Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019H1888

    Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1888 tas-7 ta’ Novembru 2019 dwar il-monitoraġġ tal-preżenza tal-akrilammid f’ċerti oġġetti tal-ikel

    C/2019/7876

    ĠU L 290, 11.11.2019, p. 31–33 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 290, 11.11.2019, p. 32–34 (BG)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2019/1888/oj

    11.11.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 290/31


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1888

    tas-7 ta’ Novembru 2019

    dwar il-monitoraġġ tal-preżenza tal-akrilammid f’ċerti oġġetti tal-ikel

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2158 (1) jintroduċi obbligi speċifiċi għall-operaturi biex jipproduċu u jqiegħdu fis-suq ċerti oġġetti tal-ikel sabiex jistabbilixxu programm għall-kampjunar u għall-analiżi tagħhom stess tal-livelli ta’ akrilammid fl-oġġetti tal-ikel u biex japplikaw miżuri speċifiċi ta’ mitigazzjoni bl-għan li jiksbu l-iktar livell baxx ta’ akrilammid li jista’ raġonevolment jintlaħaq taħt il-livelli tal-parametri referenzjarji stabbiliti b’dak ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament Nru (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi l-obbligu għall-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu kontrolli uffiċjali sabiex jivverifikaw il-konformità mar-regoli bl-għan li, b’mod partikolari, (a) jipprevjenu, jeliminaw jew inaqqsu r-riskji għall-bnedmin u għall-annimali għal livelli aċċettabbli, kemm direttament jew mill-ambjent, u (b) jiggarantixxu prattiki ġusti fil-kummerċ tal-għalf u tal-ikel kif ukoll jipproteġu l-interessi tal-konsumatur, inkluż it-tikkettar tal-għalf u tal-ikel u forom oħra ta’ informazzjoni lill-konsumatur. Il-kontrolli uffiċjali jenħtieġ li jitwettqu wkoll sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-obbligi stabbiliti f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/2158.

    (3)

    Huwa rikonoxxut li d-data disponibbli dwar il-preżenza tal-akrilammid f’ċerti oġġetti tal-ikel imsemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/2158 hija insuffiċjenti, minkejja l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament u r-riżultati tal-kontrolli uffiċjali li twettqu. Id-data disponibbli dwar il-preżenza tal-akrilammid fl-oġġetti tal-ikel li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2158, iżda li jista’ jkun fihom livelli sinifikanti ta’ akrilammid u/jew li jistgħu jkunu kontributuri rilevanti għall-esponiment djetetiku għall-akrilammid, hija insuffiċjenti.

    (4)

    Għalhekk, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, jixraq li l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi tan-negozju tal-ikel, fl-ambitu tal-kompetenza tagħhom, mingħajr preġudizzju għall-obbligi stabbiliti bir-Regolament (UE) 2017/2158 u abbażi tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, jimmonitorjaw il-preżenza tal-akrilammid f’tali oġġetti tal-ikel fid-dawl tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji possibbli, li jenħtieġ li jikkomplementaw dawk li diġà huma previsti bir-Regolament (UE) 2017/2158.

    (5)

    Bil-ħsieb li l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi tan-negozju tal-ikel jiġu ggwidati rigward l-oġġetti l-ikel li jridu jiġu mmonitorjati, ġiet stabbilita lista mhux eżawrjenti ta’ kategoriji tal-ikel/oġġetti tal-ikel.

    (6)

    Bl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2158 u ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni 2010/307/UE (3) u 2013/647/UE (4) saru obsoleti u għalhekk jenħtieġ li jitħassru.

    ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

    (1)

    Mingħajr preġudizzju għall-obbligi stabbiliti abbażi tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jenħtieġ li jimmonitorjaw regolarment il-preżenza tal-akrilammid u l-livelli tiegħu fl-oġġetti tal-ikel, b’mod partikolari fl-oġġetti tal-ikel elenkati fl-Anness.

    Mingħajr preġudizzju għall-obbligi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2158, l-operaturi tan-negozju tal-ikel jenħtieġ li jimmonitorjaw regolarment il-preżenza tal-akrilammid u l-livelli tiegħu fl-oġġetti tal-ikel, b’mod partikolari fl-oġġetti tal-ikel elenkati fl-Anness.

