq l-età ta' 50 sena ma jibqax validu wara li d-detentur ta' liċenzja jagħlaq il-51 sena;

(iii)

12-il xahar, għad-detenturi ta' liċenzja ta' iktar minn 50 sena.

(4)

Iċ-ċertifikati mediċi tal-LAPL għandhom ikunu validi għal perjodu ta':

(i)

60 xahar sakemm id-detentur ta' liċenzja jagħlaq l-40 sena. Ċertifikat mediku maħruġ qabel ma d-detentur ta' liċenzja jkun laħaq l-età ta' 40 sena ma jibqax validu wara li d-detentur ta' liċenzja jagħlaq it-42 sena;

(ii)

24-il xahar, għad-detenturi ta' liċenzja li għandhom iktar minn 40 sena.

(5)

Il-perjodu ta' validità ta' ċertifikat mediku, inklużi kwalunkwe eżami jew investigazzjoni speċjali assoċjati, għandu jiġi kkalkolat mid-data tal-eżami ajromediku fil-każ tal-ewwel ħruġ u ta' tiġdid, u mid-data tal-iskadenza taċ-ċertifikat mediku preċedenti fil-każ ta' rivalidazzjoni.

(b)

Rivalidazzjoni

L-eżamijiet u l-valutazzjonijiet ajromediċi, skont kif ikun applikabbli, għar-rivalidazzjoni ta' ċertifikat mediku jistgħu jsiru sa 45 jum qabel id-data tal-iskadenza taċ-ċertifikat mediku.

(c)

Tiġdid

(1)

Jekk id-detentur ta' ċertifikat mediku ma jikkonformax mal-punt (b), ikunu meħtieġa eżami u valutazzjoni għat-tiġdid, skont kif ikun applikabbli.

(2)

Fil-każ ta' ċertifikati mediċi tal-klassi 1 u tal-klassi 2:

(i)

jekk iċ-ċertifikat mediku jkun ilu li skada inqas minn sentejn (2), għandu jsir eżami ajrumediku ta' rivalidazzjoni ta' rutina;

(ii)

jekk iċ-ċertifikat mediku jkun ilu li skada iktar minn sentejn (2) iżda inqas minn 5 snin, l-AeMC jew l-AME għandu jwettaq biss l-eżami ajrumediku tat-tiġdid wara valutazzjoni tar-rekords ajrumediċi tal-applikant;

(iii)

jekk iċ-ċertifikat mediku jkun skada b'iktar minn 5 snin, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti tal-eżami ajrumediku għall-ewwel ħruġ u l-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq ir-rekwiżiti tar-rivalidazzjoni.

(3)

Fil-każ ta' ċertifikati mediċi tal-LAPL, l-AeMC, l-AME jew il-GMP għandu jivvaluta l-istorja medika tal-applikant u għandu jwettaq l-eżamijiet u l-valutazzjonijiet ajrumediċi, skont kif ikun applikabbli, f'konformità mal-punti MED.B.005 u MED.B.095.

MED.A.046   Sospensjoni jew revoka ta' ċertifikati mediċi

(a)

Ċertifikat mediku jista' jiġi sospiż jew irrevokat mill-awtorità tal-liċenzja.

(b)

Mas-sospensjoni taċ-ċertifikat mediku, id-detentur għandu jirritorna ċ-ċertifikat mediku lill-awtorità tal-liċenzji fuq talba ta' dik l-awtorità.

(c)

Mar-revoka taċ-ċertifikat mediku, id-detentur għandu jirritorna ċ-ċertifikat mediku lill-awtorità tal-liċenzji.

MED.A.050   Riferiment

(a)

Jekk applikant għal ċertifikat mediku tal-klassi 1 jew tal-klassi 2 jiġi riferit lill-valutatur mediku tal-awtorità kompetenti skont il-punt MED.B.001, l-AeMC jew l-AME għandu jittrasferixxi d-dokumentazzjoni medika rilevanti lill-awtorità tal-liċenzji.

(b)

Jekk applikant għal ċertifikat mediku tal-LAPL jiġi riferit lil AME jew AeMC skont il-punt MED.B.001, il-GMP għandu jibgħat id-dokumentazzjoni medika rilevanti lill-AeMC jew lill-AME.

SOTTOPARTI B

REKWIŻITI GĦAĊ-ĊERTIFIKATI MEDIĊI TAL-BDOTI

TAQSIMA 1

Ġenerali

MED.B.001   Limitazzjonijiet għaċ-ċertifikati mediċi

(a)

Limitazzjonijiet għaċ-ċertifikati mediċi tal-klassi 1 u tal-klassi 2

(1)

Jekk l-applikant ma jkunx jikkonforma b'mod sħiħ mar-rekwiżiti għall-klassi rilevanti taċ-ċertifikat mediku iżda huwa kkunsidrat li x'aktarx mhux se jipperikola l-eżerċizzju sikur tal-privileġġi tal-liċenzja applikabbli, l-AeMC jew l-AME għandu:

(i)

fil-każ ta' applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 1, jirreferi d-deċiżjoni dwar l-istat mediku tal-applikant lill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji kif indikat f'din is-Sottoparti;

(ii)

f'każijiet fejn ma jkunx indikat riferiment lill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji f'din is-Sottoparti, jevalwa jekk l-applikant ikunx kapaċi jwettaq id-doveri tiegħu b'mod sikur filwaqt li jikkonforma mal-limitazzjoni jew mal-limitazzjonijiet dokumentati fiċ-ċertifikat mediku, u joħroġ iċ-ċertifikat mediku bil-limitazzjoni(jiet) kif meħtieġ;

(iii)

fil-każ ta' applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 2, jevalwa f'konsultazzjoni mal-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji kif indikata f'din is-Sottoparti, jekk l-applikant huwiex kapaċi jwettaq id-doveri tiegħu b'mod sikur filwaqt li jikkonforma mal-limitazzjoni jew mal-limitazzjonijiet dokumentati fiċ-ċertifikat mediku, u joħroġ iċ-ċertifikat mediku bil-limitazzjoni(jiet) kif meħtieġ.

(2)

L-AeMC jew l-AME jista' jirrivalida jew iġedded ċertifikat mediku bl-istess limitazzjoni(jiet) mingħajr ma jirreferi jew jikkonsulta lill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji.

(b)

Limitazzjonijiet taċ-ċertifikati mediċi tal-LAPL

(1)

Jekk GMP, wara li jkun ikkunsidra l-istorja medika tal-applikant, jikkonkludi li l-applikant għal ċertifikat mediku tal-LAPL ma jissodisfax għalkollox ir-rekwiżiti tal-idoneità medika, il-GMP għandu jirreferi l-applikant lil AeMC jew lil AME, ħlief meta l-applikant ikun jeħtieġ biss limitazzjoni(jiet) relatata/i mal-użu ta' lentijiet korrettivi jew mal-perjodu ta' validità taċ-ċertifikat mediku.

(2)

Jekk applikant jiġi riferit għal ċertifikat mediku tal-LAPL f'konformità mal-punt (1), l-AeMC jew l-AME għandu jagħti kunsiderazzjoni xierqa lil-punti MED.B.005 u MED.B.095, jevalwa jekk l-applikant ikunx jista' jwettaq dmirijietu b'mod sigur filwaqt li jikkonforma mal-limitazzjoni jew mal-limitazzjonijiet dokumentati fiċ-ċertifikat mediku u joħroġ iċ-ċertifikat mediku bil-limitazzjoni(jiet) kif meħtieġ. L-AeMC jew l-AME għandu dejjem iqis il-ħtieġa li jirrestrinġi lill-applikant milli jġorr passiġġieri (limitazzjoni operattiva ta' passiġġieri, OPL - Operational Passenger Limitation).

(3)

Il-GMP jista' jirrivalida jew iġedded ċertifikat mediku tal-LAPL bl-istess limitazzjoni mingħajr ma jirreferi l-applikant lil AeMC jew lil AME.

(c)

Fil-valutazzjoni ta' jekk limitazzjoni hijiex meħtieġa, għandu jiġi kkunsidrat b'mod partikolari:

(1)

jekk konklużjoni medika akkreditata tindikax li f'ċirkostanzi speċjali n-nuqqas tal-applikant li jissodisfa xi rekwiżit, sew jekk kwantitattiv u sew jekk mod ieħor, huwiex tali li l-eżerċitar tal-privileġġi tal-liċenzja li jkun applika għaliha jistax jipperikola s-sigurtà tat-titjira;

(2)

jekk l-applikant għandux l-abbiltà, il-ħila u l-esperjenza rilevanti għall-operazzjoni li tkun trid titwettaq.

(d)

Kodiċijiet ta' limitazzjonijiet operattivi

(1)

Limitazzjoni operattiva għal diversi bdoti (OML - Operational Multi-Pilot Limitation – klassi 1 biss)

(i)

Meta d-detentur ta' CPL, ta' ATPL jew ta' MPL ma jissodisfax għalkollox ir-rekwiżiti ta' ċertifikat mediku tal-klassi 1 u jkun ġie riferit lil valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji, dak il-valutatur mediku għandu jivvaluta jekk iċ-ċertifikat mediku jistax jinħareġ b'OML “valida biss bħala kopilota jew ma' kopilota kkwalifikat”.

(ii)

Id-detentur ta' ċertifikat mediku b'OML għandu jħaddem inġenji tal-ajru biss f'operazzjonijiet bi bdoti multipli meta l-bdot l-ieħor ikun kompletament ikkwalifikat għall-klassi u għat-tip rilevanti ta' inġenju tal-ajru, ma jkunx soġġett għal OML u ma jkunx għalaq is-60 sena.

