EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019L1995

Direttiva tal-Kunsill (UE) 2019/1995 tal-21 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati ma’ bejgħ b’distanza ta’ merkanzija u ċerti provvisti domestiċi ta’ merkanzija

ST/8010/2019/INIT

ĠU L 310, 2.12.2019, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 18/08/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/1995/oj

2.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 310/1


DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2019/1995

tal-21 ta’ Novembru 2019

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati ma’ bejgħ b’distanza ta’ merkanzija u ċerti provvisti domestiċi ta’ merkanzija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Waqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (3) kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 (4) tipprevedi li meta persuna taxxabbli tiffaċilita, permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika bħal post tas-suq, pjattaforma, portal jew mezz ieħor simili, il-bejgħ b’distanza ta’ merkanzija importata minn territorji terzi jew pajjiżi terzi f’kunsinni ta’ valur intrinsiku li ma jaqbiżx EUR 150 jew il-provvista ta’ merkanzija fi ħdan il-Komunità minn persuna taxxabbli mhux stabbilita fil-Komunità lil persuna mhux taxxabbli, il-persuna taxxabbli li tiffaċilita l-provvista għandha titqies li rċeviet u pprovdiet il-merkanzija hi stess. Peress li dik id-Direttiva tifred provvista waħda f’żewġ provvisti, jenħtieġ li jiġi ddeterminat għal liema provvista għandu jiġi attribwit id-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija biex jiġi ddeterminat kif suppost il-post tal-provvista tagħhom. Jenħtieġ ukoll li jiġi żgurat li l-fatt taxxabbli ta’ dawk iż-żewġ provvisti jsir fl-istess ħin.

(2)

Peress li persuna taxxabbli li, permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika, tiffaċilita l-provvista ta’ merkanzija lil persuna mhux taxxabbli fil-Komunità, tista’ tnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imħallsa lil fornituri mhux stabbiliti fil-Komunità, f’konformità mar-regoli eżistenti, hemm ir-riskju li dan tal-aħħar ma jħallasx il-VAT lill-awtoritajiet tat-taxxa. Sabiex jiġi evitat dak ir-riskju, il-provvista mingħand il-fornitur li jbigħ merkanzija permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika jenħtieġ li tkun eżenti mill-VAT, filwaqt li dak il-fornitur jenħtieġ li jingħata dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input li ħallas max-xiri jew l-importazzjoni tal-merkanzija pprovduta. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-fornitur ikun dejjem irreġistrat fl-Istat Membru fejn ikun akkwista jew importa dik il-merkanzija.

(3)

Barra minn hekk, il-fornituri li mhumiex stabbiliti fil-Komunità, li jagħmlu użu minn interfaċċa elettronika biex ibigħu l-merkanzija, jistgħu jżommu stokk f’diversi Stati Membri u jistgħu, barra minn bejgħ b’distanza intra-Komunitarju ta’ merkanzija, jipprovdu merkanzija minn dak l-istokk lill-klijenti fl-istess Stat Membru. Bħalissa dawn il-provvisti mhumiex koperti bl-iskema speċjali għal bejgħ b’distanza intra-Komunitarju ta’ merkanzija u servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli stabbiliti fil-Komunità iżda mhux fl-Istat Membru tal-konsum. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, dawk il-persuni taxxabbli li jiffaċilitaw il-provvista ta’ merkanzija lil persuni mhux taxxabbli fil-Komunità permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika, li huma meqjusa li rċivew u pprovdew il-merkanzija huma stess, jenħtieġ li jitħallew jużaw ukoll din l-iskema speċjali biex jiddikjaraw u jħallsu l-VAT fuq dawn il-provvisti domestiċi.

