EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019H1659

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1659 tal-25 ta’ Settembru 2019 dwar il-kontenut tal-valutazzjoni komprensiva tal-potenzjal għal tisħin u tkessiħ effiċjenti skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2012/27/UE

C/2019/6625

ĠU L 275, 28.10.2019, p. 94–120 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2019/1659/oj

28.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 275/94


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1659

tal-25 ta’ Settembru 2019

dwar il-kontenut tal-valutazzjoni komprensiva tal-potenzjal għal tisħin u tkessiħ effiċjenti skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2012/27/UE

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Unjoni hija impenjata biex tiżviluppa sistema tal-enerġija sostenibbli, kompetittiva, sigura u dekarbonizzata. L-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija tistabbilixxi objettivi ambizzjużi tal-Unjoni. B’mod partikolari għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’mill-inqas 40 % sal-2030 meta mqabbel mal-1990, li żżid il-proporzjon tal-konsum tal-enerġija rinnovabbli għal mill-inqas 32 %, u li twassal għal frankar ambizzjuż tal-enerġija, biex b’hekk ittejjeb is-sigurtà, il-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-enerġija tal-Unjoni. Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, — EED), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), tistabbilixxi objettiv tal-effiċjenza fl-enerġija ta’ mill-inqas 32,5 % f’iffrankar fil-livell tal-Unjoni sal-2030.

(2)

Is-settur tat-tisħin u tat-tkessiħ huwa l-iktar settur sinifikanti tal-użu finali tal-enerġija, u jirrappreżenta madwar 50 % tad-domanda totali għall-enerġija fl-UE. Il-bini jirrappreżenta 80 % ta’ dan il-konsum. Sabiex tiġi żgurata “tranżizzjoni tal-enerġija” f’kull livell amministrattiv fl-UE, huwa essenzjali li jiġi identifikat il-potenzjal tal-effiċjenza enerġetika biex jinkiseb iffrankar fl-Istati Membri kollha, u biex il-politika tiġi allinjata.

(3)

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2012/27/UE (id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija) jeħtieġ li kull Stat Membru jwettaq valutazzjoni komprensiva tal-potenzjal għal tisħin u tkessiħ effiċjenti u jinnotifika lill-Kummissjoni dwarha bil-ħsieb li jippromwoviha. Il-valutazzjoni komprensiva għandha tinkludi l-elementi kollha msemmija fl-Anness VIII tal-EED.

(4)

L-Istati Membri kellhom iwettqu l-ewwel valutazzjoni komprensiva sal-31 ta’ Diċembru 2015, u jinnotifikawha lill-Kummissjoni. Dik il-valutazzjoni trid tiġi aġġornata u notifikata lill-Kummissjoni kull ħames snin wara talba mill-Kummissjoni.

(5)

Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni analizza l-ewwel sett ta’ valutazzjonijiet komprensivi u sab li jistgħu jibbenefikaw mill-ġbir ta’ data ġdida, minn deskrizzjonijiet ta’ potenzjal ġdid għat-tisħin u t-tkessiħ, u minn interazzjoni aħjar bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali u lokali.

(6)

Permezz tal-ittra tat-8 ta’ April 2019, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri jissottomettu valutazzjonijiet komprensivi aġġornati skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija sal-31 ta’ Diċembru 2020.

(7)

Il-Kummissjoni identifikat il-ħtieġa li jiġu stabbiliti rekwiżiti aktar ċari għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data u li l-Istati Membri jitħallew jiffukaw l-analiżi tagħhom fuq modi rilevanti lokalment biex it-tisħin u t-tkessiħ isiru b’mod teknoloġikament newtrali.

(8)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/826 (3) jissimplifika r-rekwiżiti għall-valutazzjonijiet u jallinjahom mal-leġislazzjoni aġġornata dwar l-unjoni tal-enerġija, b’mod partikolari d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (4), id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (5), id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) (id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli) u r-Regolament (UE) 2018/1999 tal Parlament Ewropew u tal Kunsill (7) (Regolament ta’ Governanza).

(9)

B’mod partikolari, it-tħejjija tal-analiżi għandha tkun marbuta mill-qrib mal-ippjanar u r-rappurtar stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1999 u tibni fuq valutazzjonijiet preċedenti kull meta jkun possibbli. Jista’ jintuża mudell ta’ rappurtar ipprovdut mill-Kummissjoni Ewropea għall-preżentazzjoni tar-riżultati tal-valutazzjonijiet komprensivi.

(10)

Dan id-dokument se jissostitwixxi l-gwida tal-Kummissjoni dwar il-promozzjoni tal-effiċjenza fit-tisħin u t-tkessiħ (8).

(11)

Din ir-Rakkomandazzjoni ma tbiddilx l-effetti legali tal-EED u hija mingħajr preġudizzju għall-interpretazzjoni vinkolanti tal-EED kif ipprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja. Tiffoka fuq id-dispożizzjonijiet relatati mal-valutazzjoni komprensiva tal-potenzjal għal tisħin u tkessiħ effiċjenti u tikkonċerna l-Artikolu 14 u l-Anness VIII tal-EED.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Waqt it-twettiq tal-valutazzjonijiet komprensivi skont l-Artikolu 14 u l-Anness VIII tad-Direttiva 2012/27/UE, l-Istati Membri għandhom isegwu l-linji gwida fl-annessi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Settembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Miguel ARIAS CAÑETE

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).

(2)  Id-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 210).

(3)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/826 tal-4 ta’ Marzu 2019 li jemenda l-Annessi VIII u IX tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontenut tal-valutazzjonijiet komprensivi tal-potenzjal għal tisħin u għal tkessiħ effiċjenti (ĠU L 137, 23.5.2019, p. 3)..

(4)  Kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 75).

(5)  Kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/2002.

(6)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

(8)  Nota ta’ gwida dwar id-Direttiva 2012/27/UE;

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/ALL/?uri=CELEX:52013SC0449


ANNESS I

IL-KONTENUT TAL-VALUTAZZJONIJIET KOMPRENSIVI TAL-POTENZJAL GĦAL TISĦIN U GĦAL TKESSIĦ EFFIĊJENTI

1.   RAKKOMANDAZZJONIJIET ĠENERALI GĦALL-ANNESS VIII TAL-EED

L-Artikolu 14(1) u (3) tad-Direttiva 2012/27/UE (id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija – EED) jirrikjedu li kull Stat Membru jwettaq u jippreżenta lill-Kummissjoni valutazzjoni komprensiva dwar il-potenzjal għal effiċjenza fl-enerġija fit-tisħin u fit-tkessiħ. Il-valutazzjoni għandha tinkludi l-elementi kollha msemmija fl-Anness VIII tal-EED.

L-Istati Membri kellhom jippreżentaw l-ewwel valutazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2015. Dik il-valutazzjoni għandha tiġi aġġornata kull ħames snin wara li ssir talba mill-Kummissjoni. It-tħejjija tal-analiżi għandha tkun marbuta mill-qrib mal-arranġamenti tal-ippjanar u r-rapportar fir-Regolament (UE) 2018/1999 (ir-Regolament dwar il-Governanza) u tibni fuq valutazzjonijiet preċedenti fejn ikun possibbli. L-Istati Membri jistgħu jużaw mudell ta’ rapportar ipprovdut mill-Kummissjoni.

Sabiex tissimplifika l-valutazzjonijiet, il-Kummissjoni użat il-possibbiltajiet fl-Artikoli 22 u 23 tal-EED biex tipproponi Regolament Delegat (UE) 2019/826 li jemenda l-Anness VIII u l-Parti 1 tal-Anness IX tal-EED.

L-għan ta’ dan id-dokument huwa li jispjega r-rekwiżiti ġodda u li jiffaċilita l-applikazzjoni effettiva u koerenti tad-dispożizzjonijiet tal-Anness VIII tal-EED dwar l-informazzjoni li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni fil-valutazzjonijiet komprensivi. Dan id-dokument jissostitwixxi l-gwida eżistenti dwar il-promozzjoni tal-effiċjenza fit-tisħin u t-tkessiħ ippubblikata mill-Kummissjoni (1).

Sabiex tingħata ħarsa ġenerali nazzjonali lejn it-tisħin u t-tkessiħ, il-passi li jwasslu għal valutazzjoni komprensiva sħiħa għandhom jinkludu:

valutazzjoni tal-ammont tal-enerġija utli (UE) (2) u kwantifikazzjoni tal-konsum finali tal-enerġija (FEC) (3) skont is-settur (GWh għal kull sena);

it-tisħin u t-tkessiħ attwali stmati u identifikati fornuti lis-setturi tal-konsum finali (GWh fis-sena), bi tqassim skont it-teknoloġiji u fir-rigward ta’ jekk l-enerġija oriġinatx minn sorsi fossili u rinnovabbli;

l-identifikazzjoni ta’ provvista potenzjali minn installazzjonijiet li jiġġeneraw sħana jew kesħa residwa (GWh fis-sena);

ishma rrapportati ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli u minn sħana jew kesħa residwa fl-FEC tat-tisħin u tat-tkessiħ distrettwali matul l-aħħar 5 snin;

xejriet ta’ tbassir fid-domanda għat-tisħin u t-tkessiħ għat-30 sena li jmiss (GWh); u

mappa tat-territorju nazzjonali li turi ż-żoni li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija, il-punti tal-provvista tas-sħana u tal-kesħa identifikati fil-punt 2(b) u l-installazzjonijiet tat-trażmissjoni tat-tisħin distrettwali, kemm dawk eżistenti kif ukoll dawk ippjanati.

Sabiex tingħata ħarsa ġenerali tal-politika dwar it-tisħin u t-tkessiħ, il-valutazzjoni għandha tinkludi:

deskrizzjoni tar-rwol ta’ tisħin u tkessiħ effiċjenti fit-tnaqqis fit-tul tal-emissjonijiet ta’ gass serra (GHG); u

ħarsa ġenerali lejn il-politiki u l-miżuri eżistenti dwar it-tisħin u t-tkessiħ, kif irrapportat skont ir-Regolament dwar il-Governanza.

Sabiex jiġi analizzat il-potenzjal ekonomiku għal effiċjenza fit-tisħin u t-tkessiħ, il-passi li jwasslu għal valutazzjoni sħiħa għandhom jinkludu:

l-identifikazzjoni ta’ teknoloġiji xierqa biex jiġu fornuti sħana u kesħa b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u effiċjenti fl-enerġija fit-territorju nazzjonali permezz ta’ analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji (CBA);

xenarji bażi u alternattivi għal żona ġeografika ddefinita sew;

analiżijiet finanzjarji u ekonomiċi (dawn tal-aħħar iqisu l-kostijiet esterni);

analiżi tas-sensittività; u

preżentazzjoni tal-metodu li ntuża u s-suppożizzjonijiet li saru.

Fl-aħħar, għandhom jiġu ppreżentati proposti għal miżuri ta’ politika addizzjonali u futuri biex titlesta l-valutazzjoni komprensiva.

2.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SPEĊIFIĊI

2.1.   ĦARSA ĠENERALI LEJN IT-TISĦIN U T-TKESSIĦ

2.1.1.    Il-valutazzjoni tad-domanda annwali għat-tisħin u t-tkessiħ f’termini ta’ enerġija utli u konsum finali tal-enerġija kkwantifikat skont is-settur

Fil-punt 1 tal-Anness VIII tal-EED, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw l-aktar data FEC ikkwantifikata reċenti għat-tisħin u t-tkessiħ fis-setturi residenzjali, tas-servizzi u industrijali u kwalunkwe settur ieħor li jammonta individwalment għal aktar minn 5 % tad-domanda nazzjonali totali għal tisħin u tkessiħ utli. Fl-istess ħin, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw u jirrapportaw ukoll l-UE meħtieġa għat-tisħin u t-tkessiħ f’dawn is-setturi. L-FEC u l-UE għal kull settur għandhom ikunu espressi f’GWh.