(iii)

L-OML għal ċertifikati mediċi tal-klassi 1 inizjalment għandha tiġi imposta jew titneħħa biss mill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji.

(2)

Limitazzjoni operattiva tal-bdoti għas-sikurezza (OSL - Operational Safety Pilot Limitation – klassi 2 u privileġġi tal-LAPL)

(i)

Id-detentur ta' ċertifikat mediku b'OSL għandu jħaddem inġenji tal-ajru biss jekk ikun hemm abbord bdot ieħor kompletament ikkwalifikat biex jaġixxi bħala bdot fil-kmand fil-klassi u fit-tip ta' inġenju tal-ajru rilevanti, jekk l-inġenju tal-ajru jkun mgħammar b'kontrolli doppji u l-bdot l-ieħor ikun bilqiegħda mal-kontrolli.

(ii)

L-OSL għal ċertifikati mediċi tal-klassi 2 tista' tiġi imposta u titneħħa mill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji, jew inkella minn AeMC jew minn AME f'konsultazzjoni mal-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji.

(iii)

L-OSL għaċ-ċertifikati mediċi tal-LAPL tista' tiġi imposta u titneħħa mill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji, minn AeMC jew minn AME.

(3)

Limitazzjoni operattiva ta' passiġġieri (OPL - Operational Passenger Limitation - klassi 2 u privileġġi tal-LAPL)

(i)

Id-detentur ta' ċertifikat mediku b'OPL għandu jħaddem biss inġenji tal-ajru mingħajr passiġġieri abbord.

(ii)

L-OPL għal ċertifikati mediċi tal-klassi 2 tista' tiġi imposta u titneħħa mill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji, jew inkella mnn AeMC jew minn AME f'konsultazzjoni mal-valutatur mediku tal-awtorità tal-ħruġ ta' liċenzji.

(iii)

L-OPL għaċ-ċertifikati mediċi tal-LAPL tista' tiġi imposta u titneħħa mill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji, minn AeMC jew minn AME.

(4)

Limitazzjoni operattiva ta' restrizzjoni tal-bdoti (ORL - Operational Pilot Restriction Limitation – klassi 2 u privileġġi tal-LAPL)

(i)

Id-detentur ta' ċertifikat mediku b'ORL jista' jopera inġenji tal-ajru biss jekk tkun ġiet issodisfata waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet:

(A)

bdot ieħor kompletament ikkwalifikat biex jaġixxi bħala bdot fil-kmand fil-klassi jew fit-tip ta' inġenju tal-ajru rilevanti jkun abbord l-inġenju tal-ajru, jekk l-inġenju tal-ajru jkun mgħammar b'kontrolli doppji u l-bdot l-ieħor ikun bilqiegħda mal-kontrolli;

(B)

ma hemm ebda passiġġier abbord l-inġenju tal-ajru.

(ii)

L-ORL għal ċertifikati mediċi tal-klassi 2 tista' tiġi imposta u titneħħa mill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji, jew inkella minn AeMC jew minn AME f'konsultazzjoni mal-valutatur mediku tal-awtorità tal-ħruġ ta' liċenzji.

(iii)

L-ORL għaċ-ċertifikati mediċi tal-LAPL tista' tiġi imposta u titneħħa mill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji, minn AeMC jew minn AME.

(5)

Restrizzjoni speċjali kif speċifikat (SSL)

L-SSL fuq ċertifikat mediku għandha tkun segwita minn deskrizzjoni tal-limitazzjoni.

(e)

Il-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji, l-AeMC, l-AME jew il-GMP jista' jimponi kwalunkwe limitazzjoni oħra fuq id-detentur ta' ċertifikat mediku, jekk ikun meħtieġ jagħmel dan biex jiżgura s-sigurtà tat-titjira.

(f)

Kwalunkwe limitazzjoni imposta fuq id-detentur ta' ċertifikat mediku għandha tiġi speċifikata fih.

MED.B.005   Rekwiżiti mediċi ġenerali

L-applikanti għal ċertifikat mediku għandhom jiġu vvalutati f'konformità mar-rekwiżiti mediċi dettaljati stipulati fit-Taqsimiet 2 u 3.

Barra minn hekk, għandhom jiġu vvalutati li mhumiex idonei meta jkollhom xi waħda mill-kundizzjonijiet mediċi li ġejjin li tinvolvi grad ta' inkapaċità funzjonali li x'aktarx li xxekkel l-eżerċizzju sikur tal-privileġġi tal-liċenzja li japplikaw għaliha jew li tista' twassal biex x'aktarx l-applikant f'daqqa waħda ma jkunx jista' jeżerċita dawk il-privileġġi:

(a)

anormalità, jew konġenitali jew akkwiżita;

(b)

mard jew diżabbiltà ta' natura attiva, latenti, akuta jew kronika;

(c)

ferita, ġerħa jew sintomi morbużi b'konsegwenza ta' operazzjoni;

(d)

effett jew effett sekondarju ta' xi mediċina terapewtika, djanjostika jew preventiva meħuda bir-riċetta jew mingħajr.

TAQSIMA 2

Rekwiżiti mediċi għaċ-ċertifikati mediċi tal-klassi 1 u tal-klassi 2

MED.B.010   Sistema Kardjovaskulari

(a)

Eżami

(1)

Għandhom isiru elettrokardjogramma (ECG - Electrocardiogram) standard bi 12-il lid f'qagħda rpużata kif ukoll rapport dwar din meta dawn ikunu klinikament indikati u fil-mumenti li ġejjin:

(i)

għal ċertifikat mediku tal-klassi 1, fl-eżami inizjali, imbagħad kull 5 snin sal-età ta' 30 sena, kull sentejn (2) sal-età ta' 40 sena, darba fis-sena sal-età ta' 50 sena, u f'kull eżami ta' rivalidazzjoni jew ta' tiġdid li jiġi wara;

(ii)

għal ċertifikat mediku tal-klassi 2, fl-eżami inizjali, fl-ewwel eżami wara l-40 sena u mbagħad fl-ewwel eżami wara l-50 sena, u mbagħad kull sentejn (2).

(2)

Għandha ssir valutazzjoni kardjovaskulari estiża meta din tkun indikata klinikament.

(3)

Għal ċertifikat mediku tal-klassi 1, għandha ssir valutazzjoni kardjovaskulari estiża fl-ewwel eżami ta' rivalidazzjoni jew ta' tiġdid wara l-età ta' 65 sena u kull 4 snin wara dan.

(4)

Għal ċertifikat mediku tal-klassi 1, għandha tkun meħtieġa stima tal-lipidi fis-serum, inkluż il-kolesterol, fl-eżami inizjali, u fl-ewwel eżami wara li tkun intlaħqet l-età ta' 40 sena.

(b)

Sistema Kardjovaskulari – Ġenerali

(1)

L-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 1 li jkollhom xi waħda mill-kundizzjonijiet mediċi li ġejjin għandhom jiġu ċċertifikati li mhumiex idonei:

(i)

anewriżma tal-aorta addominali toraċika jew suprarenali, qabel il-kirurġija;

(ii)

anormalità funzjonali jew sintomatika sinifikanti ta' xi wieħed mill-valvijiet tal-qalb;

(iii)

trapjant tal-qalb jew tal-qalb/pulmun;

(iv)

kardjomijopatija ipertrofika sintomatika.

(2)

Qabel ma tingħata kunsiderazzjoni ulterjuri lill-applikazzjoni tagħhom, l-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 1 bi storja medika dokumentata jew dijanjożi ta' xi waħda mill-kundizzjonijiet mediċi li ġejjin għandhom jiġu riferiti lill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji:

(i)

marda arterjali periferali qabel jew wara kirurġija;

(ii)

anewriżma tal-aorta toraċika jew tal-addome suprarenali wara kirurġija;

(iii)

anewriżma tal-aorta tal-addome infrarenali qabel jew wara kirurġija;

(iv)

anormalitajiet valvulari kardijaċi funzjonalment insinifikanti;

(v)

wara kirurġija tal-valvoli kardijaċi;

(vi)

anormalità tal-perikardju, tal-mijokardju jew tal-endokardju;

(vii)

anormalità konġenitali tal-qalb, qabel jew wara kirurġija korrettiva;

(viii)

sinkope vasovagali b'kawża inċerta;

(ix)

trombożi arterjali jew tal-vini;

(x)

emboliżma pulmonari;

(xi)

kundizzjoni kardjovaskulari li teħtieġ terapija antikoagulanti sistemika.

(3)

L-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 2 li jiġu dijanjostikati b' waħda mill-kundizzjonijiet speċifikati fil-punti (1) u (2) għandhom jiġu evalwati minn kardjologu, f'konsultazzjoni mal-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji, qabel ma jkunu jistgħu jiġu vvalutati li huma idonei.

(4)

L-applikanti b'disturbi kardijaċi li mhumiex speċifikati fil-punti (1) u (2) jistgħu jiġu vvalutati bħala idonei soġġetti għal evalwazzjoni kardjoloġika sodisfaċenti.

(c)

Pressjoni tad-Demm

(1)

Il-pressjoni tad-demm tal-applikanti għandha titkejjel f'kull eżami.

(2)

L-applikanti li l-pressjoni tad-demm tagħhom mhijiex fi ħdan limiti normali għandha tkompli tiġi vvalutata fir-rigward tal-kundizzjoni kardjovaskulari u tal-mediċina tagħhom bl-għan li jiġi stabbilit jekk għandhomx jiġu vvalutati li mhumiex idonei f'konformità mal-punti (3) u (4).