(4)

Biex tiġi żgurata l-konsistenza f’termini ta’ ħlas ta’ VAT u dazju tal-importazzjoni fuq l-importazzjoni tal-merkanzija, il-perijodu ta’ żmien għall-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni lid-dwana meta l-arranġamenti speċjali għad-dikjarazzjoni u għall-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni huma użati jenħtieġ li jiġi allinjat ma’ dak stabbilit fir-rigward tad-dazju doganali fl-Artikolu 111 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(5)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (6), l-Istati Membri ħadu l-impenn, li f’każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom ma’ dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti ta’ strumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġustifikata.

(6)

Għaldaqstant id-Direttiva 2006/112/KE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:

(1)

Fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu 1 tat-Titolu V, jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

Artikolu 36b

Meta persuna taxxabbli hija kkunsidrata li rċeviet u pprovdiet il-merkanzija skont l-Artikolu 14a, id-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija għandu jiġi attribwit lill-provvista magħmula minn dik il-persuna taxxabbli.”;

(2)

L-Artikolu 66a huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 66a

B’deroga mill-Artikoli 63, 64 u 65, il-fatt taxxabbli tal-provvista tal- merkanzija minn persuna taxxabbli li hija meqjusa li rċeviet u forniet il-merkanzija f’konformità mal-Artikolu 14a u l-provvista tal-merkanzija lil dik il-persuna taxxabbli għandha sseħħ u l-VAT għandha tiġi imposta fil-mument meta jkun ġie aċċettat il-ħlas.”;

(3)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

Artikolu 136a

Meta persuna taxxabbli titqies li rċeviet u pprovdiet merkanzija f’konformità mal-Artikolu 14a(2), l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-provvista ta’ dik il-merkanzija lil dik il-persuna taxxabbli.”;

(4)

Fl-Artikolu 169, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

tranżazzjonijiet li huma eżenti skont l-Artikoli 136a, 138, 142 jew 144, l-Artikoli 146 sa 149, l-Artikoli 151, 152, 153 jew 156, l-Artikolu 157(1)(b), l-Artikoli 158 sa 161 jew l-Artikolu 164;”;

(5)

fl-Artikolu 204(1), it-tielet subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Madankollu, l-Istat Membri ma jistgħux japplikaw l-għażla msemmija fit-tieni subparagrafu għal persuna taxxabbli skont it-tifsira tal-punt (1) tal-Artikolu 358a li għażlet l-iskema speċjali għal servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli mhux stabbiliti fi ħdan il-Komunità.”;

(6)

fl-Artikolu 272(1), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

persuni taxxabbli li ma jwettqu l-ebda waħda mit-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 20, 21, 22, 33, 36, 136a, 138 u 141;”;

(7)

l-intestatura tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII hija sostitwita b’dan li ġej:

Skemi speċjali għal persuni taxxabbli li jipprovdu servizzi lil persuni mhux taxxabbli jew li jagħmlu bejgħ b’distanza ta’ merkanzija jew li jipprovdu ċerti provvisti domestiċi ta’ merkanzija ”;

(8)

l-intestatura tat-Taqsima 3 tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII hija sostitwita b’dan li ġej:

Skema speċjali għal bejgħ b’distanza intra-Komunitarju ta’ merkanzija għall-provvisti ta’ merkanzija fi ħdan Stat Membru magħmula minn interfaċċi elettroniċi li jiffaċilitaw dawk il-provvisti u għas-servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli stabbiliti fil-Komunità iżda mhux fl-Istat Membru tal-konsum ”;

(9)

l-Artikolu 369a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 369a

Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, u mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet Komunitarji oħrajn, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘persuna taxxabbli li mhijiex stabbilita fl-Istat Membru ta’ konsum’ tfisser persuna taxxabbli li stabbiliet in-negozju tagħha fil-Komunità jew li għandha stabbiliment fiss hemm iżda li ma stabbilixxietx in-negozju tagħha u lanqas ma għandha stabbiliment fiss fit-territorju tal-Istat Membru ta’ konsum;

(2)

‘L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni’ tfisser l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-persuna taxxabbli stabbilixxiet in-negozju tagħha jew, jekk ma stabbilixxietx in-negozju tagħha fil-Komunità, fejn għandha stabbiliment fiss.