Il-konsum finali tal-enerġija għat-tisħin u t-tkessiħ għandu jkun ibbażat fuq informazzjoni reali, imkejla u vverifikata, u tqassim settorjali kif ipprovdut bħala standard fl-istatisika Ewropea dwar l-enerġija u l-bilanċi nazzjonali tal-enerġija (4).

Sabiex jiġi osservat il-punt 3 fl-Anness VIII tal-EED, huwa utli li jiġi ppreżentat tqassim ġeografiku tad-data dwar il-provvista u l-konsum, sabiex id-domanda futura għall-enerġija tkun relatata mas-sorsi tal-provvista. Dan jirrikjedi li jkun magħruf il-post tal-utenti ewlenin tat-tisħin u t-tkessiħ. Flimkien mal-informazzjoni dwar fornituri potenzjali għall-punt 2 tal-Anness VIII tal-EED, dan jippermetti li tinħoloq mappa tal-postijiet għall-punt 3 tiegħu u li jittejjeb il-fehim dwar il-kundizzjonijiet li jvarjaw fi ħdan pajjiż. Approċċ wieħed għat-tqassim ġeografiku jista’ jkun li tintuża sistema stabbilita sew ta’ diviżjoni territorjali, bħal żoni bil-kodiċi postali, unitajiet amministrattivi lokali (LAUs), muniċipalitajiet, parks industrijali u l-madwar tagħhom, eċċ.

Tqassim settorjali tad-domanda għat-tisħin u t-tkessiħ f’subelementi rilevanti jista’ jiġi prodott fejn ikun possibbli u utli, eż. biex jiġi ddeterminat l-ammont jew il-grad tat-temperatura tal-enerġija li tipikament ikun meħtieġ (5) (eż. fi sħana ta’ grad għoli, sħana ta’ grad medju, sħana ta’ grad medju/baxx, sħana ta’ grad baxx, tkessiħ u refriġerazzjoni). Dan jagħmel l-analiżi aktar preċiża u utli, eż. biex tiġi stabbilita l-vijabbiltà teknika u ekonomika bħala parti mis-CBA ta’ soluzzjonijiet speċifiċi tal-provvista tat-tisħin u t-tkessiħ biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet speċifiċi f’subsetturi differenti.

Tqassim xieraq tad-domanda jirrikjedi ġbir u pproċessar sodi tad-data. Dan ta’ spiss jinvolvi li jiġu kkombinati settijiet ta’ data differenti, li tiġi pproċessata data minn fuq għal isfel u minn isfel għal fuq, u li jintużaw ipoteżijiet u suppożizzjonijiet. Jekk l-ebda data diretta dwar il-konsum tal-enerġija ma tkun disponibbli, għandha tintuża data derivata b’mod indirett. Elementi possibbli jistgħu jinkludu l-popolazzjoni f’unità territorjali, il-konsum tal-enerġija per capita u żona msaħħna ta’ binjiet per capita. Subsetturi differenti probabbilment se jirrikjedu approċċi differenti.

Is-settur residenzjali u l-parti l-kbira tas-settur tas-servizzi huma magħmula minn għadd kbir ta’ konsumaturi żgħar u ta’ daqs medju, mifruxa madwar it-territorju ta’ muniċipalità jew unità territorjali oħra. Id-domanda għall-enerġija tagħhom hija primarjament għat-tisħin/it-tkessiħ tal-ispazju u b’hekk iddeterminata miż-żona tal-bini li tirrikjedi tisħin u/jew tkessiħ. Jista’ jkun utli li jiġu applikati kriterji li jispjegaw id-domanda f’termini ġeografiċi (6), eż. biex tali konsumaturi jiġu raggruppati fi gruppi b’densità ta’ domanda għolja u baxxa għat-tisħin. Filwaqt li s-segmenti tal-bini huma differenzjati, eż. biex jiġu ssodisfati l-istandards ta’ “bini bi kważi enerġija żero”, l-istess segmentazzjoni tista’ tintuża wkoll.

Is-settur industrijali normalment huwa magħmul minn għadd żgħir ta’ konsumaturi kbar tas-sħana, li d-domanda tagħhom hija regolata minn proċessi industrijali. F’dan il-każ, il-konsumaturi jistgħu jiġu raggruppati permezz tad-domanda għall-enerġija (Mwh/a) u l-livelli limitu tat-temperatura.

2.1.2.    L-identifikazzjoni/l-istima tal-provvista attwali għat-tisħin u t-tkessiħ skont it-teknoloġija

L-għan ta’ dan il-pass huwa li jiġu identifikati s-soluzzjonijiet teknoloġiċi li jintużaw biex jiġu fornuti t-tisħin u t-tkessiħ (il-punt 1 fl-Anness VIII tal-EED). L-analiżi u l-valuri rrapportati għandhom isegwu l-istess struttura bħad-deskrizzjoni tad-domanda għat-tisħin u t-tkessiħ. Skont il-punt 2(a) fl-Anness VIII tal-EED, l-aktar data reċenti disponibbli għandha tiġi rrapportata f’GWh fis-sena. Għandhom isiru distinzjonijiet bejn sorsi fil-post u barra mill-post u bejn is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u fossili.

Il-punt 2(a) jelenka t-teknoloġiji li għalihom għandha tiġi pprovduta data dwar il-provvista:

“—

fil-każ ta' provvista fornuta fil-post:

bojlers tas-sħana biss;

ġenerazzjoni tas-sħana u tal-enerġija b'effiċjenza għolja;

pompi tas-sħana;

teknoloġiji u sorsi oħra fil-post; u

fil-każ ta' provvista mhux fil-post:

ġenerazzjoni tas-sħana u tal-enerġija b'effiċjenza għolja;

sħana residwa;

teknoloġiji u sorsi oħra mhux fil-post;”

Għal kull teknoloġija, għandha ssir distinzjoni bejn is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u dawk fossili. Id-data li ma tistax tinġabar b’mod dirett għandha tiġi derivata b’mod indirett. Il-lista t’hawn fuq mhijiex eżawrjenti u tirrappreżenta l-minimu li għandu jiġi inkluż. Sorsi tal-enerġija addizzjonali għandhom jiġu inklużi jekk ikun meħtieġ biex jiġu żgurati l-kompletezza u l-preċiżjoni.

Il-livell tad-dettall tad-data dwar is-sorsi tal-provvista tat-tisħin u t-tkessiħ għandu jirrifletti r-rekwiżiti tal-metodu li jintgħażel għall-valutazzjoni komprensiva. Dan jista’ jinkludi data dwar il-post, it-teknoloġija, il-fjuwil li jintuża, il-kwantità u l-kwalità (7) tal-enerġija fornuta (MWh/a), id-disponibbiltà tas-sħana (kuljum jew fis-sena), l-età u t-tul ta’ ħajja mistenni tal-installazzjoni, eċċ.

2.2.   L-IDENTIFIKAZZJONI TAL-INSTALLAZZJONIJIET LI JIĠĠENERAW SĦANA JEW KESĦA RESIDWA U L-PROVVISTA POTENZJALI TAT-TISĦIN JEW TAT-TKESSIĦ TAGĦHOM

L-għan ta’ dan il-pass huwa li jiġu identifikati, deskritti u kkwantifikati sorsi ta’ sħana jew kesħa residwa li għadhom ma ntużawx sal-potenzjal tekniku kollu tagħhom. Dan jista’ jservi bħala indikatur biex tiġi koperta d-domanda eżistenti jew futura għat-tisħin u għat-tkessiħ. Il-punt 2(b) fl-Anness VIII tal-EED jelenka l-installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni tas-sħana li għandhom jiġu analizzati:

“—

l-installazzjonijiet ta' ġenerazzjoni tal-enerġija termali li jistgħu jipprovdu jew li jistgħu jiġu mmodifikati retroattivament biex jipprovdu s-sħana residwa b'input termali totali li jaqbeż l-50 MW;

l-installazzjonijiet tal-koġenerazzjoni tas-sħana u tal-enerġija li jużaw it-teknoloġiji msemmija fil-Parti II tal-Anness I b’input termali totali li jaqbeż l-20 MW;

l-impjanti ta' inċinerazzjoni tal-iskart;

l-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli b’input termali totali li jaqbeż l-20 MW, ħlief l-installazzjonijiet speċifikati fil-punt 2(b)(i) u (ii) li jiġġeneraw it-tisħin jew it-tkessiħ bl-użu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli;

l-installazzjonijiet industrijali b'input termali totali li jaqbeż l-20 MW u li jistgħu jipprovdu sħana residwa.”

L-Istati Membri jistgħu jmorru lil hinn mis-sorsi tas-sħana u tal-kesħa residwi elenkati, b’mod partikolari mis-settur terzjarju u jirrapportawhom b’mod separat. Għall-finijiet ta’ awtorizzazzjoni u rekords ta’ permessi tal-Artikolu 14(7) tal-EED, l-Istati Membri jistgħu jivvalutaw il-potenzjal tal-ġenerazzjoni ta’ sħana residwa tal-installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija termali b’input termali totali ta’ bejn l-20 u l-50 MW.

Jista’ jkun utli wkoll li tiġi deskritta l-kwalità tal-enerġija prodotta, eż. it-temperatura (il-fwar jew l-ilma sħun) disponibbli għal kull applikazzjoni li għaliha normalment tista’ tintuża (8). Jekk il-kwantità jew il-kwalità tas-sħana jew tal-kesħa residwa ma jkunux magħrufa, dawn jistgħu jiġu stmati permezz ta’ metodoloġija xierqa bbażata fuq suppożizzjonijiet dokumentati sew. Pereżempju, is-sħana residwa mill-installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku tista’ tiġi rkuprata billi jintużaw diversi metodi u teknoloġiji (9).

L-Istati Membri għandhom juru fuq mappa l-post tas-sorsi potenzjali tas-sħana u l-kesħa residwi li jistgħu jissodisfaw id-domanda fil-futur.

2.3.   MAPEP DWAR IL-PROVVISTA U D-DOMANDA GĦAS-SĦANA U L-KESĦA

L-Anness VIII tal-EED jirrikjedi li l-valutazzjoni komprensiva tal-potenzjal nazzjonali għal tisħin u tkessiħ effiċjenti tinkludi mappa tat-territorju nazzjonali sħiħ li turi s-sorsi u l-infrastruttura tad-domanda għat-tisħin u t-tkessiħ, inkluż (il-punt 3 fl-Anness VIII):

“—

iż-żoni tad-domanda għat-tisħin u għat-tkessiħ wara l-analiżi tal-punt 1, filwaqt li jintużaw kriterji konsistenti biex issir enfasi fuq iż-żoni b'densità tal-enerġija fil-muniċipalitajiet u fil-konurbazzjonijiet;

il-punti tal-provvista eżistenti ta' tisħin u ta' tkessiħ identifikati skont il-punt 2(b) u l-installazzjonijiet eżistenti tat-trażmissjoni tat-tisħin distrettwali;

il-punti tal-provvista ppjanati ta' tisħin u ta' tkessiħ tat-tip deskritt skont il-punt 2(b) u l-installazzjonijiet eżistenti tat-trażmissjoni tat-tisħin distrettwali”.

Din il-lista tinkludi biss l-elementi li għandhom jiġu inklużi fil-mappa. Jistgħu jiġu inklużi elementi oħra, eż. id-distribuzzjoni ta’ riżorsi tal-enerġija rinnovabbli.

