EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019L0170

Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2019/170 tas-16 ta' Novembru 2018 li temenda, għall-finijiet ta' adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għaċ-ċomb fil-materjali taċ-ċeramika dielettrika bbażati fuq PZT tal-kapaċitaturi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2018/7509

ĠU L 33, 5.2.2019, p. 8–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2019/170/oj

5.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 33/8


DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/170

tas-16 ta' Novembru 2018

li temenda, għall-finijiet ta' adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għaċ-ċomb fil-materjali taċ-ċeramika dielettrika bbażati fuq PZT tal-kapaċitaturi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2011/65/UE teżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih ċerti sustanzi perikolużi elenkati fl-Anness II ta' dik id-Direttiva. Dak ir-rekwiżit ma japplikax għall-applikazzjonijiet elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE.

(2)

Il-kategoriji differenti tat-tagħmir elettriku u elettroniku li għalihom tapplika d-Direttiva 2011/65/UE (kategoriji 1 sa 11) huma elenkati fl-Anness I ta' dik id-Direttiva.

(3)

Iċ-ċomb hu sustanza ristretta elenkata fl-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE. Iżda l-użu taċ-ċomb fil-materjali taċ-ċeramika dielettrika bbażati fuq PZT tal-kapaċitaturi li jiffurmaw parti minn ċirkwiti integrati jew semikondutturi diskreti kien eżentat mir-restrizzjoni u bħalissa hu elenkat fl-entrata 7(c)-IV tal-Anness III ta' dik id-Direttiva. L-iskadenza ta' dik l-eżenzjoni kienet il-21 ta' Lulju 2016.

(4)

Il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għal tiġdid ta' dik l-eżenzjoni qabel il-21 ta' Jannar 2015, skont l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE. L-eżenzjoni tibqa' valida sakemm tkun ġiet adottata deċiżjoni dwar dik l-applikazzjoni.

(5)

Il-kapaċitaturi taċ-ċeramika li jiffurmaw parti minn ċirkwiti integrati jew semikondutturi diskreti jużaw materjali taċ-ċeramika dielettrika bbażati fuq ċeramiki PZT (ċomb-żirkonju-titanat). Iċ-ċeramiki PZT biċ-ċomb joffru effett pjeżoelettriku qawwi, kostant dielettriku għoli, komportament piroelettriku u proprjetajiet ferroelettriċi.

(6)

Sostituzzjoni jew tneħħija għalkollox taċ-ċomb f'dawn il-kapaċitaturi għadhom mhumiex prattiċi mil-lat xjentifiku jew tekniku minħabba n-nuqqas ta' sostituti affidabbli. L-eżenzjoni ma ddgħajjifx il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa li jagħti r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Għaldaqstant jenħtieġ li tiġġedded l-eżenzjoni għall-użu taċ-ċomb fil-materjali taċ-ċeramika dielettrika bbażati fuq PZT tal-kapaċitaturi li jiffurmaw parti minn ċirkwiti integrati jew semikondutturi diskreti.

(7)

Peress li, għall-applikazzjonijiet ikkonċernati, bħalissa ma hemm l-ebda alternattiva disponibbli fis-suq jew aktarx mhux se jkun hemm alternattivi disponibbli fis-suq fil-futur qrib, l-eżenzjoni għal dawk l-applikazzjonijiet jenħtieġ tiġġedded għall-kategoriji 1 sa 7 u 10 għall-perjodu massimu ta' ħames snin sal-21 ta' Lulju 2021. Fid-dawl tar-riżultati tal-isforzi li għaddejjin biex tinsab sostituzzjoni affidabbli, aktarx li t-tul tal-eżenzjoni mhux se jħalli impatti negattivi fuq l-innovazzjoni.

(8)

Għall-kategoriji l-oħra għajr il-kategoriji 1 sa 7 u l-kategorija 10, l-eżenzjoni attwali tibqa' valida għall-perjodi ta' validità stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/65/UE. Għal raġunijiet ta' ċarezza, jenħtieġ li d-dati tal-iskadenza jiżdiedu fl-Anness III ta' dik id-Direttiva.

(9)

Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2011/65/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE hu emendat kif stabbilit fl-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mid-29 ta' Frar 2020 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta' dawk id-dispożizzjonijiet.

Dawn għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Marzu 2020.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Novembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).


ANNESS

Fl-Anness III mad-Direttiva 2011/65/UE, l-entrata 7(c)-IV hija sotitwita b'dan li ġej:

“7(c)-IV

Iċ-ċomb fil-materjali taċ-ċeramika dielettrika bbażat fuq PZT għall-kapaċitaturi li jiffurmaw parti minn ċirkwiti integrati jew semikondutturi diskreti

Jiskadi fi:

il-21 ta' Lulju 2021 għall-kategoriji 1 sa 7 u 10;

il-21 ta' Lulju 2021 għall-kategoriji 8 u 9 għajr għall-apparat mediku dijanjostiku in vitro u l-istrumenti ta' monitoraġġ u ta' kontroll industrijali;

il-21 ta' Lulju 2023 għall-kategorija 8, l-apparat mediku dijanjostiku in vitro;

il-21 ta' Lulju 2024 għall-kategorija 9, l-istrumenti ta' monitoraġġ u ta' kontroll industrijali, u għall-kategorija 11.”


Top