(3)

L-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 1 li jkollhom xi waħda mill-kundizzjonijiet mediċi li ġejjin għandhom jiġu ċċertifikati li mhumiex idonei:

(i)

ipotensjoni sintomatika;

(ii)

pressjoni tad-demm fl-eżami li taqbeż b'mod konsistenti l-160 mmHg sistoliku jew il-95 mmHg djastoliku, b'kura jew mingħajr.

(4)

L-applikanti li bdew jużaw mediċina għall-kontroll tal-pressjoni tad-demm għandhom jiġu vvalutati li mhumiex idonei sakemm tkun ġiet stabbilita l-assenza ta' effetti sekondarji sinifikanti.

(d)

Mard tal-Arterji Koronarji

(1)

Qabel ma tingħata kunsiderazzjoni ulterjuri lill-applikazzjoni, l-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 1 bi kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet mediċi li ġejjin għandhom jiġu riferiti lill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji u ssirilhom evalwazzjoni kardjoloġika biex tiġi eskluża iskemija mijokardjali:

(i)

suspett ta' iskemija mijokardjali;

(ii)

marda minuri tal-arterji koronarji mingħajr sintomi li ma teħtieġ ebda kura antianġinali.

(2)

Qabel ma tingħata kunsiderazzjoni ulterjuri lill-applikazzjoni tagħhom, l-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 2 bi kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet mediċi estabbiliti fil-punt (1) għandha ssirilhom evalwazzjoni kardjoloġika sodisfaċenti.

(3)

L-applikanti b'xi waħda mill-kundizzjonijiet mediċi li ġejjin għandhom jiġu vvalutati li mhumiex idonei:

(i)

iskemija mijokardjali;

(ii)

mard sintomatiku tal-arterji koronarji;

(iii)

sintomi ta' marda tal-arterji koronarji kkontrollati b'mediċina.

(4)

L-applikanti għall-ħruġ inizjali ta' ċertifikat mediku tal-klassi 1 bi storja medika jew b'dijanjosi ta' xi waħda mill-kundizzjonijiet mediċi li ġejjin għandhom jiġu vvalutati li mhumiex idonei:

(i)

iskemija mijokardjali;

(ii)

attakk tal-qalb;

(iii)

rivaskularizzazzjoni jew stenting għal mard tal-arterji koronarji.

(5)

Qabel ma tingħata kunsiderazzjoni ulterjuri lill-applikazzjoni tagħhom, l-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 2 li jkunu asintomatiċi wara infart mijokardjali jew kirurġija minħabba mard tal-arterji koronarji għandha ssirilhom evalwazzjoni kardjoloġika sodisfaċenti, f'konsultazzjoni mal-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji. Dawn l-applikanti għar-rivalidazzjoni ta' ċertifikat mediku tal-klassi 1 għandhom jiġu riferiti lill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji.

(e)

Disturbi fir-Ritmu/fil-Konduttività

(1)

L-applikanti b'xi waħda mill-kundizzjonijiet mediċi li ġejjin għandhom jiġu vvalutati li mhumiex idonei:

(i)

mard sinoatrijali sintomatiku;

(ii)

imblukkar atrijoventrikulari totali;

(iii)

prolungament sintomatiku tal-QT;

(iv)

sistema ta' defibrillazzjoni impjantabbli awtomatika;

(v)

pacemaker antitakikardiku ventrikolari.

(2)

Qabel ma tingħata kunsiderazzjoni ulterjuri lill-applikazzjoni tagħhom, l-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 1 bi kwalunkwe disturb sinifikanti tal-konduzzjoni jew tar-ritmu kardijaċi, inkluż kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin, għandhom jiġu riferiti lill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji:

(i)

disturb fir-ritmu supraventrikulari, inkluża disfunzjoni sinoatrijali intermittenti jew stabbilita, fibrillazzjoni atrijali u/jew aġitazzjoni u pawżi asintomatiċi sinużali;

(ii)

imblukkar sħiħ fil-kumpartament tan-nervituri tax-xellug;

(iii)

imblukkar atrijoventrikulari tat-tip Mobitz 2;

(iv)

takikardija kumplessa wiesgħa u/jew dejqa;

(v)

preeċitament ventrikolari;

(vi)

prolungament asintomatiku tal-QT;

(vii)

kardjogramma tat-tip Brugada mill-elettrokardjografija.

(3)

Qabel ma tingħata kunsiderazzjoni ulterjuri lill-applikazzjoni tagħhom, l-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 2 bi kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet mediċi speċifikati fil-punt (2) għandha ssirilhom evalwazzjoni kardjoloġika sodisfaċenti, f'konsultazzjoni mal-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji.

(4)

L-applikanti bi kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet mediċi li ġejjin jistgħu jiġu vvalutati bħala idonei soġġetti għal evalwazzjoni kardjoloġika sodisfaċenti u fin-nuqqas ta' kwalunkwe anormalità oħra:

(i)

imblukkar mhux komplut fil-kumpartamenti tan-nervituri;

(ii)

imblukkar sħiħ fil-kumpartament tan-nervituri tal-lemin;

(iii)

devjazzjoni stabbli tal-assi tax-xellug;

(iv)

bradikardija sinużali asintomatika;

(v)

takikardija sinużali asintomatika;

(vi)

kumplessi ektopiċi supraventrikulari jew ventrikulari uniformi iżolati asintomatiċi;

(vii)

imblukkar atrijoventrikulari tal-ewwel grad;

(viii)

imblukkar atrijoventrikulari tat-tip Mobitz 1.

(5)

L-applikanti bi storja medika ta' kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet mediċi li ġejjin għandha ssirilhom evalwazzjoni kardjovaskulari sodisfaċenti qabel ma jkunu jistgħu jiġu vvalutati bħala idonei:

(i)

terapija ta' ablatazzjoni;

(ii)

impjant ta' pacemaker.

Dawn l-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 1 għandhom jiġu riferiti lill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji. Dawn l-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 2 għandhom jiġu vvalutati f'konsultazzjoni mal-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji.

MED.B.015   Apparat Respiratorju

(a)

L-applikanti b'indeboliment sinifikanti tal-funzjoni pulmonari għandhom jiġu vvalutati li mhumiex idonei. Madankollu, dawn jistgħu jiġu vvalutati bħala idonei ladarba l-funzjoni pulmonari tirkupra u tkun sodisfaċenti.

(b)

Applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 1 għandhom iwettqu testijiet morfoloġiċi u funzjonali tal-pulmun fl-eżami inizjali u meta jkunu indikati klinikament.

(c)

Applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 2 għandhom iwettqu testijiet morfoloġiċi u funzjonali tal-pulmun meta jkunu indikati klinikament.

(d)

L-applikanti bi storja medika jew b'dijanjożi ta' kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet mediċi li ġejjin għandha ssirilhom evalwazzjoni respiratorja b'riżultat sodisfaċenti qabel ma jkunu jistgħu jiġu vvalutati bħala idonei:

(1)

ażma li tkun teħtieġ mediċina;

(2)

mard infjammatorju attiv tas-sistema respiratorja;

(3)

sarkoidożi attiva;

(4)

pnewmotoraċi;

(5)

sindrome ta' apnea waqt l-irqad;

(6)

kirurġija toraċika maġġuri;

(7)

pnewmonektomija;

(8)

marda pulmonari ostruttiva kronika.

Qabel ma tingħata kunsiderazzjoni ulterjuri lill-applikazzjoni tagħhom, l-applikanti b'dijanjożi stabbilita ta' kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet mediċi speċifikati fil-punti (3) u (5) għandha ssirilhom evalwazzjoni kardjoloġika sodisfaċenti.

(e)

Valutazzjoni ajrumedika

(1)

L-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 1 b'xi waħda mill-kundizzjonijiet mediċi speċifikati fil-punt (d) għandhom jiġu riferiti lill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji.

(2)

L-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 2 b'xi waħda mill-kundizzjonijiet mediċi speċifikati fil-punt (d) għandhom jiġu vvalutati f'konsultazzjoni mal-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji.

(f)

L-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 1 li jkunu għamlu pnewmonektomija għandhom jiġu vvalutati li mhumiex idonei.

MED.B.020   Sistema Diġestiva

(a)

L-applikanti li jkunu qed isofru b'xi tip ta' konsegwenza minħabba mard jew intervent kirurġiku f'xi parti tas-sistema diġestiva jew fl-adnessa tagħha li tista' tikkawża inkapaċità waqt titjiriet, b'mod partikolari kull ostruzzjoni minħabba kontrazzjoni jew kompressjoni, għandhom jiġu ċċertifikati li mhumiex idonei.

(b)

L-applikanti li għandhom ernja li tista' twassal għal sintomi li joħolqu inkapaċità għandhom jiġu vvalutati li mhumiex idonei.

(c)

L-applikanti bi kwalunkwe wieħed mid-disturbi li ġejjin tas-sistema gastrointestinali jistgħu jiġu vvalutati bħala idonei soġġett għal evalwazzjoni gastrointestinali wara kura b'suċċess jew irkupru sħiħ wara kirurġija:

(1)

disturb dispeptiku rikorrenti li jeħtieġ mediċina;

(2)

pankreatite;

(3)

ġebla sintomatika;

(4)

dijanjożi klinika jew storja medika dokumentata ta' infjammazzjoni kronika tal-imsaren;

(5)

wara operazzjoni kirurġika fis-sistema diġestiva jew fl-adnessa tagħha, inkluża l-kirurġija li tkun involviet it-tneħħija totali jew parzjali jew devjazzjoni ta' xi wieħed minn dawn l-organi.