It-tfassil tal-mappa tas-sħana u l-kesħa m’għandux jitqies bħala kompitu separat, iżda pjuttost bħala parti integrali mill-proċess li jiġu vvalutati t-titjib potenzjali fl-effiċjenza tat-tisħin u t-tkessiħ u s-sinerġiji bejn il-konsumaturi u l-fornituri potenzjali tagħhom. Fid-dawl tar-rekwiżit biex titfassal il-mappa, id-data kollha li tinġabar dwar il-provvista u d-domanda għat-tisħin u t-tkessiħ għandu jkollha dimensjoni spazjali, sabiex l-opportunitajiet għal sinerġiji jkunu jistgħu jiġu identifikati.

Ir-riżoluzzjoni tal-elementi tal-mappa meħtieġa skont il-punt 3(a) fl-Anness VIII tal-EED għandha tkun biżżejjed biex jiġu identifikati żoni partikolari tad-domanda għat-tisħin u t-tkessiħ. Għall-elementi skont il-punt 3(b) u (c), ir-rappreżentazzjoni virtwali tista’ tkun aktar ġenerali (soġġetta għall-metodu li jintgħażel tal-analiżi u l-informazzjoni disponibbli), iżda għandha tagħmilha possibbli li jiġi ddeterminat il-post ta’ element partikolari bi preċiżjoni suffiċjenti għall-fini tas-CBA.

Meta l-pjanijiet għal punti u installazzjonijiet futuri tal-provvista jkunu ġew innotifikati lill-amministrazzjoni nazzjonali jew ikunu ġew imsemmija f’dokumenti ta’ politika nazzjonali, dan jista’ jfisser li dawn huma maturi biżżejjed biex jiġu inklużi f’din il-kategorija. Dan mhux se jippreġudika d-deċiżjonijiet futuri dwar l-ippjanar jew l-investiment u mhux se jkun vinkolanti fuq l-ebda parti.

Jistgħu jintużaw diversi metodi biex jitfasslu s-saffi tal-mappa (10). Xi wħud jipprovdu aktar dettall u jistgħu jirrikjedu settijiet akbar ta’ informazzjoni ddettaljata (eż. mapep ibbażati fuq l-isopleth). Oħrajn jistgħu jirrikjedu inqas sforz, iżda huma inqas utli biex jiġu identifikati s-sinerġiji bejn il-konsumaturi u l-fornituri tas-sħana u l-kesħa (eż. mapep choropleth). L-Istati Membri huma mħeġġa biex ifasslu l-mapep billi jużaw l-aktar informazzjoni dettaljata disponibbli, filwaqt li jipproteġu informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Huwa rrakkomandat li l-mappa tas-sħana ssir disponibbli għall-pubbliku fuq l-internet. Din diġà hija l-prattika f’xi Stati Membri u l-mappa tista’ tkun għodda utli għal investituri potenzjali u għall-pubbliku.

2.4.   IT-TBASSIR TAD-DOMANDA GĦAT-TISĦIN U T-TKESSIĦ

Il-punt 4 fl-Anness VIII tal-EED jirrikjedi li tiġi mbassra d-domanda għat-tisħin u t-tkessiħ għat-30 sena li jmiss, b’informazzjoni aktar preċiża għall-10 snin li jmiss. It-tbassir għandu jqis l-impatt tal-politiki u l-istrateġiji relatati mal-effiċjenza fl-enerġija u d-domanda għat-tisħin u t-tkessiħ (eż. strateġija fit-tul għar-rinnovazzjoni tal-bini skont id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (11), il-pjanijiet integrati dwar l-enerġija u l-klima skont ir-Regolament dwar il-Governanza) u għandu jirrifletti l-ħtiġijiet tad-diversi setturi tal-industrija.

Meta jħejju t-tbassir, l-Istati Membri għandhom jużaw is-segmentazzjoni stabbilita skont il-punti 1 u 2 fl-Anness VIII tal-EED biex jiddeterminaw il-provvista u d-domanda attwali (jiġifieri residenzjali, tas-servizzi, industrijali u oħrajn, u s-subsegmenti possibbli tagħhom).

Jistgħu jintużaw rapporti internazzjonali, nazzjonali u xjentifiċi rilevanti, dment li dawn ikunu bbażati fuq metodoloġija dokumentata sew u jipprovdu informazzjoni ddettaljata biżżejjed. Inkella, it-tbassir jista’ jkun ibbażat fuq mudellar tad-domanda għall-enerġija. Il-metodi u s-suppożizzjonijiet għandhom jiġu deskritti u spjegati.

2.5.   IS-SEHEM TAL-ENERĠIJA MINN SORSI RINNOVABBLI U MINN SĦANA JEW KESĦA RESIDWA FIL-KONSUM FINALI TAL-ENERĠIJA TAS-SETTUR TAT-TISĦIN U TAT-TKESSIĦ DISTRETTWALI

L-Istati Membri għandhom jirrapportaw is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u mis-sħana u l-kesħa residwi skont l-Artikolu 15(7) tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED) (12). Id-data tista’ tiġi rrapportata għal kull tip ta’ sors rinnovabbli mhux fossili msemmi fl-Artikolu 2(1) RED, u anke għas-sħana residwa.

Sakemm tiġi stabbilita l-metodoloġija għall-kontabbiltà tat-tkessiħ rinnovabbli skont l-Artikolu 35 tal-RED, l-Istati Membri għandhom jużaw metodoloġija nazzjonali xierqa.

3.   OBJETTIVI, STRATEĠIJI U MIŻURI TA’ POLITIKA

3.1.   L-IRWOL TA’ TISĦIN U TKESSIĦ EFFIĊJENTI FIT-TNAQQIS FIT-TUL TAL-EMISSJONIJIET TA’ GASS SERRA U ĦARSA ĠENERALI LEJN IL-POLITIKI EŻISTENTI

Ħarsa ġenerali lejn il-politiki eżistenti rilevanti għal tisħin u tkessiħ effiċjenti għandha tiġi ppreżentata fil-qosor, billi tiffoka fuq kwalunkwe bidla meta mqabbla ma’ dawk irrapportati fir-Regolament dwar il-Governanza u tevita kwalunkwe duplikazzjoni.

Il-politiki speċifiċi għat-tisħin u t-tkessiħ għandhom ikunu konsistenti mal-politiki li jikkontribwixxu għall-ħames dimensjonijiet tal-unjoni tal-enerġija, b’mod partikolari l-effiċjenza fl-enerġija (l-Artikolu 4, il-punt b(1) sa (4) u l-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament dwar il-Governanza); dawn id-dimensjonijiet huma:

id-dekarbonizzazzjoni, inklużi t-tnaqqis u l-eliminazzjoni tal-emissjonijiet ta’ gass serra u l-kontribut għat-trajettorji tas-sehem settorjali tal-enerġija rinnovabbli fl-FEC;

l-effiċjenza fl-enerġija, inkluż il-kontribut biex tintlaħaq il-mira tal-effiċjenza fl-enerġija sal-2030 tal-UE u l-għanijiet indikattivi għall-2030, l-2040 u l-2050;

is-sigurtà tal-enerġija, inkluża d-diversifikazzjoni tal-provvista, iż-żieda fir-reżiljenza u l-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija u t-tnaqqis tad-dipendenza fuq l-importazzjonijiet;

is-swieq interni tal-enerġija, inklużi t-titjib tal-interkonnettività, l-infrastruttura tat-trażmissjoni, politika tal-konsumatur bi prezzijiet kompetittivi u orjentata lejn l-involviment u t-tnaqqis tal-faqar enerġetiku; u

r-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività, inkluż il-kontribut għar-riċerka u l-innovazzjoni privati, u l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji nodfa.

L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu kif l-effiċjenza fl-enerġija u t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass serra fit-tisħin u t-tkessiħ jirrelataw ma’ dawn il-ħames dimensjonijiet u jikkwantifikaw dan fejn ikun iġġustifikat u possibbli.

3.1.1.    Eżempju: Id-dimensjoni tad-dekarbonizzazzjoni

Pereżempju, għad-dimensjoni tad-dekarbonizzazzjoni, l-impatt tal-politiki dwar l-effiċjenza fl-enerġija fit-tisħin u t-tkessiħ fuq l-ammont ta’ emissjonijiet ta’ gass serra emessi u fuq l-użu tal-art għandu jiġi kkwantifikat. L-użu tat-teknoloġiji fil-futur għandu jiġi ddikjarat, billi jiġi indikat l-użu ta’ sorsi rinnovabbli mhux fossili, inklużi applikazzjonijiet tal-elettriku rinnovabbli għas-sħana jew il-kesħa (PV tar-riħ, solari) u l-ġenerazzjoni diretta ta’ sħana minn portaturi tal-enerġija rinnovabbli (it-tisħin u t-tkessiħ termali solari, il-bijomassa, il-bijogass, l-idroġenu, il-gassijiet sintetiċi), jew oħrajn. Is-CBA sussegwenti (ara t-taqsima 4) tagħmilha possibbli li jiġu identifikati politiki u miżuri ġodda (it-taqsima 5) sabiex jintlaħqu l-miri nazzjonali tal-effiċjenza fl-enerġija u d-dekarbonizzazzjoni relatati mat-tisħin u t-tkessiħ.

3.1.2.    Eżempju: Id-dimensjoni tal-Effiċjenza fl-Enerġija

Fir-rigward tal-effiċjenza fl-enerġija ġenerali, l-Istati Membri għandhom jesprimu l-ammont li l-politika dwar l-effiċjenza fl-enerġija fit-tisħin u t-tkessiħ hija mistennija li tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-2030, l-2040 u l-2050. Dan għandu jiġi kkwantifikat f’termini tal-konsum primarju jew finali tal-enerġija, l-iffrankar primarju jew finali tal-enerġija, jew l-intensità tal-enerġija, f’konformità mal-approċċ li ntgħażel fil-kuntest tar-Regolament dwar il-Governanza.

L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu wkoll l-impatt rilevanti tal-politiki tagħhom fuq is-sigurtà, ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-enerġija.

4.   L-ANALIŻI TAL-POTENZJAL EKONOMIKU GĦAL EFFIĊJENZA FIT-TISĦIN U T-TKESSIĦ

4.1.   ANALIŻI TAL-POTENZJAL EKONOMIKU

4.1.1.    Deskrizzjoni

L-Istati Membri għandhom firxa ta’ għażliet biex janalizzaw il-potenzjal ekonomiku tat-teknoloġiji tat-tisħin u t-tkessiħ, iżda l-metodu għandu (il-punti 7 u 8 fl-Anness VIII tal-EED):

ikopri t-territorju nazzjonali kollu – dan ma jeskludix subanaliżijiet possibbli, eż. billi tintuża d-diżaggregazzjoni reġjonali;

ikun ibbażat fuq CBA (l-Artikolu 14(3) tal-EED) u juża valur preżenti nett (NPV) bħala l-kriterju tal-valutazzjoni;

jidentifika xenarji alternattivi għal aktar teknoloġiji tat-tisħin u t-tkessiħ effiċjenti u rinnovabbli – dan jinvolvi t-tfassil ta’ xenarji bażi u alternattivi għas-sistemi nazzjonali tat-tisħin u t-tkessiħ (13);

iqis għadd ta’ teknoloġiji – sħana u kesħa residwi industrijali, inċinerazzjoni tal-iskart, koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, sorsi tal-enerġija rinnovabbli oħra, pompi tas-sħana u t-tnaqqis tat-telfien tas-sħana f’netwerks distrettwali eżistenti; u

jqis fatturi soċjoekonomiċi u ambjentali (14).

Il-parti tas-CBA ddedikata għall-valutazzjoni tal-Artikolu 15(7) tal-RED għandha tinkludi analiżi spazjali ta’ żoni xierqa għal-implimentazzjoni “b’riskji ekoloġiċi baxxi” ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli u tal-użu tas-sħana u l-kesħa residwi fis-settur tat-tisħin u tat-tkessiħ, u valutazzjoni tal-potenzjal għal proġetti fuq skala żgħira tal-unitajiet domestiċi.

