This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019L1845
Commission Delegated Directive (EU) 2019/1845 of 8 August 2019 amending, for the purposes of adapting to scientific and technical progress, Annex III to Directive 2011/65/EU of the European Parliament and of the Council as regards an exemption for bis(2-ethylhexyl) phthalate (DEHP) in certain rubber components used in engine systems (Text with EEA relevance)
DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1845 tat-8 ta’ Awwissu 2019 li temenda, għall-finijiet tal-adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-ftalat tal-bis(2-etileżil) (DEHP) f’ċerti komponenti tal-gomma użati f’sistemi tal-magni (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1845 tat-8 ta’ Awwissu 2019 li temenda, għall-finijiet tal-adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-ftalat tal-bis(2-etileżil) (DEHP) f’ċerti komponenti tal-gomma użati f’sistemi tal-magni (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
C/2019/5780
ĠU L 283, 5.11.2019, p. 38–40
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
5.11.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 283/38 |
DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1845
tat-8 ta’ Awwissu 2019
li temenda, għall-finijiet tal-adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-ftalat tal-bis(2-etileżil) (DEHP) f’ċerti komponenti tal-gomma użati f’sistemi tal-magni
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva 2011/65/UE teħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih is-sustanzi perikolużi elenkati fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Dak ir-rekwiżit ma japplikax għall-applikazzjonijiet elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE. |
(2) |
Il-kategoriji differenti tat-tagħmir elettriku u elettroniku li għalihom tapplika d-Direttiva 2011/65/UE huma elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva. |
(3) |
Il-ftalat tal-bis(2-etileżil)(DEHP) hu sustanza ristretta elenkata fl-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE. Fid-29 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/65/UE għal eżenzjoni, li għandha tiġi elenkata fl-Anness III ta’ dik id-Direttiva, għall-użu tad-DEHP f’partijiet tal-gomma bħall-O-rings, is-siġilli, id-dampers tal-vibrazzjoni, il-gaskets, il-manki, il-grommets u l-cap-plugs li jintużaw f’sistemi tal-magni li jinkludu l-exhausts u t-turbochargers li huma maħsuba għall-użu f’tagħmir li mhuwiex iddisinjat biss għall-użu tal-konsumatur (“l-eżenzjoni mitluba”). |
(4) |
L-evalwazzjoni tal-eżenzjoni mitluba kienet tinkludi konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati skont l-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2011/65/UE. |
(5) |
Id-DEHP jiżdied mal-materjal tal-gomma bħala plastifikant għall-flessibbiltà. Il-komponenti tal-gomma jintużaw bħala konnessjonijiet flessibbli bejn partijiet tas-sistemi tal-magni u jiżguraw il-prevenzjoni tat-tnixxija, l-issiġillar tal-partijiet tal-magna u tal-protezzjoni mill-vibrazzjoni jew mill-ħmieġ u mill-fluwidi tul il-ħajja tal-magni. |
(6) |
Attwalment, ma hemm ebda alternattivi ħielsa mid-DEHP li huma disponibbli fis-suq li jipprovdu livell suffiċjenti ta’ affidabbiltà għall-applikazzjonijiet f’magni meta jkunu meħtieġa proprjetajiet speċjali u għall-ħajja twila bħar-reżistenza għal kwalunkwe materjal ta’ kuntatt (eż. fjuwil, żejt lubrikant, coolants, gassijiet, jew ħmieġ), it-temperatura u l-vibrazzjoni. |
(7) |
Minħabba n-nuqqas ta’ sostituti affidabbli, is-sostituzzjoni jew l-eliminazzjoni tad-DEHP għadha xjentifikament u teknikament imprattikabbli għal ċerti partijiet tal-gomma użati f’sistemi tal-magni. L-eżenzjoni hija konsistenti mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u għalhekk ma ddgħajjifx il-protezzjoni ambjentali u tas-saħħa mogħtija minnu. |
(8) |
Għalhekk, jixraq li tingħata l-eżenzjoni mitluba billi jiddaħħlu l-applikazzjonijiet koperti minnha fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE fir-rigward tat-tagħmir elettriku u elettroniku tal-kategorija 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2011/65/UE. |
(9) |
L-eżenzjoni jenħtieġ li tingħata għall-perjodu ta’ validità massima ta’ ħames snin li jibda mit-22 ta’ Lulju 2019, f’konformità mal-Artikolu 4(3) u mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/65/UE. Fid-dawl tar-riżultati tal-isforzi għaddejjin biex tinsab sostituzzjoni affidabbli, aktarx li t-tul tal-eżenzjoni mhux se jħalli impatti negattivi fuq l-innovazzjoni. |
(10) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/65/UE tiġi emendata skont dan, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE hu emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mi[nn] 30 ta ’April 2020 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amminstrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mi[nn] 1 ta 'Mejju 2020.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir dik ir-referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Awwissu 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean Claude JUNCKER
(1) ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).
ANNESS
Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, jiżdied il-punt 43 li ġej:
“43 |
Ftalat tal-bis(2-etileżil) f’komponenti tal-gomma f’sistemi tal-magni, iddisinjati għall-użu f’tagħmir li mhuwiex maħsub biss għall-użu tal-konsumatur u dment li l-ebda materjal plastifikat ma jiġi f’kuntatt mal-membrani mukużi tal-bniedem jew f’kuntatt prolongat mal-ġilda tal-bniedem u li l-valur ta’ konċentrazzjoni ta’ bis(2-etileżil) ftalat ma jaqbiżx:
Għall-finijiet ta’ din iż-żieda, “kuntatt prolongat mal-ġilda tal-bniedem” tfisser kuntatt kontinwu ta’ aktar minn 10 minuta jew kuntatt intermittenti fuq perjodu ta’ 30 minuta, kuljum. |
Tapplika għall-kategorija 11 u tiskadi fil-21 ta’ Lulju 2024.” |