(d)

Valutazzjoni ajrumedika

(1)

L-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 1 bid-dijanjożi ta' xi waħda mill-kundizzjonijiet mediċi speċifikati fil-punti (2), (4) u (5) tal-punt (c) għandhom jiġu riferiti lill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji.

(2)

L-idoneità tal-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 2 bid-dijanjożi tal-kundizzjoni medika speċifikata fil-punt (2) tal-punt (c) għandha tiġi vvalutata f'konsultazzjoni mal-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji.

MED.B.025   Sistemi Metaboliċi u Endokrinali

(a)

L-applikanti b'disfunzjoni metabolika, nutrittiva jew endokrinali jistgħu jiġu vvalutati bħala idonei dment li juru stabbiltà fil-kundizzjoni medika u ssirilhom evalwazzjoni ajrumedika li tirriżulta sodisfaċenti.

(b)

Dijabete mellitus

(1)

L-applikanti bid-dijabete mellitus li jeħtieġu l-insulina għandhom jiġu vvalutati li mhumiex idonei.

(2)

L-applikanti bid-dijabete mellitus li ma jeħtiġux l-insulina għandhom jiġu vvalutati li mhumiex idonei sakemm ma jintweriex li jkun inkiseb kontroll taz-zokkor fid-demm u li dan hu stabbli.

(c)

Valutazzjoni ajrumedika

(1)

L-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 1 li jkunu jeħtieġu mediċina oħra minbarra l-insulina għall-kontroll taz-zokkor fid-demm għandhom jiġu riferiti lill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji.

(2)

L-idoneità tal-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 2 li jkunu jeħtieġu mediċina oħra minbarra l-insulina għall-kontroll taz-zokkor fid-demm għandha tiġi vvalutata f'konsultazzjoni mal-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji.

MED.B.030   Ematoloġija

(a)

L-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 1 għandhom ikunu soġġetti għal test tal-emoglobina f'kull eżami ajrumediku.

(b)

L-applikanti b'kundizzjoni ematoloġika jistgħu jiġu vvalutati bħala idonei soġġetti għal evalwazzjoni ajrumedika sodisfaċenti.

(c)

L-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 1 b'xi waħda mill-kundizzjonijiet ematoloġiċi li ġejjin għandhom jiġu riferiti lill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji:

(1)

emoglobina anormali, inklużi l-anemija, l-eritroċitożi jew l-emoglobinopatija; iżda mhux limitata għal dawn;

(2)

tkabbir limfatiku sinifikanti;

(3)

tkabbir tal-milsa;

(4)

disturbi ta' koagulazzjoni, emorraġiċi jew trombotiċi;

(5)

lewkimja.

(d)

L-idoneità tal-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 2 bi kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet ematoloġiċi speċifikati fil-punti (4) u (5) tal-punt (c) għandha tiġi vvalutata f'konsultazzjoni mal-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji.

MED.B.035   Sistema Ġenitourinarja

(a)

L-analiżi tal-awrina għandha tifforma parti minn kull eżami ajrumediku. L-applikanti għandhom jiġu vvalutati li mhumiex idonei meta l-awrina tagħhom ikun fiha elementi anormali meqjusa li huma ta' sinifikanza patoloġika li jistgħu jinvolvu grad ta' inkapaċità funzjonali li x'aktarx ixekkel l-eżerċizzju sikur tal-privileġġi tal-liċenzja jew li jista' twassal biex x'aktarx l-applikant f'daqqa waħda ma jkunx jista' jeżerċita dawk il-privileġġi.

(b)

L-applikanti b'xi sintomu morbuż ta' marda jew ta' proċeduri kirurġiċi fis-sistema ġenitourinarja jew fl-adnessa tagħha li aktarx li jikkaġuna inkapaċità, b'mod partikolari kwalunkwe ostruzzjoni minħabba tidjiq jew għeluq, għandhom jiġu vvalutati li mhumiex idonei.

(c)

L-applikanti b'dijanjożi jew bi storja medika ta' dawn li ġejjin jistgħu jiġu vvalutati bħala idonei soġġetti għal evalwazzjoni ġenitourinarja sodisfaċenti, skont kif ikun applikabbli:

(1)

marda renali;

(2)

kalkolu wieħed jew aktar tal-awrina, jew storja medika ta' kolika renali.

(d)

L-applikanti li saritilhom operazzjoni kirurġika ewlenija fis-sistema ġenitourinarja jew fl-adnessa tagħha li tinvolvi qtugħ totali jew parzjali jew xi devjazzjoni tal-organi tagħhom għandhom jiġu vvalutati li mhumiex idonei. Madankollu, wara li jirkupraw bis-sħiħ, jistgħu jiġu vvalutati bħala idonei.

(e)

L-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 1 imsemmija fil-punti (c) u (d) għandhom jiġu riferiti lill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji.

MED.B.040   Mard Infettiv

(a)

L-applikanti għandhom jiġu vvalutati li mhumiex idonei meta jkollhom dijanjożi klinika jew storja medika ta' xi marda infettiva li aktarx li xxekkel l-eżerċizzju sikur tal-privileġġi tal-liċenzja.

(b)

L-applikanti li jkunu pożittivi għall-HIV jistgħu jiġu vvalutati bħala idonei soġġett għal evalwazzjoni ajrumedika sodisfaċenti. Dawn l-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 1 għandhom jiġu riferiti lill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji.

MED.B.045   Ostetriċja u ġinekoloġija

(a)

L-applikanti li jkunu għamlu operazzjoni ġinekoloġika maġġuri għandhom jiġu vvalutati li mhumiex idonei. Madankollu, jistgħu jiġu vvalutati bħala idonei wara li jirkupraw bis-sħiħ.

(b)

Tqala

(1)

Fil-każ ta' tqala, applikanta tista' tkompli teżerċita l-privileġġi tagħha sa tmiem is-26 ġimgħa tat-tqala biss jekk l-AeMC jew l-AME jqis li hi idonea biex tagħmel dan.

(2)

Għal detenturi ta' ċertifikat mediku tal-klassi 1 li huma tqal, għandha tkun tapplika OML. Minkejja l-punt MED.B.001, f'dak il-każ, l-OML tista' tiġi imposta u titneħħa mill-AeMC jew mill-AME.

(3)

Applikanta tista' tkompli teżerċita l-privileġġi tagħha malli tirkupra wara li tintemm it-tqala.

MED.B.050   Sistema Muskoloskeletali

(a)

L-applikanti li ma għandhomx tul suffiċjenti meta jkunu bilqiegħda, tul suffiċjenti tad-dirgħajn u tar-riġlejn u saħħa muskolari suffiċjenti biex jeżerċitaw b'mod sikur il-privileġġi tal-liċenzja għandhom jiġu vvalutati li mhumiex idonei. Madankollu, f'każ li t-tul meta jkun bilqiegħda, it-tul tad-dirgħajn u tar-riġlejn u s-saħħa muskolari tiegħu jkunu suffiċjenti biex jeżerċita b'mod sikur il-privileġġi fir-rigward ta' ċertu tip ta' inġenji tal-ajru, li jistgħu jintwerew, fejn ikun hemm bżonn, permezz ta' titjira medika jew permezz ta' test ta' titjira f'simulazzjoni, l-applikant jista' jiġi vvalutat bħala idoneu u l-privileġġi tiegħu għandhom jiġu limitati kif xieraq.

(b)

L-applikanti li ma għandhomx użu funzjonali sodisfaċenti tas-sistemi muskoloskeletali biex ikunu jistgħu jeżerċitaw il-privileġġi tal-liċenzja b'mod sikur għandhom jiġu vvalutati li mhumiex idonei. Madankollu, f'każ li l-użu funzjonali tiegħu tas-sistema muskoloskeletali jkun suffiċjenti biex jeżerċita b'mod sikur il-privileġġi fir-rigward ta' ċertu tip ta' inġenji tal-ajru, li jista' jintwera, fejn ikun hemm bżonn, permezz ta' titjira medika jew permezz ta' test ta' titjira f'simulazzjoni, l-applikant jista' jiġi vvalutat bħala idoneu u l-privileġġi tiegħu għandhom jiġu limitati kif xieraq.

(c)

F'każ li jqum dubju fil-kuntest tal-valutazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b), l-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 1 għandhom jiġu riferiti lill-valutatur mediku tal-awtorità tal-ħruġ ta' liċenzji u l-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 2 għandhom jiġu vvalutati f'konsultazzjoni mal-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji.

MED.B.055   Saħħa Mentali

(a)

Valutazzjoni komprensiva tas-saħħa mentali għandha tkun tagħmel parti mill-eżami ajrumediku inizjali tal-klassi 1.

(b)

Skrinjar għad-drogi u għall-alkoħol għandu jkun jagħmel parti mill-eżami ajrumediku inizjali tal-klassi 1.

(c)

L-applikanti b'disturb mentali jew b'disturb fl-imġiba minħabba użu jew użu ħażin ta' alkoħol jew ta' sustanzi psikoattivi oħra għandhom jiġu ċċertifikati li mhumiex idonei sa ma jirkupraw u jsiru indipendenti mill-użu jew mill-użu ħażin ta' sustanzi psikoattivi, u jkunu soġġetti għal evalwazzjoni psikjatrika sodisfaċenti wara kura b'suċċess.

(d)

L-applikanti b'dijanjożi klinika jew bi storja medika dokumentata ta' kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet psikjatriċi li ġejjin għandha ssirilhom evalwazzjoni psikjatrika sodisfaċenti qabel ma jkunu jistgħu jiġu vvalutati bħala idonei:

(1)

disturb fil-burdata;

(2)

disturb newrotiku;

(3)

disturb fil-personalità;

(4)

disturb mentali jew fl-imġiba;

(5)

użu ħażin ta' sustanza psikoattiva.