Skont id-disponibbiltà tagħhom u dik tal-informazzjoni rikjesta, għodod oħra ta’ mudellar ta’ sistema tal-enerġija avvanzata jistgħu jintużaw biex jiġu evalwati relazzjonijiet aktar kumplessi bejn id-domanda għas-sħana u l-komponenti tal-provvista tas-sistema tal-enerġija nazzjonali, b’mod partikolari l-aspetti aktar dinamiċi.

Ir-rapport dwar il-valutazzjoni għandu jistabbilixxi liema suppożizzjonijiet saru, b’mod partikolari fir-rigward tal-prezzijiet ta’ fatturi ewlenin tal-input u l-output u r-rata ta’ skont.

4.1.2.    Konfini ġeografiċi u tas-sistema

L-istabbiliment ta’ konfini ġeografiċi u tas-sistema għall-valutazzjoni komprensiva huwa pass kritiku fl-analiżi. Dawn jiddeterminaw il-grupp ta’ entitajiet u l-aspetti tal-interazzjoni tagħhom li l-analiżi se tkopri.

Il-punt 8(d) fl-Anness VIII tal-EED jistabbilixxi żewġ rekwiżiti ġenerali f’dan il-kuntest:

il-konfini ġeografiku għandu jkopri żona ġeografika adegwata li tkun definita tajjeb; u

s-CBA għandha tqis ir-riżorsi kollha rilevanti ċentralizzati jew deċentralizzati tal-provvista disponibbli fis-sistema u l-konfini ġeografiċi.

Iż-żona magħluqa bil-konfini ġeografiku kollu għandha tkun identika għat-territorju kopert mill-valutazzjoni, jiġifieri t-territorju amministrattiv tal-Istat Membru inkwistjoni. Madankollu, b’mod partikolari l-Istati Membri kbar huma rrakkomandati li jaqsmu t-territorju tagħhom ulterjorment f’reġjuni (eż. NUTS-1), sabiex jagħmlu l-immappjar tal-enerġija u l-eżerċizzju tal-ippjanar aktar ġestibbli, u jippermettu li jitqiesu żoni klimatiċi differenti. L-Istati Membri għandhom jidentifikaw opportunitajiet għal sinerġiji bejn id-domanda għat-tisħin u t-tkessiħ u s-sorsi tas-sħana u l-kesħa residwi u rinnovabbli fi ħdan il-konfini ġeografiku.

Min-naħa l-oħra, il-konfini tas-sistema huma kunċett ferm aktar lokali. Dawn għandhom jinkludu unità jew grupp ta’ konsumaturi u fornituri tat-tisħin u t-tkessiħ li bejniethom l-iskambju tal-enerġija huwa jew jista’ jkun sinifikanti. Is-sistemi li jirriżultaw se jiġu analizzati fi ħdan il-konfini tagħhom (billi tiġi applikata s-CBA) sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex ekonomikament utli li tiġi implimentata għażla ta’ provvista tat-tisħin u t-tkessiħ partikolari.

Eżempji ta’ tali sistemi jistgħu jkunu (15):

grupp ta’ binjiet ta’ appartamenti (konsumaturi tat-tisħin) u sistema maħsuba għat-tisħin distrettwali (fornitur potenzjali tat-tisħin);

distrett ta’ belt li tinsab qrib sors tas-sħana xieraq;

installazzjonijiet iżgħar tat-tisħin u t-tkessiħ bħal żoni tax-xiri (konsumatur tas-sħana u l-kesħa) u pompi tas-sħana (teknoloġija possibbli biex tiġi koperta d-domanda għas-sħana u l-kesħa); u

mpjant industrijali li jikkonsma s-sħana u mpjant ieħor li jista’ jforni sħana residwa.

4.1.3.    L-identifikazzjoni ta’ soluzzjonijiet tekniċi xierqa

Firxa wiesgħa ta’ soluzzjonijiet tat-tisħin u t-tkessiħ b’effiċjenza għolja jistgħu jissodisfaw id-domanda identifikata fil-passi preċedenti. L-aktar soluzzjoni kosteffiċjenti u ta’ benefiċċju għat-tisħin u t-tkessiħ tista’ tiġi ddefinita bħala waħda jew aktar mill-elementi li ġejjin:

riżorsa li tintuża bħala sors tal-enerġija, eż. is-sħana residwa, il-bijomassa jew l-elettriku;

teknoloġija li tintuża biex it-trasportatur tal-enerġija jiġi kkonvertit f’forma utli ta’ enerġija għall-konsumaturi, eż. irkupru tas-sħana jew pompi tas-sħana; u

sistema ta’ distribuzzjoni li tippermetti li tiġi fornuta enerġija utli lill-konsumaturi (ċentralizzata jew deċentralizzata).

Soluzzjonijiet tekniċi possibbli għandhom jiġu vvalutati wkoll abbażi tal-applikabbiltà tagħhom fi:

sistemi deċentralizzati (jew individwali), fejn diversi produtturi (jew kull konsumatur) jipproduċu s-sħana jew l-kesħa tagħhom stess fil-post; u

sistemi ċentralizzati, li jużaw sistemi tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali biex iqassmu l-enerġija termali lill-konsumaturi minn sorsi tas-sħana barra mill-post – dawn jistgħu jintużaw biex ifornu t-tisħin u t-tkessiħ fil-konfini tas-sistema li jkunu ġew ikkaratterizzati bħala densità b’domanda għolja u lil konsumaturi fuq skala kbira, eż. impjant industrijali.

L-għażla ta’ soluzzjonijiet xierqa fil-konfini ta’ sistema partikolari ta’ provvista u ta’ domanda tal-enerġija (16) se tiddependi fuq diversi fatturi, fosthom:

id-disponibbiltà tar-riżorsa (eż. id-disponibbiltà tal-bijomassa tista’ tiddetermina l-prattiċità tal-bojlers tal-bijomassa);

il-proprjetajiet tad-domanda għas-sħana (eż. it-tisħin distrettwali huwa partikolarment xieraq għal żoni urbani b’densità ta’ domanda għolja għas-sħana); u

l-proprjetajiet ta’ provvista tas-sħana possibbli (is-sħana residwa b’temperatura baxxa tista’ ma tkunx xierqa biex tintuża fi proċessi industrijali, iżda tista’ tkun xierqa bħala input f’sistema tat-tisħin distrettwali).

4.1.4.    Xenarju bażi

Kif deskritt fil-punt 8(a)(ii) fl-Anness VIII tal-EED, ix-xenarju bażi se jservi bħala punt ta’ referenza, b’kunsiderazzjoni tal-politiki fil-mument li titfassal il-valutazzjoni komprensiva. Il-karatteristiċi tal-elementi li ġejjin tas-sistema nazzjonali tat-tisħin u t-tkessiħ għandhom jipprovdu l-punt tat-tluq:

ħarsa ġenerali lejn il-konsumaturi tas-sħana u l-konsum tal-enerġija attwali tagħhom;

is-sorsi attwali tal-provvista tas-sħana u l-kesħa; u

sorsi potenzjali tal-provvista tas-sħana u l-kesħa (jekk tali żviluppi jistgħu jkunu raġonevolment mistennija fid-dawl tal-politiki u l-miżuri attwali skont il-Parti I tal-Anness VIII tal-EED).

Ix-xenarju bażi juri l-aktar żvilupp probabbli tad-domanda għall-enerġija, il-provvista u t-trasformazzjoni abbażi tal-għarfien attwali, l-iżvilupp teknoloġiku u l-miżuri ta’ politika. Għalhekk dan huwa x-xenarju ta’ żamma tal-istatus quo (BAU) jew ta’ referenza. Dan għandu jirrifletti l-miżuri ta’ politika eżistenti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE u jista’ jkun ibbażat fuq ix-xenarji tal-effiċjenza fl-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli “bil-miżuri eżistenti” (WEM) żviluppati għar-Regolament dwar il-Governanza.

Dan għandu jinkludi informazzjoni dwar kif id-domanda hija ssodisfata attwalment, u suppożizzjonijiet dwar kif se tiġi ssodisfata fil-futur. It-teknoloġiji futuri m’għandhomx ikunu limitati għall-għażliet li jintużaw attwalment. Dawn jistgħu jinkludu, pereżempju, koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja jew tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti (DHC), jekk tali żviluppi jistgħu jkunu raġonevolment mistennija.

4.1.4.1.   It-taħlita attwali tat-teknoloġiji għall-provvista tat-tisħin u t-tkessiħ

Ix-xenarju bażi għandu jinkludi deskrizzjoni tat-taħlita attwali tat-teknoloġiji għall-provvista tat-tisħin u t-tkessiħ għal kull segment tad-domanda għas-sħana u f’kull konfini tas-sistema tal-enerġija. Għandha tingħata prijorità lil approċċ minn isfel għal fuq ibbażat fuq informazzjoni ddettaljata (eż. data li tinġabar qrib is-sors, ir-riżultati ta’ inkjesti, eċċ.).

Fin-nuqqas ta’ informazzjoni ddettaljata, dan l-input jista’ jiġi derivat permezz ta’ approċċ minn fuq għal isfel ibbażat fuq:

informazzjoni dwar it-taħlita attwali tal-konsum tal-fjuwil; u

suppożizzjonijiet dwar is-soluzzjonijiet teknoloġiċi ewlenin applikati fil-kuntest nazzjonali.

Peress li t-taħlita tat-teknoloġiji għall-provvista tas-sħana hija relatata mas-sors tad-domanda għas-sħana, l-informazzjoni dwar dan tal-aħħar tista’ tintuża biex jiġu kkalibrati l-istimi għal dik tal-ewwel. Pereżempju, id-data dwar l-għadd ta’ djar jew appartamenti f’konfini ta’ sistema tal-enerġija tista’ tintuża biex jiġu stmati l-għadd u d-daqs totali tal-unitajiet tat-tisħin individwali installati (billi titqies installazzjoni waħda għal kull dar). Bl-istess mod, id-data dwar l-għadd u d-daqs ta’ installazzjonijiet industrijali tista’ tintuża biex jiġi approssimat l-għadd tal-unitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-sħana (u d-daqsijiet tagħhom) fis-settur industrijali.

4.1.4.2.   It-taħlita futura tat-teknoloġiji għall-provvista tat-tisħin u t-tkessiħ u r-rata ta’ sostituzzjoni tagħhom

It-taħlita futura tat-teknoloġiji għall-provvista tat-tisħin u t-tkessiħ tista’ tiġi stmata billi tittieħed it-taħlita tal-fjuwil fis-sena finali u mbagħad tiġi ddeterminata t-taħlita tat-teknoloġiji għal dik is-sena u s-snin kollha ta’ bejniethom, billi jitqiesu trajettorji ta’ evoluzzjoni differenti skont it-teknoloġiji involuti. Jekk din l-informazzjoni tiġi kkombinata mat-tbassir tad-domanda għat-tisħin u t-tkessiħ, ikun possibbli li jsir tbassir dwar it-taħlita tat-teknoloġiji għall-perjodu kollu.

Is-suppożizzjonijiet dwar it-taħlita futura tat-teknoloġiji għall-provvista tat-tisħin u t-tkessiħ jistgħu jiġu formulati wkoll abbażi tar-rata tas-sostituzzjoni tat-teknoloġiji. Jekk jitqies li t-tagħmir attwali tal-ġenerazzjoni tas-sħana se jkollu jiġi sostitwit fl-aħħar tal-ħajja ekonomika tiegħu, jistgħu jsiru suppożizzjonijiet fir-rigward:

tal-użu ta’ xi teknoloġiji matul il-perjodu taż-żmien tal-analiżi; u

s-sostituzzjoni ta’ oħrajn.