Fejn persuna taxxabbli ma stabbilixxietx in-negozju tagħha fil-Komunità, iżda għandha iktar minn stabbiliment fiss wieħed hemmhekk, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jkun l-Istat Membru li fih jinsab l-istabbiliment fiss fejn dik il-persuna taxxabbli tindika li ser tagħmel użu minn din l-iskema speċjali. Il-persuna taxxabbli għandha tkun marbuta b’dik id-deċiżjoni għas-sena kalendarja kkonċernata u għas-sentejn kalendarji ta’ wara.

Fejn persuna taxxabbli ma stabbilixxietx in-negozju tagħha fil-Komunità u lanqas ma għandha stabbiliment fiss hemmhekk, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jkun l-Istat Membru li fih jibda d-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija. Fejn ikun hemm aktar minn Stat Membru wieħed li fih jibda d-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija, il-persuna taxxabbli għandha tindika liema minn dawk l-Istati Membri għandu jkun l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni. Il-persuna taxxabbli għandha tkun marbuta b’dik id-deċiżjoni għas-sena kalendarja kkonċernata u għas-sentejn kalendarji ta’ wara;

(3)

‘Stat Membru ta’ konsum’ tfisser dan li ġej:

(a)

fil-każ ta’ provvista ta’ servizzi, tfisser l-Istat Membru fejn il-provvista titqies li sseħħ skont il-Kapitolu 3 tat-Titolu V;

(b)

fil-każ ta’ bejgħ b’distanza intra-Komunitarju ta’ merkanzija, tfisser l-Istat Membru fejn jintemm id-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija lill-konsumatur;

(c)

fil-każ ta’ provvista ta’ merkanzija magħmula minn persuna taxxabbli li tiffaċilita dawk il-provvisti f’konformità mal-Artikolu 14a(2) fejn id-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija pprovduta jibda u jispiċċa fl-istess Stat Membru, tfisser dak l-Istat Membru.”;

(10)

L-Artikolu 369b huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 369b

L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-persuni taxxabbli li ġejjin li jużaw din l-iskema speċjali:

(a)

persuna taxxabbli li twettaq bejgħ b’distanza intra-Komunitarju ta’ merkanzija;

(b)

persuna taxxabbli li tiffaċilita l-provvisti ta’ merkanzija f’konformità mal-Artikolu 14a(2) fejn id-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija pprovduta jibda u jispiċċa fl-istess Stat Membru;

(c)

persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru ta’ konsum li tipprovdi servizzi lil persuna mhux taxxabbli.

Din l-iskema speċjali tapplika għal dik il-merkanzija jew dawk is-servizzi kollha pprovduti fil-Komunità mill-persuna taxxabbli kkonċernata.”;

(11)

fl-Artikolu 369e, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

jekk tinnotifika li ma għadhiex twettaq provvisti ta’ merkanzija u servizzi koperti minn din l-iskema speċjali;”;

(12)

L-Artikolu 369f huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 369f

Il-persuna taxxabbli li tagħmel użu minn din l-iskema speċjali għandha, permezz ta’ mezzi elettroniċi, tippreżenta lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni dikjarazzjoni tal-VAT għal kull tliet xhur kalendarji, kemm jekk ipprovdiet merkanzija jew servizzi koperti minn din l-iskema speċjali, kif ukoll jekk le. Id-dikjarazzjoni tal-VAT għandha tiġi ppreżentata sa tmiem ix-xahar wara t-tmiem tal-perijodu tat-taxxa kopert mid-dikjarazzjoni.”;

(13)

fl-Artikolu 369g, il-paragrafi 1, 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Id-dikjarazzjoni tal-VAT għandha turi n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT imsemmi fl-Artikolu 369d u, għal kull Stat Membru ta’ konsum fejn hija dovuta l-VAT, il-valur totali mingħajr il-VAT, ir-rati ta’ VAT applikabbli, l-ammont totali għal kull rata tal-VAT korrispondenti u l-VAT totali dovuta fir-rigward tal-provvisti li ġejjin koperti minn din l-iskema speċjali mwettqa matul il-perijodu tat-taxxa:

(a)

bejgħ b’distanza intra-Komunitarju ta’ merkanzija;

(b)

provvisti ta’ merkanzija f’konformità mal-Artikolu 14a(2) fejn id-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija pprovduti jibda u jispiċċa fl-istess Stat Membru;

(c)

provvista ta’ servizzi.