(e)

L-applikanti bi storja medika dokumentata li jkunu wettqu deliberatament att wieħed jew aktar ta' ħsara fuqhom infushom għandhom jiġu vvalutati li mhumiex idonei. Madankollu, jistgħu jiġu vvalutati bħala idonei wara evalwazzjoni psikjatrika sodisfaċenti.

(f)

Valutazzjoni ajrumedika

(1)

L-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 1 b'xi waħda mill-kundizzjonijiet speċifikati fil-punt (c), (d) jew (e) għandhom jiġu riferuti lill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji.

(2)

L-idoneità tal-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 2 bi kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet speċifikati fil-punt (c), (d) jew (e) għandha tiġi vvalutata f'konsultazzjoni mal-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji.

(g)

L-applikanti bi storja medika dokumentata jew b'dijanjożi klinika ta' skiżofrenja, ta' disturbi skiżotipali jew delużjonali għandhom jiġu vvalutati li mhumiex idonei.

MED.B.065   Newroloġija

(a)

L-applikanti b'dijanjożi klinika jew bi storja medika dokumentata ta' xi waħda mill-kundizzjonijiet mediċi li ġejjin għandhom jiġu ċċertifikati li mhumiex idonei:

(1)

epilessija, ħlief fil-każijiet imsemmija fil-punti (1) u (2) tal-punt (b);

(2)

episodji rikorrenti ta' disturbi tal-kuxjenza b'kawża inċerta.

(b)

L-applikanti b'dijanjożi klinika jew bi storja medika dokumentata ta' kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet mediċi li ġejjin għandha ssirilhom evalwazzjoni ulterjuri qabel ma jkunu jistgħu jiġu vvalutati bħala idonei:

(1)

epilessija mingħajr rikorrenza wara l-età ta' 5 snin;

(2)

epilessija mingħajr rikorrenza, u li jkunu ilhom iktar minn 10 snin li waqqfu kull tip ta' kura;

(3)

anormalitajiet fl-EEG epilettiformi u mewġ fokali rallentat;

(4)

mard progressiv jew mhux progressiv tas-sistema nervuża;

(5)

mard infjammatorju tas-sistema nervuża ċentrali jew periferika;

(6)

emigranja;

(7)

episodju wieħed ta' disturbi tal-kuxjenza b'kawża inċerta;

(8)

telfien mis-sensi wara korriment fir-ras;

(9)

korriment penetranti tal-moħħ;

(10)

korriment spinali jew tan-nervituri periferali;

(11)

disturbi fis-sistema nervuża minħabba nuqqasijiet vaskulari inkluż avvenimenti emorraġiċi u iskemiċi.

L-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 1 għandhom jiġu riferuti lill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji. L-idoneità tal-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 2 għandha tiġi vvalutata b'konsultazzjoni mal-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji.

MED.B.070   Sistema Viżwali

(a)

Eżami

(1)

Għal ċertifikat mediku tal-klassi 1:

(i)

eżami komprensiv tal-għajnejn għandu jkun jagħmel parti mill-eżami tal-bidu u għandu jsir meta jkun indikat klinikament u b'mod perjodiku, skont ir-rifrazzjoni u l-prestazzjoni funzjonali tal-għajn.

(ii)

eżami ta' rutina tal-għajnejn għandha tifforma parti mill-eżami kollu ta' rivalidazzjoni u tiġdid.

(2)

Għal ċertifikat mediku tal-klassi 2:

(i)

eżami ta' rutina tal-għajnejn għandu jkun jifforma parti mill-eżamijiet inizjali u ta' rivalidazzjoni u ta' tiġdid kollha.

(ii)

eżami komprensiv tal-għajnejn għandu jsir meta jkun indikat klinikament.

(b)

L-akutezza viżiva

(1)

Għal ċertifikat mediku tal-klassi 1:

(i)

L-akutezza viżiva mill-bogħod, b'korrezzjoni jew mingħajr, għandha tkun 6/9 (0,7) jew aħjar f'kull għajn separatament, u l-akutezza viżiva biż-żewġ għajnejn għandha tkun 6/6 (1,0) jew aħjar.

(ii)

Fl-eżami inizjali, l-applikanti b'viżjoni substandard miksuba f'għajn waħda għandhom jiġu vvalutati li mhumiex idonei.

(iii)

Fl-eżamijiet ta' rivalidazzjoni u ta' tiġdid, minkejja l-punt (b)(1)(i), l-applikanti b'viżjoni substandard akkwiżita f'għajn waħda jew b'monokularità akkwiżita għandhom jiġu riferiti lill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji u jistgħu jiġu vvalutati bħala idonei soġġetti għal evalwazzjoni oftalmoloġika sodisfaċenti.

(2)

Għal ċertifikat mediku tal-klassi 2:

(i)

L-akutezza viżiva mill-bogħod, b'korrezzjoni jew mingħajr, għandha tkun 6/12 (0,5) jew aħjar f'kull għajn separatament, u l-akutezza viżiva biż-żewġ għajnejn għandha tkun 6/9 (0,7) jew aħjar.

(ii)

Minkejja l-punt (b)(2)(i), l-applikanti b'viżjoni substandard f'għajn waħda jew b'monokularità jistgħu jiġu vvalutati bħala idonei, f'konsultazzjoni mal-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji u soġġetti għal evalwazzjoni oftalmoloġika sodisfaċenti.

(3)

L-applikanti għandhom ikunu jistgħu jaqraw ċart N5 jew l-ekwivalenti minn distanza ta' 30-50 cm u ċart N14 jew l-ekwivalenti minn 100 cm, jekk ikun hemm bżonn bil-korrezzjoni.

(c)

Difett rifrattiv u anisometropija

(1)

L-applikanti bi żbalji refrattivi jew b'anisometropija jistgħu jiġu vvalutati bħala idonei soġġetti għal evalwazzjoni oftalmika sodisfaċenti.

(2)

Minkejja l-punt (c)(1), l-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 1 bi kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet mediċi li ġejjin għandhom jiġu riferiti lill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji u jistgħu jiġu vvalutati bħala idonei soġġetti għal evalwazzjoni oftalmoloġika sodisfaċenti:

(i)

mijopija li taqbeż – 6,0 dioptri;

(ii)

astigmatiżmu li jaqbeż it-2,0 dioptri;

(iii)

anisometropija li taqbeż it-2,0 dioptri.

(3)

Minkejja l-punt (c)(1), l-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 1 b'ipermetropija li taqbeż il-+ 5,0 diptri għandhom jiġu riferiti lill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji u jistgħu jiġu vvalutati bħala idonei soġġetti għal evalwazzjoni oftalmoloġika sodisfaċenti, dment li jkun hemm riżervi fużjonali adegwati, pressjonijiet intraokulari u angoli anterjuri normali u jintwera li m'hemm ebda patoloġija sinifikanti. Minkejja l-punt (b)(1)(i), l-akutezza viżwali kkoreġuta f'kull għajn għandha tkun 6/6 jew aħjar.

(4)

L-applikanti b'dijanjożi klinika ta' keratokonus jistgħu jiġu vvalutati bħala idonei soġġetti għal eżami sodisfaċenti minn oftalmologu. Dawn l-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 1 għandhom jiġu riferiti lill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji.

(d)

Funzjoni binokulari

(1)

L-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 1 għandhom jiġu vvalutati li mhumiex idonei, meta ma jkollhomx funzjoni binokulari normali u dik il-kundizzjoni medika aktarx li xxekkel l-eżerċizzju sikur tal-privileġġi tal-liċenzja, b'kunsiderazzjoni ta' kwalunkwe miżura korrettiva xierqa fejn rilevanti.

(2)

L-applikanti bid-diplopja għandhom jiġu vvalutati li mhumiex idonei.

(e)

Kampi viżivi

L-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 1 għandhom jiġu vvalutati li mhumiex idonei, meta ma jkollhomx kampi viżivi normali u dik il-kundizzjoni medika aktarx li xxekkel l-eżerċizzju sikur tal-privileġġi tal-liċenzja, b'kunsiderazzjoni ta' kwalunkwe miżura korrettiva xierqa fejn rilevanti.

(f)

Kirurġija tal-għajnejn

L-applikanti li jkunu għamlu kirurġija tal-għajnejn għandhom jiġu vvalutati li mhumiex idonei. Madankollu, dawn jistgħu jiġu vvalutati bħala idonei wara li jirkupraw il-funzjoni viżiva tagħhom bis-sħiħ u soġġetti għal evalwazzjoni oftalmoloġika sodisfaċenti.

(g)

Nuċċalijiet u lentijiet tal-kuntatt

(1)

Jekk funzjoni viżwali sodisfaċenti tintlaħaq biss permezz ta' korrezzjoni, in-nuċċali jew il-lentijiet tal-kuntatt għandhom jipprovdu funzjoni viżwali ottimali, ikunu ttollerati sew u xierqa għall-finijiet tal-avjazzjoni.

(2)

M'għandux jintuża aktar minn nuċċali wieħed biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti viżivi meta jiġu eżerċitati l-privileġġi tal-liċenzja/i applikabbli.

(3)

Għal vista fil-bogħod, għandu jintlibes nuċċali jew lentijiet tal-kuntatt waqt l-eżerċitar tal-privileġġi tal-liċenzja/i applikabbli.

(4)

Għal vista fil-viċin, għandu jinżamm nuċċali disponibbli waqt l-eżerċitar tal-privileġġi tal-liċenzja/i applikabbli.