F’dawn il-każijiet, ir-rata ta’ sostituzzjoni tirrappreżenta l-limitu għall-penetrazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda għad-domanda eżistenti. Ir-rati ta’ sostituzzjoni għal setturi speċifiċi jistgħu jkunu:

iddeterminati minn studji dwar is-suq jew sorsi oħra rilevanti, li jqisu wkoll l-influwenza potenzjali tal-miżuri ta’ politika; jew

stmati abbażi tal-ħajja medja tat-teknoloġija – billi titqies ħajja ta’ 20 sena u saturazzjoni tas-suq, 1/20 tal-istokk ta’ din it-teknoloġija jiġi sostitwit kull sena.

4.1.5.    It-tfassil ta’ xenarji alternattivi

Skont il-punt 8(c) fl-Anness VIII tal-EED, għandhom jitqiesu x-xenarji kollha li jistgħu jaffettwaw il-linja bażi, inkluż ir-rwol ta’ tisħin u tkessiħ effiċjenti u individwali. B’konsegwenza ta’ dan, f’kull sistema tal-enerġija li tiġi analizzata, l-għadd ta’ xenarji alternattivi għandu jikkorrispondi għall-għadd ta’ soluzzjonijiet teknikament vijabbli, ippreżentati skont il-punt 7.

Ix-xenarji li mhumiex fattibbli (għal raġunijiet tekniċi jew finanzjarji jew minħabba r-regolamentazzjoni nazzjonali) jistgħu jiġu esklużi fi stadju bikri tas-CBA, iżda għandhom jingħataw ġustifikazzjonijiet dokumentati tajjeb għal kull esklużjoni.

Fil-parti l-kbira tagħhom, il-proċeduri biex jitfasslu xenarji alternattivi jixbhu lil dawk li jintużaw għax-xenarju bażi. L-ishma ta’ teknoloġiji differenti jistgħu jiġu ddeterminati għal kull sena u d-daqs u l-għadd tal-installazzjonijiet għandhom jiġu kkalkolati. Ix-xenarji alternattivi għandhom iqisu l-objettivi relatati mal-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli għall-Unjoni Ewropea fir-Regolament dwar il-Governanza u għandhom jesploraw modi biex jingħata kontribut nazzjonali aktar ambizzjuż, billi jqisu li l-evoluzzjoni tad-domanda għall-enerġija hija l-istess bħal fil-linja bażi.

Il-livell tad-dettall fix-xenarji alternattivi se jvarja, kif ġej:

għal soluzzjonijiet fil-post, is-sehem tat-teknoloġija fi ħdan “segment” tad-domanda (17) għandu jiġi ddeterminat; filwaqt li

għal soluzzjonijiet barra mill-post, id-deċiżjoni li tiġi implimentata s-soluzzjoni se taffettwa lis-segmenti kollha bħala blokka; għalhekk, il-kapaċità meħtieġa għandha tiġi vvalutata abbażi tad-domanda totali u t-tendenzi tat-tagħbija staġjonali, mingħajr ma ssir distinzjoni bejn is-segmenti tad-domanda (eż. jekk netwerk ta’ DHC iforni t-tisħin f’unitajiet domestiċi u s-settur tas-servizzi, jeħtieġ li tiġi stmata biss il-kapaċità kkombinata taż-żewġ segmenti).

Kull xenarju alternattiv għandu jikkwantifika dan li ġej (meta mqabbel max-xenarju bażi):

il-potenzjal ekonomiku tat-teknoloġiji eżaminati, permezz tal-NPV bħala l-kriterju;

it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass serra;

l-iffrankar tal-enerġija primarja (GWh fis-sena); u

l-impatt fuq is-sehem ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija nazzjonali.

4.2.   ANALIŻI TAL-KOSTIJIET U L-BENEFIĊĊJI

Għandha titwettaq CBA biex tiġi vvalutata l-bidla fil-benessri attribwibbli għal deċiżjoni ta’ investiment relatata ma’ teknoloġija effiċjenti tat-tisħin u t-tkessiħ. Skont il-punt 8(a)(i) fl-Anness VIII tal-EED, NPV għandu jintuża bħala l-kriterju tal-evalwazzjoni.

Ir-rata ta’ skont soċjali (SDR) jeħtieġ li tiġi ddeterminata. Dan huwa parametru li jirrifletti l-perspettiva tas-soċjetà dwar kif il-benefiċċji u l-kostijiet futuri għandhom jiġu stmati meta mqabbla ma’ dawk preżenti (18). Jekk il-kostijiet u l-benefiċċji futuri jingħataw valur attwali, ikun possibbli li jitqabblu maż-żmien.

Is-CBA għandha tinkludi analiżi ekonomika u analiżi finanzjarja minn perspettiva ta’ investitur, inkluż billi tiġi applikata rata ta’ skont finanzjarju. Dan jagħmilha possibbli biex jiġu identifikati oqsma potenzjali għal influwenza ta’ politika bbażata fuq id-differenza bejn il-kostijiet finanzjarji u dawk ekonomiċi ta’ soluzzjoni teknika.

Sabiex jiġu vvalutati l-impatt u l-benefiċċji possibbli tat-tisħin u t-tkessiħ fir-rigward tas-sistema tal-enerġija, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw liema tipi ta’ soluzzjonijiet tekniċi jistgħu jkunu l-aktar xierqa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet. Il-benefiċċji jistgħu jinkludu:

l-iċċattjar tal-kurva tad-domanda għall-enerġija;

it-tpaċija tad-domanda f’każijiet ta’ konġestjoni fil-grilja jew perjodi ta’ prezzijiet massimi tal-enerġija;

it-titjib tar-reżiljenza tas-sistemi u s-sigurtà tal-provvista; u

l-offerta ta’ tagħbija fi żminijiet ta’ provvista għolja jew l-offerta ta’ inerzja fis-sistema tal-enerġija – is-CBA għandha tqis il-valur ta’ din il-flessibbiltà.

4.3.   ANALIŻI TAS-SENSITTIVITÀ

Is-CBA għandha tinkludi analiżi tas-sensittività biex tivvaluta l-impatt tal-bidlet f’fatturi ewlenin. Dan jinvolvi li jiġi vvalutat l-effett tal-bidliet u l-inċertezzi fuq l-NPV (f’termini assoluti) u jagħmilha possibbli li jiġu identifikati parametri b’riskju ogħla assoċjat. Parametri tipiċi li għandhom jiġu esplorati huma:

il-bidliet fil-kostijiet tal-investiment u dawk operattivi;

il-prezzijiet tal-fjuwil u tal-elettriku;

il-kwoti tas-CO2; u

l-effetti fuq l-ambjent.

5.   STRATEĠIJI U MIŻURI TA’ POLITIKA ĠODDA POTENZJALI

5.1.   IL-PREŻENTAZZJONI TA’ MIŻURI TA’ POLITIKA FUTURI LEĠIŻLATTIVI U MHUX LEĠIŻLATTIVI

L-Istati Membri għandhom jipprovdu ħarsa ġenerali lejn il-miżuri ta’ politika li huma addizzjonali għal dawk eżistenti deskritti fil-punt 6 fl-Anness VIII tal-EED. Għandu jkun hemm rabta loġika bejn:

id-data dwar it-tisħin u t-tkessiħ li tinġabar għall-punti 1 u 2;

il-miżuri ta’ politika futuri; u

l-impatt ivvalutat tagħhom.

Skont il-punt 9, l-elementi li ġejjin għandhom jiġu kkwantifikati għal kull miżura ta’ politika:

“—

[it]-tnaqqis previst tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra;

[…]l-iffrankar previst tal-enerġija primarja f'GWh kull sena;

[…]l-impatt previst fuq l-ammont ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja;

[…]l-impatt previst fuq l-ammont ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija nazzjonali u fis-settur tat-tisħin u tat-tkessiħ;

[ir]-rabtiet previsti mal-ipprogrammar finanzjarju nazzjonali u mal-iffrankar previst tal-kostijiet għall-baġit pubbliku u għall-parteċipanti tas-suq;

[…]l-istima tal-miżuri previsti ta' sostenn pubbliku, jekk ikun hemm, bil-baġit annwali tagħhom u bl-identifikazzjoni tal-element ta' għajnuna potenzjali.”

Miżuri ta’ politika maħsuba biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-effiċjenza fl-enerġija fit-tisħin u t-tkessiħ għandhom jiġu inklużi fil-pjan integrat nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima skont l-Artikolu 21 tar-Regolament dwar il-Governanza. L-Istati Membri jistgħu jinkludu elementi ġodda u jistabbilixxu rabta mal-valutazzjoni komprensiva meta jaġġornaw il-pjanijiet sat-30 ta’ Ġunju 2024.


(1)  Nota ta’ gwida dwar id-Direttiva 2012/27/UE;

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/ALL/?uri=CELEX:52013SC0449

(2)  “Enerġija utli” tfisser l-enerġija kollha meħtieġa mill-utenti aħħarin fil-forma ta’ sħana u kesħa wara li jkunu ttieħdu l-passi kollha tal-enerġija tat-trasformazzjoni fit-tagħmir tat-tisħin u tat-tkessiħ.

(3)  L-enerġija kollha fornuta lill-industrija, it-trasport, l-unitajiet domestiċi, is-servizzi u l-agrikoltura. L-FEC jeskludi l-konsenji lis-settur tat-trasformazzjoni tal-enerġija u l-industriji tal-enerġija fihom infushom. Kwalunkwe differenza mill-istatistika u l-bilanċi disponibbli permezz tal-Eurostat għandha tiġi spjegata.

(4)  Nota ta’ gwida dwar id-Direttiva 2012/27/UE;

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/ALL/?uri=CELEX:52013SC0449

(5)  Għal aktar informazzjoni dwar tqassim tipiku tas-sħana u l-kesħa abbażi tal-applikazzjoni tagħhom, ara l-Anness IV.

(6)  Eżempji ta’ tali kriterji huma:

id-densità tad-domanda għas-sħana (MWh/km2) – il-konsum annwali tat-tisħin u t-tkessiħ minn binjiet li jinsabu f’unità territorjali partikolari, eż. skont ir-rapport tal-proġett STRATEGO (https://heatroadmap.eu/wp-content/uploads/2018/09/STRATEGO-WP2-Background-Report-6-Mapping-Potenital-for-DHC.pdf), żoni b’domanda għolja huma dawk li jikkunsmaw aktar minn 85 GWh/km2 ta’ tisħin kull sena; u

il-proporzjon tar-roqgħa art (m2/m2) – l-erja tal-art imsaħħna jew imkessħa ta’ binjiet f’unità territorjali partikolari diviża bl-erja ta’ dik l-unità. Għal aktar dettalji, ara l-punt 2.1.1 tar-Rapport ġenerali li jipprovdi gwida dwar għodod u metodi għat-tħejjija ta’ mapep tas-sħana pubbliċi;

http://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC98823

(7)  Għal aktar informazzjoni dwar tqassim tipiku tas-sħana u l-kesħa abbażi tal-applikazzjoni tagħhom, ara l-Anness IV.

(8)  Għal aktar informazzjoni dwar tqassim tipiku tas-sħana u l-kesħa abbażi tal-applikazzjoni tagħhom, ara l-Anness V.

(9)  Linji Gwida dwar l-aħjar prattiki u gwida informali dwar kif għandha tiġi implimentata l-valutazzjoni komprensiva fil-livell tal-Istati Membri; http://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC98819

(10)  Għal aktar dettalji dwar il-metodi biex tiġi stmata s-sħana residwa, ara l-punti 3 u 4 tar-Rapport Ġenerali li jipprovdi gwida dwar għodod u metodi għat-tħejjija ta’ mapep tas-sħana pubbliċi;

http://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC98823

(11)  Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13).