    (2)

    L-Istati Membri u l-operaturi tan-negozju tal-ikel jenħtieġ li jittrażmettu lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) sal-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena, id-data miġbura matul is-sena ta’ qabel permezz tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ tagħhom għall-kompilazzjoni f’bażi tad-data waħda, f’konformità mar-rekwiżiti tal-Gwida tal-EFSA dwar id-Deskrizzjoni Standard tal-Kampjuni (SSD) għall-Ikel u għall-Għalf, u mar-rekwiżiti addizzjonali speċifiċi tar-rappurtar tal-EFSA (5).

    (3)

    Sabiex jiġi żgurat li l-kampjuni jkunu rappreżentattivi, l-Istati Membri jenħtieġ li jsegwu l-proċeduri tal-kampjunar stabbiliti fil-Parti B tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 (6).

    Il-proċedura tal-kampjunar applikata mill-operatur tan-negozju tal-ikel tista’ tiddevja mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 333/2007 iżda jenħtieġ li tibqa’ rappreżentattiva tal-lott.

    (4)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jwettqu l-analiżi tal-akrilammid f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 333/2007.

    L-operaturi tan-negozju tal-ikel jenħtieġ li jiżguraw li l-analiżi tal-akrilammid titwettaq f’konformità mar-rekwiżiti u mal-kriterji previsti fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2017/2158.

    (5)

    Ir-Rakkomandazzjonijiet 2010/307/UE u 2013/647/UE b’dan jitħassru.

    Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Novembru 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2158 tal-20 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi miżuri ta’ mitigazzjoni u livelli ta’ parametri referenzjarji għat-tnaqqis tal-preżenza tal-akrilammid fl-ikel (ĠU L 304, 21.11.2017, p. 24)

    (2)  Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).

    (3)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/307/UE tat-2 ta’ Ġunju 2010 dwar il-monitoraġġ tal-livelli tal-akrilammid fl-ikel (ĠU L 137, 3.6.2010, p. 4).

    (4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/647/UE tat-8 ta’ Novembru 2013 dwar investigazzjonijiet tal-livelli tal-akrilammid fl-ikel (ĠU L 301, 12.11.2013, p. 15).

    (5)  http://www.efsa.europa.eu/en/consultations/call/180307

    (6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 tat-28 ta’ Marzu 2007 li jistabbilixxi l-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali ta’ livelli ta’ ċomb, kadmju, merkurju, landa inorganika, 3-MCPD u benzo(a)pyrene fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 88, 29.3.2007, p. 29).


    ANNESS

    LISTA MHUX EŻAWRJENTI TA’ OĠĠETTI TAL-IKEL GĦALL-MONITORAĠĠ TAL-PREŻENZA TAL-AKRILAMMID

    Prodotti tal-patata

    Rösti

    Croquettes, pommes duchesse, pommes noisettes, …

    Casserole tal-patata (u casserole tal-ħaxix)

    Frakass tal-patata u tal-laħam

    Frakass tal-patata u tal-ġobon

    Prodotti tal-furnara

    Bziezen/panini (panini tal-hamburgers, bziezen tal-qamħ integrali, bziezen tal-ħalib, ...)

    Pita bread, tortillas Messikani

    Croissants

    Doughnuts

    Speċjalitajiet tal-ħobż (pereżempju ħobż bil-pumpernikel, ciabatta biż-żebbuġ, ħobż bil-basal, ...)

    Pancakes

    Cookies iqarmċu magħmula minn strixxa rqiqa ta’ għaġina u moqlija kompletament fiż-żejt

    Churros

    Prodotti taċ-ċereali

    Crackers tar-ross

    Crackers tal-qamħirrum

    Bukkuni taċ-ċereali (pereżempju l-qamħirrum estruż u/jew il-prodotti tal-qamħ)

    Muesli inkaljat bl-għasel

    Oħrajn

    Crisps/fries tal-ħaxix

    Ġewż inkaljat

    Żrieragħ żejtnin inkaljati

    Frott imnixxef

    Żrieragħ tal-kawkaw inkaljati u prodotti derivati mill-kawkaw

    Żebbuġ fis-salmura

    Sostituti tal-kafè mhux ibbażati fuq iċ-ċikwejra jew iċ-ċereali

    Fudge, karamella, qubbajt, ...


    Top