(5)

Nuċċali ta' korrezzjoni ieħor bħal dan, għall-viżjoni fil-bogħod jew fil-viċin, għandu jkun faċilment disponibbli għal użu immedjat waqt l-eżerċitar tal-privileġġi tal-liċenzja/i applikabbli.

(6)

Jekk jintlibsu lentijiet tal-kuntatt waqt l-eżerċitar tal-privileġġi tal-liċenzja/i applikabbli, dawn għandhom ikunu għall-viżjoni fil-bogħod, monofokali, mhux skurati u ttollerati sew.

(7)

L-applikanti b'difett rifrattiv kbir għandhom jużaw lentijiet tal-kuntatt jew lentijiet tan-nuċċali ta' indiċi għoli.

(8)

M'għandhomx jintużaw lentijiet ortokeratoloġiċi.

MED.B.075   Vżjoni tal-kulur

(a)

L-applikanti għandhom jiġu vvalutati li mhumiex idonei, meta ma jkunux kapaċi juru l-ħila tagħhom li jipperċepixxu minnufih il-kuluri li huma neċessarji għall-eżerċizzju sikur tal-privileġġi tal-liċenzja.

(b)

Eżami u valutazzjoni

(1)

L-applikanti għandhom ikunu soġġetti għat-test Ishihara għall-ħruġ inizjali ta' ċertifikat mediku. L-applikanti li jgħaddu minn dak it-test jistgħu jiġu vvalutati bħala idonei.

(2)

Għal ċertifikat mediku tal-klassi 1:

(i)

L-applikanti li ma jgħaddux mit-test Ishihara għandhom jiġu riferiti lill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji u għandu jsirilhom iktar ittestjar tal-perċezzjoni tal-kuluri biex jiġi stabbilit jekk humiex siguri fir-rikonoxximent tal-kuluri.

(ii)

L-applikanti għandhom ikunu trikromati normali jew ikunu siguri fir-rikonoxximent tal-kuluri.

(iii)

L-applikanti li jeħlu fit-testijiet ulterjuri tal-perċezzjoni tal-kuluri għandhom jiġu vvalutati li mhumiex idonei.

(3)

Għal ċertifikat mediku tal-klassi 2:

(i)

L-applikanti li ma jgħaddux mit-test Ishihara għandhom jagħmlu testijiet ulterjuri tal-perċezzjoni tal-kuluri biex jiġi stabbilit jekk humiex siguri fir-rikonoxximent tal-kuluri.

(ii)

L-applikanti li m'għandhomx perċezzjoni sodisfaċenti tal-kuluri għandhom ikunu limitati għall-eżerċitar tal-privileġġi tal-liċenzja applikabbli binhar biss.

MED.B.080   Otorinolaringoloġija (ENT)

(a)

Eżami

(1)

Is-smigħ tal-applikanti għandu jiġi ttestjat fl-eżamijiet kollha.

(i)

Għal ċertifikat mediku tal-klassi 1, u għal ċertifikat mediku tal-klassi 2 meta trid tiżdied kwalifika ta' titjir bl-istrumenti jew kwalifika ta' titjir bl-istrumenti en route fil-liċenzja, is-smigħ għandu jiġi ttestjat b'awdjometrija b'ton pur fl-eżami inizjali, u mbagħad kull 5 snin sakemm id-detentur ta' liċenzja jilħaq l-età ta' 40 sena u mbagħad kull sentejn (2) wara din.

(ii)

Meta jiġu ttestjati b'awdjometru b'tonalità pura, l-applikanti inizjali ma għandux ikollhom telf ta' smigħ ta' aktar minn 35 dB f'xi waħda mill-frekwenzi ta' 500, ta' 1 000 jew ta' 2 000 Hz, jew ta' iktar minn 50 dB fi 3 000 Hz, f'kull widna separatament. L-applikanti għal rivalidazzjoni jew għal tiġdid b'telf ta' smigħ ta' livell ogħla għandhom juru fakultà ta' smigħ funzjonali sodisfaċenti.

(2)

Għandu jsir eżami komprensiv tal-widnejn, tal-imnieħer u tal-gerżuma għall-ħruġ inizjali ta' ċertifikat mediku tal-klassi 1 u sussegwentement għandu jerġa' jsir perjodikament meta jkun indikat klinikament.

(b)

L-applikanti bi kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet mediċi li ġejjin għandu jsirilhom eżami ulterjuri biex jiġi stabbilit li l-kundizzjoni medika ma xxekkilx l-eżerċizzju sikur tal-privileġġi tal-liċenzja/i applikabbli:

(1)

ipoakużi;

(2)

proċess patoloġiku attiv tal-widna interna jew tan-nofs;

(3)

perforazzjoni mhux imfejqa jew disfunzjoni tal-membrana/i timpanika/ċi;

(4)

disfunzjoni tat-tubu/i ta' Ewstaċju;

(5)

disturb tal-funzjoni vestibolari;

(6)

restrizzjoni sinifikanti tal-passaġġi tal-imnieħer;

(7)

disfunzjoni sinużali;

(8)

malformazzjoni sinifikanti jew infezzjoni sinifikanti tal-kavità orali jew tan-naħa ta' fuq tas-sistema respiratorja;

(9)

disturb sinifikanti fit-taħdit jew fil-vuċi;

(10)

kwalunkwe sintomu morbuż tal-kirurġija tal-widna interna jew tan-nofs.

(c)

Valutazzjoni ajrumedika

(1)

L-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 1 b'xi waħda mill-kundizzjonijiet mediċi speċifikati fil-punti (1), (4) u (5) tal-punt (b) għandhom jiġu riferiti lill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji.

(2)

L-idoneità tal-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 2 bi kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet mediċi speċifikati fil-punti (4) u (5) tal-punt (b) għandha tiġi vvalutata f'konsultazzjoni mal-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji.

(3)

L-idoneità tal-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 2 għal kwalifika ta' titjir bl-istrumenti jew għal kwalifika ta' titjir bl-istrumenti en route li trid tiddaħħal fil-liċenzja bil-kundizzjoni medika speċifikata fil-punt (1) tal-punt (b) għandha tiġi vvalutata f'konsultazzjoni mal-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji.

MED.B.085   Dermatoloġija

L-applikanti għandhom jiġu vvalutati li mhumiex idonei meta jkollhom kundizzjoni dermatoloġika stabbilita li aktarx li xxekkel l-eżerċizzju sikur tal-privileġġi tal-liċenzja.

MED.B.090   Onkoloġija

(a)

Qabel ma tingħata kunsiderazzjoni ulterjuri lill-applikazzjoni tagħhom, l-applikanti b'marda malinna primarja jew sekondarja għandha ssirilhom evalwazzjoni onkoloġika sodisfaċenti. Dawn l-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 1 għandhom jiġu riferiti lill-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji. Dawn l-applikanti għal ċertifikat mediku tal-klassi 2 għandhom jiġu vvalutati f'konsultazzjoni mal-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji.

(b)

L-applikanti bi storja medika dokumentata jew b'dijanjożi klinika ta' tumur malinn intraċerebrali għandhom jiġu vvalutati li mhumiex idonei.

TAQSIMA 3

Rekwiżiti speċifiċi għal ċertifikati mediċi tal-LAPL

MED.B.095   Eżami u valutazzjoni mediċi ta' applikanti għal ċertifikati mediċi tal-LAPL

(a)

Applikant għal ċertifikat mediku tal-LAPL għandu jiġi vvalutat abbażi tal-aqwa prassi ajrumedika.

(b)

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-istorja medika kollha tal-applikant.

(c)

Il-valutazzjoni inizjali, ir-rivalutazzjonijiet sussegwenti kollha wara li d-detentur ta' liċenzja jagħlaq il-50 sena u kwalunkwe valutazzjoni f'każijiet fejn l-istorja medika tal-applikant ma tkunx disponibbli għall-eżaminatur għandhom jinkludu tal-anqas dawn kollha li ġejjin:

(1)

eżami kliniku;

(2)

pressjoni tad-demm;

(3)

test tal-awrina;

(4)

viżjoni;

(5)

fakultà tas-smigħ.

(d)

Wara l-valutazzjoni inizjali, ir-rivalutazzjonijiet sussegwenti sakemm id-detentur ta' liċenzja jagħlaq il-50 sena għandhom jinkludu tal-inqas dawn it-tnejn li ġejjin:

(1)

valutazzjoni tal-istorja medika tad-detentur tal-LAPL;

(2)

l-affarijiet speċifikati fil-punt (c) kif jidhirlu li jkun meħtieġ l-AeMC, l-AME jew il-GMP skont l-aqwa prassi ajrumedika.”;

(2)

It-Sottoparti D hija sostitwita b'dan li ġej:

“SOTTOPARTI D

EŻAMINATURI AJRUMEDIĊI, PROFESSJONISTI MEDIĊI ĠENERALI, PRATTIKANTI MEDIĊI TAS-SAĦĦA OKKUPAZZJONALI

TAQSIMA 1

Eżaminaturi Ajrumediċi

MED.D.001   Privileġġi

(a)

Il-privileġġi ta' detenturi ta' ċertifikat ta' eżaminatur ajrumediku (AME - Aero-Medical Examiner) huma li joħroġ, jirrivalida u jġedded ċertifikati mediċi tal-klassi 2 u ċertifikati mediċi tal-LAPL (Light Aircraft Pilot Licence) u li jagħmel l-eżamijiet u l-valutazzjonijiet mediċi rilevanti.

(b)

Id-detenturi ta' ċertifikat ta' AME jistgħu japplikaw għal estensjoni tal-privileġġi tagħhom biex jinkludu eżamijiet mediċi għar-rivalidazzjoni u għat-tiġdid ta' ċertifikati mediċi tal-klassi 1, jekk dawn jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt MED.D.015.