(12)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(13)  Inkluża valutazzjoni tal-potenzjal tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u tal-użu ta’ sħana u kesħa residwi fis-settur tat-tisħin u tat-tkessiħ, kif imsemmi fl-Artikolu 15(7) tal-RED.

(14)  Għal aktar spjegazzjonijiet, ara l-Anness V.

(15)  Din il-lista mhux eżawrjenti hija ppreżentata hawnhekk għal finijiet ta’ illustrazzjoni biss.

(16)  Dan ifisser żona li fiha s-sistemi tal-provvista u d-domanda huma interkonnessi u japplikaw karatteristiċi tas-sistema simili.

(17)  jiġifieri użu aħħari speċifiku (it-tisħin, it-tkessiħ tal-post, ilma sħun jew il-fwar) jew (sub)settur (eż. settur residenzjali jew wieħed mis-subsetturi tiegħu).

(18)  L-SDR irrakkomandata mill-Kummissjoni (Gwida għall-analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji tal-proġetti ta’ investiment) hija ta’ 5 % fil-pajjiżi ta’ koeżjoni u ta’ 3 % għal Stati Membri oħra. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu punt ta’ riferiment differenti, dment li:

jiġġustifikawh abbażi ta’ tbassir tat-tkabbir ekonomiku u parametri oħra; u

japplikawh b’mod konsistenti fi proġetti simili fl-istess pajjiż, reġjun jew settur.


ANNESS II

SORSI ADDIZZJONALI TA’ LETTERATURA

1.   Letteratura ġenerali

L-aħjar prattiki u gwida informali dwar kif għandha tiġi implimentata l-Valutazzjoni Komprensiva fil-livell tal-Istati Membri. Ċentru Konġunt tar-Riċerka, il-Kummissjoni Ewropea, 2016. ISBN 979-92-79-54016-5.

http://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC98819

2.   Letteratura dwar l-istima tas-sħana u l-kesħa residwi

Sħana residwa mill-industrija għat-tisħin distrettwali. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, id-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija, 1982.

https://publications.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/2fcd5481-ac79-4e8f-9aaa-ed88a38444db

3.   Letteratura dwar it-tħejjija ta’ mapep dwar il-provvista u d-domanda għas-sħana u l-kesħa

Rapport ġenerali li jipprovdi gwida dwar l-għodod u l-metodi għat-tħejjija ta’ mapep tas-sħana pubbliċi. Ċentru Konġunt tar-Riċerka, il-Kummissjoni Ewropea, 2016. ISBN 978-92-79-54014-1.

http://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC98823

4.   Letteratura dwar l-eżekuzzjoni ta’ analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji inklużi l-kostijiet esterni

Manwal dwar il-kostijiet esterni tat-trasport. Rapport tas-CE Delft għall-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Mobilità u t-Trasport, 2019.

https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/studies/internalisation-handbook-isbn-978-92-79-96917-1.pdf

Metodoloġiji għall-Valutazzjoni ta’ Emissjonijiet ta’ Gass Serra u Varjazzjonijiet fl-Emissjonijiet tal-Proġett. Il-Bank Ewropew tal-Investiment, fl-2018.

https://www.eib.org/attachments/strategies/eib_project_carbon_footprint_methodologies_en.pdf

Il-Valutazzjoni Ekonomika tal-Proġetti ta’ Investiment fil-BEI. Il-Bank Ewropew tal-Investiment, 2013.

https://www.eib.org/attachments/thematic/economic_appraisal_of_investment_projects_en.pdf

Gwida għall-Analiżi tal-Kostijiet u l-Benefiċċji tal-Proġetti ta’ Investiment. Għodda ta’ valutazzjoni ekonomika għall-Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020. Il-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana, 2014. ISBN 978-92-79-34796-2.

https://ec.europa.eu/inea/sites/inea/files/cba_guide_cohesion_policy.pdf


ANNESS III

IL-PROĊESS GĦAL VALUTAZZJONIJIET KOMPRENSIVI (L-ANNESS VIII TAL-EED)

Image 1

ANNESS IV

IL-KONTABBILTÀ TAS-SĦANA RESIDWA

1.   Deskrizzjoni

Is-sħana residwa hija l-enerġija termali żejda li jifdal wara proċess industrijali u l-estrazzjoni tas-sħana. Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rapportar tas-sħana residwa għall-punti 2(b) ivarja minn dak tal-punt (c) fl-Anness VIII tal-EED. Il-punt 2(b) jikkonċerna provvista tas-sħana residwa potenzjali f’GWh (il-potenzjal tekniku) fis-sena li tista’ tiġi fornuta barra mill-installazzjonijiet elenkati. Min-naħa l-oħra, il-punt 2(c) jirrikjedi li jiġi rrappurtat is-“sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u mis-sħana jew il-kesħa residwa fil-konsum finali tal-enerġija tas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali matul l-aħħar 5 snin” (share of energy from renewable sources and from waste heat or cold in the final energy consumption of the district heating and cooling (1) sector over the past 5 years).

2.   Il-kontabbiltà tal-proġetti tas-sħana u l-kesħa residwi

Huwa diffiċli li jingħata rendikont tas-sħana u l-kesħa residwi mill-proċessi, minħabba li mill-mument li l-eċċess jintuża fil-post, dan ma jibqax “residwu” u jikkontribwixxi għaż-żieda fl-effiċjenza jew għat-tnaqqis fil-kost operattiv għall-installazzjoni.

Fil-prinċipju, is-sħana hija meqjusa bħala sħana residwa biss meta tkun prodott sekondarju ta’ proċess ieħor li tiġi emessa fl-ambjent, sakemm tiġi fornuta għal użu barra mill-post. Fi kliem ieħor, is-sħana residwa industrijali hija ekwivalenti għat-tagħbija tal-enerġija li mhijiex estratta b’mod ieħor u tirrikjedi tkessiħ estern.

Il-kategoriji li ġejjin m’għandhomx jitqiesu bħala sħana residwa:

sħana li kienet iġġenerata bl-iskop ewlieni li tintuża b’mod dirett fil-post jew barra mill-post u li mhijiex prodott sekondarju ta’ proċess ieħor, irrispettivament mill-input tal-enerġija;

sħana koġenerata minn impjanti ta’ sħana u enerġija kkombinati (CHP), minħabba li s-CHP hija miżura ta’ effiċjenza fl-enerġija mid-disinn. Din tnaqqas is-sħana residwa, peress li tuża l-enerġija tal-fjuwil tal-input b’mod aktar effiċjenti; u

sħana li tiġi rkuprata jew li tista’ tiġi rkuprata internament fl-istess post.

Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala eżempji ta’ sħana residwa:

ċentri tad-data jew żoni tax-xiri li jeħtieġ li jiġu mkessħa, fejn is-sħana li tirriżulta mill-operazzjonijiet tista’ tiġi fornuta barra mill-post minflok ma tiġi mxerrda fl-ambjent; u

l-użu dirett ta’ fluss ta’ tkessiħ fil-kondensatur minn impjanti tal-enerġija (eż. is-sħana tista’ tiġi fornuta għat-tisħin ta’ serer).

Jekk is-sħana ġġenerata minn fjuwils rinnovabbli tkun prodott sekondarju ta’ proċess ewlieni, din tista’ titqies bħala sħana residwa (eż. l-inċinerazzjoni tal-iskart bijodegradabbli u l-bijomassa) għall-finijiet tar-rapportar skont il-punt 2(b) u (c).

Sabiex juru l-proġetti tas-sħana u l-kesħa residwi fuq il-mapep (il-punt 3), l-Istati Membri huma rrakkomandati li jiġbru l-informazzjoni li ġejja:

l-isem u l-post tal-impjant;

il-kwantità (Gwh/a) u l-kwalità (it-temperatura u l-medium normali) tas-sħana u l-kesħa residwi attwali u potenzjali disponibbli; u

d-disponibbiltà ta’ sħana u kesħa residwi (sigħat fis-sena).

3.   Il-kontabbiltà tas-sħana residwa għall-koġenerazzjoni

Is-sħana li titqies għall-koġenerazzjoni għandha titnaqqas u ma tistax tingħadd mas-sħana residwa għall-finijiet li jiġu ppreżentati r-riżultati għall-analiżi ta’ provvista potenzjali tat-tisħin u t-tkessiħ (il-punt 2(b) u (c)) u jeħtieġ li tliet tipi ta’ enerġija jitqiesu b’mod separat:

l-enerġija elettrika;

l-enerġija termali minn sħana koġenerata; u

sħana residwa li ma tintużax u li tista’ tiġi rkuprata mill-kondensatur ta’ impjant tal-enerġija jew mill-gassijiet tal-egżost. Il-punt 2(b) jirrikjedi li jiġu rrapportati tali tipi kollha tas-sħana. Għall-punt 2(c), jista’ jiġi rrapportat biss il-porzjon ta’ tali sħana preżenti fil-konsum finali tal-enerġija tas-sistema tat-tisħin distrettwali.

4.   Il-kontabbiltà tas-sħana u l-kesħa residwi għall-punt 2(b) tal-Anness VIII tal-EED

M’hemm l-ebda limitazzjoni fuq ir-rapportar dwar is-sħana u l-kesħa residwi b'rabta ma’ sistema distrettwali għall-punt 2(b). Għalhekk, għandhom jiġu rrapportati s-sħana u l-kesħa residwi totali attwali u potenzjali li jistgħu jintużaw b’mod dirett għal proċess ieħor (jekk il-livell fornut tat-temperatura jippermetti dan) jew jiġu mtejba għal livell xieraq permezz ta’ pompi tas-sħana li għandhom jiġu pprovduti barra mill-post.

Ir-rapportar dwar il-potenzjal tas-sħana residwa għall-finijiet tal-punt 2(b) jista’ jkun ibbażat ukoll fuq stħarriġ ta’ siti industrijali. L-istħarriġ jista’ jistaqsi lir-rispondenti biex jikkwantifikaw:

l-input tal-enerġija totali;

il-kapaċità tas-sħana;

l-ammont tas-sħana ġġenerata li ntużat diġà; u

l-ammont tas-sħana li hija mkessħa (jew l-ammont tal-kesħa li hija msaħħna) jew emessa fl-ambjent.

Possibbiltà oħra biex tiġi vvalutata l-provvista potenzjali tas-sħana u l-kesħa residwi hija li jintużaw stimi indiretti bbażati fuq is-suppożizzjoni ta’ profili b’temperatura tas-sħana simili fost impjanti li:

huma fl-istess settur;

għandhom età simili;

għandhom l-istess grad ta’ integrazzjoni tal-enerġija (2); u

huma soġġetti għal miżuri simili biex jitnaqqas it-telf tal-enerġija.

B’konsegwenza ta’ dan, ammont simili ta’ sħana jew kesħa residwa jista’ jiġi stmat li huwa disponibbli għal kull tunnellata ta’ prodott prodott jew ittrattat (eż. l-impjanti kollha ta’ età u teknoloġija partikolari jista’ jkollhom profili tas-sħana residwa simili).

Il-potenzjal stmat jista’ jiġi peżat b’fattur tad-disponibbiltà li jqis:

it-teknoloġija li tintuża fit-tagħmir ta’ rkupru;

l-età tal-impjant;

il-grad tal-integrazzjoni tal-enerġija; u

livelli reċenti ta’ investiment fit-tagħmir ta’ rkupru.

Huwa rrakkomandat ħafna li l-Istati Membri jirrapportaw il-grad tat-temperatura u l-medium (ilma likwidu, fwar, melħ imdewweb jew oħrajn) tas-sħana u l-kesħa residwi; dawn il-fatturi jiddeterminaw applikazzjonijiet u distanzi tat-trażmissjoni possibbli, u b’hekk jinfluwenzaw l-analiżi tax-xenarji. L-aktar mezzi komuni li jintużaw għall-irkupru tas-sħana residwa jinkludu:

egżosts tal-kombustjoni minn fran li jdewbu l-ħġieġ, fran tas-siment, inċineraturi tad-dħaħen, fran u bojlers reverbatorji tal-aluminju;

effluwenti gassużi tal-proċessi minn fran tal-ark elettriċi tal-azzar, fran reverbatorji tal-aluminju, u fran tat-tnixxif u tal-ħami; u

ilma tat-tberrid minn fran, kumpressuri tal-arja u magni b’kombustjoni interna.