Id-dikjarazzjoni tal-VAT għandha tinkludi wkoll emendi relatati mal-perijodi tat-taxxa preċedenti kif previst fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Fejn il-merkanzija tintbagħat jew tiġi ttrasportata minn Stati Membri oħrajn li mhumiex l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, id-dikjarazzjoni tal-VAT għandha tinkludi wkoll il-valur totali mingħajr il-VAT, ir-rati ta’ VAT applikabbli, l-ammont totali għal kull rata tal-VAT korrispondenti u l-VAT totali dovuta fir-rigward tal-provvisti li ġejjin koperti minn din l-iskema speċjali, għal kull Stat Membru fejn tali merkanzija tintbagħat jew tiġi ttrasportata minn:

(a)

bejgħ b’distanza intra-Komunitarju ta’ merkanzija għajr dak magħmul minn persuna taxxabbli f’konformità mal--Artikolu 14a(2);

(b)

bejgħ b’distanza intra-Komunitarju ta’ merkanzija u provvisti ta’ merkanzija fejn id-dispaċċ jew it-trasport ta’ dik il-merkanzija jibda u jispiċċa fl-istess Stat Membru, magħmul minn persuna taxxabbli skont l-Artikolu 14a(2).

Fir-rigward tal-provvisti msemmija fil-punt (a), id-dikjarazzjoni tal-VAT għandha tinkludi wkoll numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-individwu jew in-numru ta’ referenza tat-taxxa allokat minn kull Stat Membru minn fejn it-tali merkanzija tintbagħat jew tiġi ttrasportata.

Fir-rigward tal-provvisti msemmija fil-punt (b), id-dikjarazzjoni tal-VAT għandha tinkludi wkoll numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-individwu jew in-numru ta’ referenza tat-taxxa allokat minn kull Stat Membru minn fejn it-tali merkanzija tintbagħat jew tiġi ttrasportata, jekk applikabbli.

Id-dikjarazzjoni tal-VAT għandha tinkludi l-informazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu disaggregata skont l-Istat Membru ta’ konsum.

3.   Fejn il-persuna taxxabbli li tipprovdi servizzi koperti minn din l-iskema speċjali jkollha stabbiliment fiss wieħed jew aktar, minbarra dak fl-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, li minnu huma fornuti s-servizzi, id-dikjarazzjoni tal-VAT għandha tinkludi wkoll il-valur totali minbarra l-VAT, ir-rati tal-VAT applikabbli, l-ammont totali għal kull rata tal-VAT korrispondenti u l-VAT totali dovuta ta’ tali provvisti, għal kull Stat Membru li fih hija għandha stabbiliment, flimkien ma’ numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-individwu jew in-numru ta’ referenza tat-taxxa ta’ dan l-istabbiliment, disaggregati skont l-Istat Membru ta’ konsum.”;

(14)

Fl-Artikolu 369zb, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-VAT imsemmija fil-paragrafu 1 titħallas kull xahar sa l-iskadenza għall-ħlas applikabbli għall-ħlas ta’ dazju fuq l-importazzjoni.”.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw t-testi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta’ Jannar 2021.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif issir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Novembru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

H. KOSONEN


(1)  Opinjoni tal-14 ta’ Novembru 2019 [(għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)].

(2)  Opinjoni tal-15 ta’ Mejju 2019 [(għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)].

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 tal-5 ta’ Diċembru 2017 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta’ ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvisti ta’ servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti (ĠU L 348, 29.12.2017, p. 7).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(6)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


Top