(c)

Il-privileġġi ta' detentur ta' ċertifikat ta' AME msemmija fil-punti (a) u (b) għandhom jinkludu l-privileġġi biex iwettaq eżamijiet u valutazzjonijiet ajrumediċi tal-membri tal-ekwipaġġ tal-kabina u biex jipprovdi r-rapporti mediċi tal-membri tal-ekwipaġġ tal-kabina relatati, f'konformità ma' dan l-Anness (Parti-MED).

(d)

L-ambitu tal-privileġġi tad-detentur ta' ċertifikat ta' AME u kull kundizzjoni relatata miegħu għandhom ikunu speċifikati f'dak iċ-ċertifikat.

(e)

Detentur ta' ċertifikat ta' AME m'għandu f'ebda ħin ikollu aktar minn ċertifikat ta' AME wieħed maħruġ skont dan ir-Regolament.

(f)

Id-detenturi ta' ċertifikat ta' AME m'għandhomx jagħmlu eżamijiet u valutazzjonijiet ajrumediċi fi Stat Membru ieħor li ma jkunx l-Istat Membru li jkun ħareġ iċ-ċertifikat ta' AME tagħhom, sakemm ma jkunux wettqu l-passi kollha li ġejjin:

(1)

ikunu ngħataw aċċess mill-Istat Membru kkonċernat l-ieħor biex jeżerċitaw l-attivitajiet professjonali tagħhom bħala tabib speċjalizzat;

(2)

ikunu għarrfu lill-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru l-ieħor bl-intenzjoni tagħhom li jagħmlu eżamijiet u valutazzjonijiet ajrumediċi u joħorġu ċertifikati mediċi fi ħdan l-ambitu tal-privileġġi tagħhom bħala AME;

(3)

ikunu irċevew struzzjonijiet mill-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru l-ieħor.

MED.D.005   Applikazzjoni

(a)

Applikazzjoni għal ċertifikat ta' AME jew għal estensjoni tal-privileġġi ta' ċertifikat ta' AME għandha ssir fil-forma u bil-manjiera speċifikati mill-awtorità kompetenti.

(b)

L-applikanti għal ċertifikat ta' AME għandhom jipprovdu lill-awtorità kompetenti:

(1)

id-dettalji personali u l-indirizz professjonali tagħhom;

(2)

id-dokumentazzjoni li turi li huma konformi mar-rekwiżiti tal-punt MED.D.010, inkluża evidenza li jkunu lestew b'suċċess kors ta' taħriġ fil-mediċina tal-avjazzjoni li jikkorrispondi għall-privileġġi li japplikaw għalihom;

(3)

dikjarazzjoni bil-miktub li, ladarba jinħareġ iċ-ċertifikat ta' AME, l-AME joħroġ ċertifikati mediċi abbażi tar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

(c)

Meta l-AMEs jagħmlu eżamijiet ajrumediċi f'iktar minn post wieħed, dawn għandhom jipprovdu lill-awtorità kompetenti l-informazzjoni rilevanti rigward dawn il-postijiet u l-faċilitajiet kollha tal-prattika.

MED.D.010   Rekwiżiti għall-ħruġ ta' ċertifikat ta' AME

L-applikanti għandu jinħarġilhom ċertifikat ta' AME, meta jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikunu kompletament ikkwalifikati u liċenzjati biex jipprattikaw il-mediċina u jkollhom evidenza ta' tlestija ta' taħriġ mediku speċjalizzat;

(b)

lestew b'suċċess kors ta' taħriġ bażiku fil-mediċina tal-avjazzjoni, inkluż taħriġ prattiku fil-metodi ta' eżami u fil-valutazzjonijiet ajrumediċi;

(c)

urew lill-awtorità kompetenti li huma:

(1)

għandhom faċilitajiet, proċeduri, dokumentazzjoni u tagħmir funzjonanti adegwati xierqa għall-eżamijiet ajrumediċi;

(2)

għandhom il-proċeduri u l-kundizzjonijiet neċessarji stabbiliti biex jiżguraw il-kunfidenzjalità medika.

MED.D.011   Privileġġi ta' detentur ta' ċertifikat ta' AME

Permezz tal-ħruġ ta' ċertifikat ta' AME, id-detentur għandu jingħata l-privileġġi biex inizjalment joħroġ, jirrivalida u jġedded dawn kollha li ġejjin:

(a)

iċ-ċertifikati mediċi tal-klassi 2;

(b)

iċ-ċertifikati mediċi tal-LAPL;

(c)

ir-rapporti medċi tal-membri tal-ekwipaġġ tal-kabina.

MED.D.015   Rekwiżiti għall-estensjoni tal-privileġġi

L-applikanti għandu jinħarġilhom ċertifikat ta' AME bil-privileġġi estiżi għar-rivalidazzjoni u għat-tiġdid ta' ċertifikati mediċi tal-klassi 1 meta jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikollhom ċertifikat validu ta' AME;

(b)

ikunu għamlu tal-anqas 30 eżami għall-ħruġ, għar-rivalidazzjoni jew għat-tiġdid ta' ċertifikati mediċi tal-klassi 2 jew ekwivalenti fuq perjodu ta' mhux iktar minn 3 snin qabel l-applikazzjoni;

(c)

ikunu lestew b'suċċess kors ta' taħriġ avvanzat fil-mediċina tal-avjazzjoni, inkluż taħriġ prattiku fil-metodi ta' eżami u fil-valutazzjonijiet ajrumediċi;

(d)

ikunu lestew b'suċċess taħriġ prattiku b'durata minima ta' jumejn (2), jew f'AeMC jew taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti.

MED.D.020   Korsijiet ta' taħriġ fil-mediċina tal-avjazzjoni

(a)

Il-korsijiet ta' taħriġ fil-mediċina tal-avjazzjoni msemmija f'MED.D.010(b) u f'MED.D.015 (c) għandhom jiġu pprovduti biss wara l-approvazzjoni minn qabel tal-kors mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn l-organizzazzjoni tat-taħriġ għandha l-post prinċipali ta' negozju tagħha. Biex tikseb approvazzjoni bħal din, l-organizzazzjoni tat-taħriġ għandha turi li s-sillabu tal-kors jinkludi objettivi ta' tagħlim biex jinkisbu l-kompetenzi meħtieġa u l-persuni li jieħdu ħsieb it-taħriġ għandhom għarfien u esperjenza xierqa.

(b)

Barra fil-każ ta' taħriġ ta' tiġdid, il-korsijiet għandhom jispiċċaw b'eżami bil-miktub fuq is-suġġetti inklużi fil-kontenut tal-kors.

(c)

L-organizzazzjoni tat-taħriġ għandha toħroġ ċertifikat ta' tlestija b'suċċess lill-parteċipanti meta jkunu għaddew mill-eżami.

MED.D.025   Tibdiliet fiċ-ċertifikat ta' AME

(a)

Id-detenturi ta' ċertifikat ta' AME għandhom jinnotifikaw, kemm jista' jkun malajr, lill-awtorità kompetenti biċ-ċirkostanzi li ġejjin li jistgħu jaffettwaw iċ-ċertifikat ta' AME tagħhom:

(1)

l-AME jkun soġġett għal proċeduri dixxiplinarji jew investigazzjoni minn bord mediku regolatorju;

(2)

ikun hemm tibdiliet fil-kundizzjonijiet li fihom ikun ingħata ċ-ċertifikat, inkluż il-kontenut tal-istqarrijiet ipprovduti mal-applikazzjoni;

(3)

ir-rekwiżiti għall-ħruġ taċ-ċeritifikat ta' AME ma jibqgħux jiġu ssodisfati;

(4)

ikun hemm bidla fil-post(ijiet) tal-attività jew fl-indirizz tal-korrispondenza tal-eżaminatur ajrumediku.

(b)

Nuqqas ta' notifika lill-awtorità kompetenti f'konformità mal-punt (a) għandu jirriżulta fis-sospensjoni jew fir-revoka taċ-ċertifikat ta' AME skont il-punt ARA.MED.250 tal-Anness II (Parti-ARA).

MED.D.030   Validità taċ-ċertifikati ta' AME

Ċertifikat ta' AME għandu jkun validu għal perjodu ta' tliet (3) snin, sakemm l-awtorità kompetenti ma tiddeċidix li tnaqqas dak il-perjodu għal raġunijiet iġġustifikati kif xieraq relatati mal-każ individwali.

Mal-applikazzjoni mid-detentur, iċ-ċertifikat għandu:

(a)

jiġi rivalidat, dment li d-detentur:

(1)

ikompli jissodisfa l-kundizzjonijiet ġenerali rikjesti għall-prattika medika u jżomm il-liċenzja tiegħu biex jipprattika l-mediċina;

(2)

ikun ħa taħriġ ta' tiġdid fil-mediċina tal-avjazzjoni fl-aħħar 3 snin;

(3)

ikun għamel tal-anqas 10 eżamijiet ajrumediċi jew ekwivalenti kull sena;

(4)

jibqa' konformi mal-patti taċ-ċertifikat;

(5)

jeżerċita l-privileġġi skont ir-rekwiżiti ta' dan l-Anness (Parti-MED);

(6)

ikun wera li hu jżomm il-kompetenza ajrumedika tiegħu f'konformità mal-proċedura stabbilita mill-awtorità kompetenti.