Il-fwar rari jidher bħala sħana residwa, minħabba li normalment jiġi ġġenerat fuq talba u joħroġ bħala egżost jew jiġi kkondensat matul il-proċess.

It-tabella t’hawn taħt tagħti kategorizzazzjoni indikattiva tas-sħana u l-kesħa abbażi tal-livell tat-temperatura u telenka applikazzjonijiet komuni tas-sħana. Dan japplika kemm għas-sħana residwa kif ukoll għal dik utli, irrispettivament mill-fjuwil li jintuża biex tiġi prodotta.

Kategorija

Medju

Intervall tat-temperatura ( °C)

Applikazzjonijiet komuni

sħana ta’ grad għoli

tisħin dirett permezz ta’ konvezzjoni (ibbażat fuq il-fjammi), ark elettrika, ibbażat fuq iż-żejt, eċċ

>500

azzar, siment, ħġieġ

sħana ta’ grad medju

fwar bi pressjoni għolja

150-500

proċessi tal-fwar fl-industrija tal-kimika

sħana ta’ grad medju/baxx

fwar bi pressjoni medja

100-149

proċessi tal-fwar fl-industrija tal-karti, tal-ikel, tal-kimika, eċċ.

sħana ta’ grad baxx

ilma sħun

40-99

tisħin tal-post, proċessi fl-industrija tal-ikel, eċċ.

tkessiħ

ilma

0 — ambjent

tkessiħ tal-post, proċessi fl-industrija tal-ikel, eċċ.

refriġerazzjoni

refriġerant

<0

refriġerazzjoni fl-industrija tal-ikel, tal-kimika

5.   Ir-rapportar dwar is-sħana residwa għall-punt 2(c) tal-Anness VIII tal-EED

L-RED (3) tagħmel rabta mill-qrib bejn l-effiċjenza u l-enerġija rinnovabbli, u tqis li t-tnejn li huma jistgħu jiġu kkunsidrati fir-rigward tal-mira indikattiva ta’ sehem akbar annwali ta’ enerġija rinnovabbli fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ.

L-RED (4) tiddefinixxi s-sħana residwa bħala “sħana jew kesħa inevitabbli ġġenerata bħala prodott sekondarju f'installazzjonijiet industrijali jew tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, jew f'settur terzjarju, li tiġi dissipata bla ma tintuża fl-arja jew fl-ilma bla aċċess għal sistema ta' tisħin jew tkessiħ distrettwali, fejn ikun intuża jew ser jintuża l-proċess ta' koġenerazzjoni jew fejn il-koġenerazzjoni mhix fattibbli”.

Għall-finijiet tar-rapportar tas-sehem storiku tal-enerġija mis-sħana jew il-kesħa residwa (5) matul l-aħħar 5 snin (il-punt 2(c), is-sħana jew il-kesħa residwa fil-konsum finali tal-enerġija tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali biss tista’ tiġi kkunsidrata.


(1)  It-“tkessiħ rinnovabbli” għandu jiġi identifikat skont il-metodoloġija komuni biex tiġi kkalkolata l-kwantità tal-enerġija rinnovabbli li tintuża għat-tkessiħ u t-tkessiħ distrettwali (l-Artikolu 35 tar-RED), ladarba tkun stabbilita. Sa dak iż-żmien, għandha tintuża metodoloġija nazzjonali xierqa.

(2)  Sħana residwa mill-industrija għat-tisħin distrettwali (Gwida tal-Kummissjoni)

https://publications.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/2fcd5481-ac79-4e8f-9aaa-ed88a38444db

(3)  L-Artikolu 23 tal-RED (l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fit-tisħin u t-tkessiħ) jistabbilixxi miri indikattivi u jirregola l-kontabbiltà tal-enerġija rinnovabbli u s-sħana jew il-kesħa residwa.

(4)  L-Artikolu 2(9) tal-RED.

(5)  F’dan l-Anness, “sħana u kesħa residwi” u “sħana u kesħa żejda” huma ttrattati bħala sinonimi. Fil-parti l-kbira tagħha, is-sħana residwa hija s-sħana li jifdal minn ċiklu termodinamiku li tkun emessa fl-ambjent sakemm ma tinqabadx u tiġi fornuta għal użu barra mill-post. Parti minnha tista’ tintuża barra mill-post jekk jinstab dissipatur tas-sħana xieraq. Din tista’ tiġi fornuta f’netwerk tas-sħana jew f’sit industrijali ieħor. Il-parti tas-sħana jew tal-kesħa residwa li tiġi distribwita permezz ta’ sistema distrettwali tista’ tiġi rrapportata għall-finijiet tal-punt 2(c) fl-Anness VIII tal-EED.


ANNESS V

ANALIŻI FINANZJARJA U EKONOMIKA TAL-KOSTIJIET U L-BENEFIĊĊJI

1.   Deskrizzjoni

CBA hija approċċ analitiku essenzjali biex tiġi vvalutata l-bidla fil-benessri attribwibbli għal deċiżjoni ta’ investiment. Din tinvolvi li jiġu vvalutati l-bidliet fil-kostijiet u l-benefiċċji bejn xenarju bażi u xenarju alternattiv. Imbagħad, ir-riżultati għandhom jiġu integrati f’qafas komuni biex jitqabblu maż-żmien u jitnisslu konklużjonijiet dwar il-profitabbiltà tagħhom.

Skont l-Anness VIII tal-EED, is-CBA għandha tinkludi:

analiżi ekonomika – din tqis fatturi soċjoekonomiċi u ambjentali u tkopri l-bidliet fil-benessri tas-soċjetà kollha kemm hi (jiġifieri l-livell ta’ prosperità u l-istandard tal-għajxien), li jistgħu jiġu marbuta mal-benessri. B’mod ġenerali, analiżi ekonomika ntużat biex tappoġġa t-tfassil tal-politika; u

analiżi finanzjarja – din tieħu perspettiva ta’ investitur privat, billi tuża l-approċċ tal-fluss tal-flus konvenzjonali u skontat biex tivvaluta r-redditi netti.

Il-fatt li titwettaq analiżi miż-żewġ perspettivi jagħmilha possibbli biex jiġu identifikati l-oqsma li fihom il-politika tista’ telimina d-distakki bejn il-ħtieġa tas-soċjetà u l-vijabbiltà/l-adegwatezza finanzjarja ta’ inizjattiva. Imbagħad, dawk li jfasslu l-politika jadottaw miżuri biex jappoġġjaw jew jippromwovu (eż. permezz ta’ obbligi, inċentivi ekonomiċi, eċċ.) inizjattiva u jeliminaw mekkaniżmi ta’ appoġġ meta l-evalwazzjoni turi li mhumiex iġġustifikati f’termini soċjali.

Is-CBA hija bbażata fuq analiżi dwar il-fluss tal-flus skontat, fejn l-analista:

jiddetermina x-xenarju bażi u alternattiv għal kull konfini tas-sistema tal-enerġija;

jikkwantifika u jwettaq monetizzazzjoni tal-kostijiet u l-benefiċċji rispettivi tagħhom (billi jqis ukoll id-distribuzzjoni tal-kostijiet u l-benefiċċji matul il-perjodu taż-żmien tal-analiżi); u

jivvaluta l-bidliet bejn il-linja bażi u kull xenarju alternattiv.

Ladarba tinġabar informazzjoni dwar il-kostijiet totali u l-benefiċċji totali, il-kriterji tal-evalwazzjoni (f’dan il-każ, l-NPV) jintużaw biex jiġi vvalutat ir-redditu fuq id-diversi xenarji alternattivi.

2.   Analiżi finanzjarja

L-analiżi finanzjarja għandha tqis:

il-flussi tal-flus eżoġeni u endoġeni biss; l-entrati kontabilistiċi li ma jikkorrispondux għall-flussi attwali (jiġifieri deprezzament, riżervi, eċċ.) jiġu injorati;

prezzijiet (reali) kostanti ffissati f’sena bażi jew prezzijiet (nominali) kurrenti, sabiex jitnaqqsu l-inċertezza u l-kumplessità;

indiċi tal-prezzijiet għall-konsumatur (CPI) ta’ tbassir;

VAT fuq il-kostijiet u d-dħul (sakemm din tista’ tiġi rkuprata mill-promotur tal-proġett); u

taxxi diretti fuq il-prezzijiet tal-inputs (jiġifieri l-elettriku, il-manodopera, eċċ.).

Il-benefiċċji li għandhom jiġu inklużi huma:

id-dħul mill-bejgħ tal-enerġija;

id-sussidji; u

l-valuri residwi.

Il-kostijiet għandhom jinkludu:

il-kostijiet kapitali tat-teknoloġija tat-tisħin u t-tkessiħ;

il-kostijiet tal-operat u tal-manutenzjoni tagħha; u

l-kostijiet tas-CO2.

Rata ta’ skont finanzjarju (FDR) tintuża biex jiġi rifless il-kost tal-għażla tal-kapital, jiġifieri r-redditu potenzjali li jirriżulta meta jiġi investit l-istess kapital fi proġett alternattiv. Bħala indikatur tal-perċezzjoni tar-riskju, dan jista’ jvarja skont il-perspettiva ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u bejn it-teknoloġiji (ara t-taqsima 4).

3.   Analiżi ekonomika

L-analiżi ekonomika għandha tinkludi mill-inqas il-kostijiet u l-benefiċċji tal-punt 8(b) tal-Anness VIII tal-EED, fosthom

il-valur tal-output lill-konsumatur;

il-kostijiet tal-kapital tal-impjanti;

it-tagħmir u n-netwerks tal-enerġija assoċjati;

il-kostijiet varjabbli u fissi tat-tħaddim; u

l-kostijiet tal-enerġija.

Il-potenzjal ekonomiku huwa subsett ta’ potenzjal tekniku li huwa ekonomikament kosteffikaċi meta mqabbel ma’ riżorsi tal-enerġija konvenzjonali tan-naħa tal-provvista. Ix-xenarji alternattivi huma mibnija biex jittestjaw l-effetti li jiġi sfruttat il-potenzjal ta’ diversi soluzzjonijiet tekniċi biex tiġi koperta d-domanda għas-sħana. Dawk il-partijiet tal-potenzjal li jipprovdu NPV pożittiv meta mqabbla max-xenarju bażi jindikaw kosteffettività u għalhekk jikkostitwixxu l-potenzjal ekonomiku ta’ dik it-teknoloġija.

Għal xenarji alternattivi b’riżultati simili, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2, iffrankar tal-enerġija primarja jew indikaturi ewlenin oħra jistgħu jintużaw bħala kriterji addizzjonali biex jiġi appoġġat it-teħid tad-deċiżjonijiet. Ladarba l-aktar soluzzjonijiet kosteffiċjenti jiġu identifikati fil-livell tal-konfini tas-sistema, dawn jistgħu jiġu aggregati biex jiġi ddeterminat l-aktar potenzjal kosteffettiv fil-livell nazzjonali.

Ir-rata ta’ skont soċjali (SDR) li tintuża għall-analiżi ekonomika tirrifletti l-perspettiva tas-soċjetà fir-rigward ta’ kif il-benefiċċji u l-kostijiet futuri għandhom jiġu stmati meta mqabbla ma’ dawk preżenti (ara t-taqsima 4).

Għalkemm l-analiżi ekonomika ssegwi l-istess rotta bħall-analiżi finanzjarja, hemm għadd ta’ differenzi importanti ħafna; b’mod partikolari, f’analiżi ekonomika:

għandhom jiġu applikati korrezzjonijiet fiskali, peress li qed nittrattaw primarjament trasferimenti bejn l-aġenti fi ħdan l-ekonomija li ma jirriflettux l-impatti reali fuq il-benessri ekonomiku;

il-prezzijiet tal-inputs (inkluża l-manodopera) ma jinkludux taxxi diretti;

is-sussidji mhumiex inklużi, minħabba li dawn huma trasferimenti bejn l-aġenti u ma jaffettwawx il-benessri ekonomiku tas-soċjetà kollha kemm hi;

it-trasferimenti tal-ġid mill-kontribwenti lill-kumpaniji u l-impatti relatati fuq is-soċjetà u l-benessri huma ta’ piż għas-soċjetà u għandhom jiġu kkunsidrati; u

l-esternalitajiet u l-impatti fuq il-benessri tas-soċjetà għandhom jiġu stmati (1); l-esternalitajiet ewlenin li għandhom jitqiesu huma:

o l-impatt fuq l-ambjent u s-saħħa tal-kombustjoni tal-fjuwils; u

o l-impatt makroekonomiku tal-investiment fis-sistema tal-enerġija.

4.   Rati ta’ skont finanzjarju u soċjali

L-istima tal-NPV tirrikjedi li tintuża “rata ta’ skont”, parametru li jirrifletti l-valur għas-soċjetà ta’ kostijiet u benefiċċji futuri, meta mqabbla ma’ dawk preżenti. Ir-rati ta’ skont jintużaw biex il-kostijiet u l-benefiċċji futuri jiġu kkonvertiti fil-valur preżenti tagħhom, filwaqt li jippermettu li jsir tqabbil tul iż-żmien.

Jintużaw żewġ rati ta’ skont:

rata ta’ skont finanzjarju (FDR) – din tintuża f’analiżi finanzjarja biex jiġi rifless il-kost tal-għażla tal-kapital, jiġifieri r-redditu potenzjali li seta’ jinkiseb kieku ġie investit l-istess kapital fi proġett alternattiv. Din tista’ tvarja skont:

il-perspettiva ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet – partijiet ikkonċernati differenti (eż. industriji, intrapriżi tas-servizzi u sidien tad-djar) jista’ jkollhom aspettattivi u kostijiet tal-għażla differenti fir-rigward tal-kapital disponibbli tagħhom; u

t-teknoloġija, minħabba li hija indikatur tal-perċezzjoni tar-riskju; u

rata ta’ skont soċjali (SDR) – din tintuża fl-analiżi ekonomika biex tirrifletti l-perspettiva tas-soċjetà fir-rigward ta’ kif il-benefiċċji u l-kostijiet futuri għandhom jiġu stmati meta mqabbla ma’ dawk preżenti.

Għall-perjodu tal-programmazzjoni 2014-2020, il-Kummissjoni (2) tissuġġerixxi li jintużaw żewġ SDRs ta’ punti ta’ riferiment: 5 % għall-pajjiżi ta’ koeżjoni u 3 % għall-oħrajn. Din tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jipprovdu l-punti ta’ riferiment tagħhom stess għall-SDR. Dawk l-Istati Membri li għandhom il-valuri tagħhom stess jistgħu jużawhom għas-CBA; dawk li m’għandhomx jistgħu jużaw il-valuri ta’ referenza. Peress li dawn huma previsti għall-2014-2020, l-impatt ta’ bidla potenzjali fl-SDR ta’ wara l-2020 jista’ jiġi analizzat fl-analiżi tas-sensittività.


(1)  Dawn ma jiġux ikkunsidrati fl-analiżi finanzjarja, peress li ma jiġġenerawx fluss tal-flus reali għall-investituri.

(2)  Gwida għall-analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji tal-proġetti ta’ investiment;

https://ec.europa.eu/inea/sites/inea/files/cba_guide_cohesion_policy.pdf


ANNESS VI

L-ISPEJJEŻ ESTERNI TAL-ANALIŻI TAL-KOSTIJIET U L-BENEFIĊĊJI

1.   Deskrizzjoni

Il-produzzjoni tal-enerġija għandha firxa ta’ impatti ambjentali relatati mat-tniġġis, l-użu tal-art u l-konsum tar-riżorsi (eż. il-fjuwil, l-ilma); dawn jaffettwaw il-benessri tas-soċjetà. Hemm diversi metodi biex jiġi stmat il-valur monetarju tal-impatti ambjentali sabiex jiġu kkunsidrati fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet (1) (2).

2.   Il-valutazzjoni tal-valur ambjentali

Il-valutazzjoni tal-valur ambjentali tagħmel użu intensiv minn data u riżorsi. Din tista’ tiġi ffaċilitata mill-użu ta’ bażijiet tad-data li jipprovdu “fatturi ta’ ħsara ambjentali” li jinkludu informazzjoni dwar il-ħsara ambjentali kkawżata, pereżempju, minn kull unità addizzjonali ta’ enerġija prodotta permezz ta’ ċerta teknoloġija.

Dawn il-fatturi jistgħu jintużaw biex jiġi vvalutat l-impatt fuq is-saħħa u l-ambjent f’kull xenarju. Meta dawn ikunu espressi għal kull unità addizzjonali ta’ enerġija prodotta, il-ħsara ambjentali tax-xenarju tirriżulta mill-multiplikazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija minn teknoloġija partikolari b’fattur ta’ ħsara għal kull unità ta’ enerġija prodotta minn dik it-teknoloġija, kif ġej:

Formula

fejn:

[ENVy,t ] Scen. hija l-ħsara ambjentali assoċjata mal-enerġija prodotta mit-teknoloġija y, fis-sena t, f’xenarju speċifiku [EUR];

[Ey,t ] Scen. hija l-enerġija prodotta mit-teknoloġija y, fis-sena t, f’xenarju wieħed [MWh]; u

DFy hija l-ħsara ambjentali għal kull unità ta’ enerġija prodotta mit-teknoloġija y [EUR/MWh].

Il-ħsara ambjentali f’xenarju fi kwalunkwe sena partikolari se tkun is-somma ta’ dak iġġenerat mill-produzzjoni mit-teknoloġiji kollha li jintużaw f’dak ix-xenarju f’dik is-sena:

Formula

Aktar informazzjoni tista’ tinstab f’rapporti li jipprovdu fatturi ta’ ħsara ambjentali għall-kategoriji tal-impatt ambjentali li ġejjin: it-tibdil fil-klima, it-tnaqqis fl-ożonu, l-aċidifikazzjoni terrestri, l-ewtrofikazzjoni tal-ilma ħelu, it-tossiċità fil-konfront tal-bniedem, formazzjoni ta’ materja partikolata, l-okkupazzjoni ta’ art agrikola, l-okkupazzjoni ta’ art urbana, it-tnaqqis tar-riżorsi tal-enerġija, eċċ.

Dawn il-valuri jistgħu jvarjaw maż-żmien minħabba tibdil f’parametri differenti (eż. id-densità tal-popolazzjoni, it-tagħbija tat-tniġġis ġenerali tal-atmosfera). L-impatt ta’ tali tibdil jista’ għalhekk jiġi vvalutat bħala parti mill-analiżi tas-sensittività.

Il-modifiki fid-disinn tat-teknoloġiji u l-fatturi speċifiċi għall-pajjiżi bħat-taħlita tal-enerġija se jkollhom ukoll impatt fuq il-kostijiet ambjentali esterni (3) (4).

L-analiżi finanzjarja tqis il-kostijiet tal-emissjonijiet tas-CO2 minn installazzjonijiet koperti mis-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS), peress li dawn ġew internalizzati fil-prezzijiet tas-suq għas-CO2. Il-valutazzjoni tal-impatt tat-tibdil fil-klima jista’ jkun ibbażat fuq approċċ tal-kost tal-ħsara li jipprovdi valuri ogħla għal kull tunnellata ta’ emissjonijiet.

Irrispettivament mill-approċċ li jintuża, meta ssir l-analiżi ekonomika minflok dik finanzjarja, il-kostijiet tal-emissjonijiet tas-CO2 għandhom jitneħħew biex jiġi evitat l-għadd doppju.

2.1   Eżempji

Meta jiġi vvalutat l-impatt ambjentali tal-kapaċità CHP addizzjonali fix-xenarju alternattiv, għandu jitqies l-effett ambjentali tal-bidliet fil-produzzjoni tal-elettriku:

il-kostruzzjoni ta’ impjanti CHP ġodda – l-impatt taż-żewġ prodotti tal-enerġija li jinkisbu bħala output (is-sħana u l-elettriku) għandu jiġi kkunsidrat (billi jintużaw il-fatturi ta’ ħsara). Barra minn hekk, għandhom jitqiesu l-kostijiet tal-ħsara ambjentali evitata li jirriżultaw mill-produzzjoni tal-istess ammont ta’ elettriku u sħana permezz ta’ teknoloġija oħra;

il-konverżjoni tal-impjanti tal-enerġija eżistenti f’CHP – jista’ jiġi preżunt li l-konsum tal-fjuwil tal-impjanti u l-impatt ambjentali tagħhom fir-rigward tax-xenarju bażi se jibqa’ kostanti, u għalhekk mhuwiex meħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni. Għandu jiġi vvalutat biss l-impatt ambjentali tal-elettriku addizzjonali li għandu jiġi fornut permezz ta’ teknoloġija oħra.

3.   Esternalitajiet fuq il-benessri tas-soċjetà

Huwa meħtieġ li jiġu stmati l-esternalitajiet u l-impatti pożittivi u negattivi fuq il-benessri tas-soċjetà. Dawn ma jitqisux fl-analiżi finanzjarja peress li ma jiġġenerawx fluss tal-flus reali għall-investituri. L-esternalitajiet ewlenin f’termini kemm tal-kostijiet kif ukoll tal-benefiċċji jinkludu:

il-kwalità tal-arja u l-impatti fuq is-saħħa;

is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fil-konfront tal-konsumaturi, jekk ma tiġix internalizzata permezz ta’ mekkaniżmi tas-suq (eż. il-valur tal-flessibbiltà, it-tariffi tal-grilja);

l-investimenti u/jew l-iffrankar fl-infrastruttura tal-enerġija;

l-ekonomija ċirkolari u l-effiċjenza fir-riżorsi;

impatti ambjentali usa’;

il-kompetittività industrijali permezz ta’ effiċjenza fl-enerġija akbar fit-tisħin u t-tkessiħ; u

it-tkabbir u l-impjiegi.


(1)  Gwida għall-analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji tal-proġetti ta’ investiment;

https://ec.europa.eu/inea/sites/inea/files/cba_guide_cohesion_policy.pdf

(2)  Zvingilaite, E., Esternalitajiet tas-saħħa u ffrankar tas-sħana fl-immudellar tas-sistema tal-enerġija (Kgs. Lyngby, DTU, 2013).

(3)  Proġett ExternE-Pol tal-Kummissjoni Ewropea

(4)  Is-sussidji u l-kostijiet tal-enerġija tal-UE – rapport finali (Ecofys, 2014).


ANNESS VII

MUDELL TA’ RAPPORTAR VOLONTARJU GĦALL-VALUTAZZJONIJIET KOMPRENSIVI TAL-POTENZJAL TAL-EFFIĊJENZA GĦAT-TISĦIN U T-TKESSIĦ

Il-formoli li ġejjin huma disponibbli fuq is-sit web Europa tad-DĠ ENER (https://ec.europa.eu/energy/en/topics/energy-efficiency/heating-and-cooling) u fuq talba lil ENER-EED-REPORTING@ec.europa.eu.

Image 2 Image 3 Image 4 Image 5 Image 6 Image 7 Image 8 Image 9

Top