(b)

jiġġedded, dment li d-detentur jikkonforma mar-rekwiżiti għar-rivalidazzjoni stipulati fil-punt (a) jew mar-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(1)

ikompli jissodisfa l-kundizzjonijiet ġenerali rikjesti għall-prattika medika u jżomm il-liċenzja tiegħu biex jipprattika l-mediċina;

(2)

ikun ħa taħriġ ta' tiġdid fil-mediċina tal-avjazzjoni fl-aħħar sena;

(3)

ikun lesta b'suċċess taħriġ prattiku tul l-aħħar sentejn, jew f'AeMC jew taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti;

(4)

jibqa' konformi mar-rekwiżiti tal-punt MED.D.010;

(5)

ikun wera li hu jżomm il-kompetenza ajrumedika tiegħu f'konformità mal-proċedura stabbilita mill-awtorità kompetenti.

TAQSIMA 2

Professjonisti Mediċi Ġenerali

MED.D.035   Rekwiżiti tal-professjonisti mediċi ġenerali

Il-professjonisti mediċi ġenerali (GMPs) jistgħu jaġixxu bħala AMEs għall-ħruġ ta' ċertifikati mediċi tal-LAPL, meta jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

huma jeżerċitaw l-attività tagħhom fi Stat Membru fejn il-GMPs ikollhom aċċess għar-rekords mediċi kollha tal-applikanti;

(b)

huma jeżerċitaw l-attività tagħhom f'konformità ma' kwalunkwe rekwiżit addizzjonali stabbilit fid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru tal-awtorità kompetenti tagħhom;

(c)

huma kkwalifikati u lliċenzjati bis-sħiħ biex jipprattikaw il-mediċina f'konformità mad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru tal-awtorità kompetenti tagħhom;

(d)

huma jkunu nnotifikaw lill-awtorità kompetenti qabel ma jibdew it-tali attività.

TAQSIMA 3

Prattikanti Mediċi tas-Saħħa Okkupazzjonali

MED.D.040   Rekwiżiti għall-prattikanti mediċi tas-saħħa okkupazzjonali

Fi Stati Membri fejn l-awtorità kompetenti tkun issodisfata li r-rekwiżiti tas-sistema nazzjonali tas-saħħa applikabbli għall-prattikanti mediċi tas-saħħa okkupazzjonali (OHMPs - Occupational Health Medical Practitioners) huma tali li jiżguraw konformità mar-rekwiżiti ta' dan l-Anness (Parti-MED) applikabbli għall-OHMPs, l-OHMPs jistgħu jwettqu valutazzjonijiet ajrumediċi tal-ekwipaġġ tal-kabina, dment li:

(a)

ikunu kkwalifikati bis-sħiħ u lliċenzjati fil-prattika tal-mediċina u kkwalifikati fil-mediċina okkupazzjonali;

(b)

l-ambjent tax-xogħol u d-dmirijiet relatati mas-sikurezza tul it-titjira tal-ekwipaġġ tal-kabina kienu inklużi fis-sillabu tal-kwalifika fil-mediċina okkupazzjonali jew f'taħriġ ieħor jew f'esperjenza operazzjonali oħra tagħhom;

(c)

ikunu nnotifikaw lill-awtorità kompetenti qabel ma jibdew it-tali attività.”.


ANNESS II

Jiżdied il-punt li ġej fit-Taqsima I tas-Sottoparti MED tal-Anness VI tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011:

“ARA.MED.160   Skambju ta' informazzjoni dwar iċ-ċertifikati mediċi permezz ta' repożitorju ċentrali.

(a)

L-Aġenzija għandha tistabbilixxi u tamministra repożitorju ċentrali, ir-Repożitorju Ajrumediku Ewropew (EAMR).

(b)

Għall-finijiet ta' ċertifikazzjoni medika u sorveljanza tal-applikanti għal ċertifikati mediċi tal-klassi 1 u d-detenturi tagħhom u għas-sorveljanza ta' AMEs u AeMCs, il-persuni msemmija fil-punt (c) għandhom jiskambjaw l-informazzjoni li ġejja permezz tal-EAMR:

(1)

id-data bażika tal-applikant jew tad-detentur ta' ċertifikat mediku tal-klassi 1: l-awtorità tal-liċenzji; l-isem u l-kunjom; id-data tat-twelid; in-nazzjonalità; l-indirizz tal-posta elettronika u n-numru tad-dokument jew dokumenti ta' identifikazzjoni (il-karta tal-identità nazzjonali jew il-passaport) kif mogħti mill-applikant;

(2)

id-data marbuta maċ-ċertifikati mediċi tal-klassi 1: id-data tal-eżami mediku jew, f'każ li l-eżami mediku mhuwiex iffinalizzat, id-data ta' meta jkun inbeda l-eżami mediku; id-dati tal-ħruġ u tal-iskadenza taċ-ċertifikat mediku tal-klassi 1; il-post fejn sar l-eżami; l-istatus ta' limitazzjonijiet; l-istatus ta' dak iċ-ċertifikat (ġdid, maħruġ, sospiż jew revokat); in-numru ta' referenza uniku tal-valutatur mediku tal-awtorità tal-liċenzji; l-AME jew l-AeMC li toħroġ dak iċ-ċertifikat u tal-awtorità kompetenti tagħha.

(c)

Għall-finijiet tal-punt (b), il-persuni li ġejjin għandu jkollhom aċċess għall-EAMR u għall-informazzjoni li tinsab fih:

(1)

il-valutaturi mediċi tal-awtorità tal-liċenzji tal-applikant għal ċertifikat mediku tal-klassi 1 jew tad-detentur ta' dan, kif ukoll kwalunkwe membru ieħor tal-persunal awtorizzat kif xieraq ta' dik l-awtorità li jkun inkarigat bil-ħolqien jew bl-immaniġġjar tar-rekord ta' dak l-applikant jew tad-detentur kif meħtieġ minn dan ir-Regolament;

(2)

l-AMEs u kwalunkwe membru ieħor tal-persunal awtorizzat kif xieraq tal-AeMCs li lilhom l-applikant jew id-detentur ipprovda dikjarazzjoni f'konformità mal-punt MED.A.035(b)(2);

(3)

kwalunkwe membru tal-persunal awtorizzat kif xieraq tal-awtorità kompetenti li hu responsabbli għas-sorveljanza tal-AMEs jew tal-AeMCs li jwettaq valutazzjonijiet ajrumediċi ta' dawk l-applikanti jew id-detenturi.

Barra minn hekk, l-Aġenzija u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jagħtu aċċess għall-EAMR u għall-informazzjoni li tinsab fih lil persuni oħra, fejn ikun hemm bżonn għall-finijiet ta' żgurar tal-funzjonament xieraq tal-EAMR, b'mod partikolari għall-manutenzjoni teknika tiegħu. F'dak il-każ, l-Aġenzija jew l-awtorità nazzjonali kompetenti kkonċernata għandha tiżgura li dawk il-persuni huma awtorizzati u kkwalifikati kif xieraq, li l-aċċess tagħhom għadu limitat għal dak li hu neċessarju għall-finijiet li għalihom ingħataw aċċess u li rċivew taħriġ minn qabel fuq il-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data personali u fuq is-salvagwardji relatati. Kull meta awtorità kompetenti tagħti aċċess bħal dan lil persuna, għandha tinforma lill-Aġenzija minn qabel.

(d)

L-awtoritajiet tal-ħruġ ta' liċenzji, l-AMEs u l-AeMCs imsemmija fil-punt (c) għandhom, kull darba eżatt malli jkunu eżaminaw applikant għal ċertifikat mediku tal-klassi 1 jew detentur tiegħu, idaħħlu d-data msemmija fil-punt (b) fl-EAMR jew jaġġornaw dik id-data fejn ikun hemm bżonn.

(e)

Meta d-data tikkostitwixxi data personali kif iddefinita fil-punt a tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 (1), kull darba li jdaħħlu jew jaġġornaw dik id-data, dawn għandhom jinformaw ex ante dwar dan lill-applikant għaċ-ċertifikat tal-klassi 1 jew lid-detentur tiegħu.

(f)

L-Aġenzija għandha tiżgura l-integrità u s-sigurtà tal-EAMR u l-informazzjoni li tinsab fih permezz ta' infrastruttura xierqa tat-teknoloġija tal-informazzjoni. Għandha tistabbilixxi u tapplika, f'konsultazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-protokolli u l-miżuri teknoloġiċi neċessarji biex jiġi żgurat li kwalunkwe aċċess għall-EAMR u għall-informazzjoni li tinsab fih hu legali u sigur.

(g)

L-Aġenzija għandha tiżgura li kwalunkwe informazzjoni li tinsab fl-EAMR titħassar wara perjodu ta' għaxar snin. Dak il-perjodu għandu jiġi kkalkolat mid-data ta' skadenza tal-aħħar ċertifikat tal-klassi 1 maħruġ fir-rigward tal-applikant jew tad-detentur ikkonċernat, jew mid-data tal-aħħar entrata jew aġġornament tad-data fir-rigward ta' dak l-applikant jew id-detentur, skont liema data tiġi l-aħħar.

(h)

L-Aġenzija għandha tiżgura li l-applikanti għal ċertifikati mediċi tal-klassi 1 jew id-detenturi tagħhom jistgħu jaċċessaw kwalunkwe informazzjoni relatata magħhom li tinsab fl-EAMR u li dawn jiġu informati li jistgħu jitolbu r-rettifika jew it-tħassir ta' dik l-informazzjoni. L-awtoritajiet tal-ħruġ ta' liċenzji għandhom jivvalutaw dawn it-talbiet u, meta jqisu li l-informazzjoni kkonċernata hi żbaljata jew mhijiex neċessarja għall-finijiet speċifikati fil-punt (b), għandhom jiżguraw li l-informazzjoni tiġi rettifikata jew titħassar.”


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).


Top