Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019H0905(15)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2019 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Litwanja għall-2019 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Litwanja għall-2019

    ST/10168/2019/INIT

    ĠU C 301, 5.9.2019, p. 91–96 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.9.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 301/91


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tad-9 ta’ Lulju 2019

    dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Litwanja għall-2019 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Litwanja għall-2019

    (2019/C 301/15)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)

    Fil-21 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2019 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet debitament inkunsiderazzjoni l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fil-21 ta’ Marzu 2019. Fil-21 ta’ Novembru 2018, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih ma identifikatx lil-Litwanja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess jum, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fil-21 ta’ Marzu 2019. Fid-9 ta’ April 2019, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (3) (“Rakkomandazzjoni tal-2019 għaż-żona tal-euro”), li tistabbilixxi ħames rakkomandazzjonijiet għaż-żona tal-euro (“ir-rakkomandazzjonijiet għaż-żona tal-euro”).

    (2)

    Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, jenħtieġ li l-Litwanja tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-Rakkomandazzjoni tal-2019 għaż-żona tal-euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet (2) u (3) hawn taħt. B’mod partikolari, il-miżuri tal-investiment jindirizzaw it-tieni rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro rigward is-sostenn tal-investiment u l-miżuri tal-edukazzjoni jindirizzaw it-tielet rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro rigward il-funzjonament tas-suq tax-xogħol.

    (3)

    Ir-rapport tal-2019 speċifiku għal-Litwanja ġie ppubblikat fis-27 ta’ Frar 2019. Dan ivvaluta l-progress tal-Litwanja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-13 ta’ Lulju 2018 (4), is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Litwanja lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020.

    (4)

    Il-Litwanja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2019 fl-10 ta’ Mejju 2019 u l-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2019 fit-30 ta’ April 2019. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

    (5)

    Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li huma rilevanti ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (“Fondi SIE”) għall-perijodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), il-Kummissjoni tista’ titlob Stat Membru biex jirrieżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta’ Sħubija u għall-programmi rilevanti tiegħu, fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill. Il-Kummissjoni pprovdiet dettalji addizzjonali dwar kif tista’ tagħmel użu minn din id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma’ governanza ekonomika tajba.

    (6)

    Il-Litwanja bħalissa tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu għall-2019, il-gvern qiegħed jippjana li jikseb surplus nominali ta’ 0,4 % tal-prodott domestiku gross (PDG) fl-2019 u 0,2 % tal-PDG fl-2020, qabel ma huwa mistenni li jkompli jonqos għal 0,1 % tal-PDG fl-2021. Fuq il-bażi tal-bilanċ strutturali kkalkulat mill-ġdid (6), l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju, stabbilit b’defiċit strutturali ta’ 1 % tal-PDG, qed jiġi ssuperat matul il-perijodu kollu tal-programm. Fl-2017 il-Litwanja ngħatat ukoll devjazzjoni temporanja b’rabta mal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali. Din id-devjazzjoni hija riportata għal perijodu ta’ tliet snin. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà għall-2019, id-dejn tal-gvern ġenerali bħala proporzjon tal-PDG mistenni jinżel minn 34,2 % tal-PDG fl-2018 għal 32,9 % fl-2022. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-proġezzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli. Fl-istess ħin, il-miżuri meħtieġa biex isostnu l-miri ppjanati fir-rigward tas-surplus mill-2020 ’il quddiem ma ġewx speċifikati biżżejjed. Fuq il-bażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa għall-2019, il-bilanċ strutturali mistenni jirreġistra defiċit ta’ 1 % tal-PDG fl-2019 u 0,9 % tal-PDG fl-2020, f’konformità mal-objettiv baġitarju ta’ terminu medju. Fl-istess ħin, l-iżviluppi fin-nefqa jenħtieġ li jiġu mmonitorjati bir-reqqa fuq terminu ta’ żmien qasir kif ukoll medju, speċjalment minħabba r-riskji futuri possibbli marbutin mas-saħħa tad-dħul. Kollox ma’ kollox, il-Kunsill huwa tal-fehma li l-Litwanja mistennija tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir kemm fl-2019 kif ukoll fl-2020.

    (7)

    F’Ġunju 2018, il-gvern adotta ġabra ta’ atti leġislattivi biex jimplimenta pakkett komprensiv ta’ sitt riformi strutturali li jkopru dawn l-oqsma ewlenin li ġejjin: l-edukazzjoni, is-saħħa, it-tassazzjoni, l-ekonomija informali, il-pensjonijiet u l-innovazzjoni.

    (8)

    Il-Litwanja kompliet tieħu miżuri biex tiġġieled l-ekonomija sotterranja u ttejjeb il-konformità mar-regoli tat-taxxa. Filwaqt li dawn il-miżuri wrew riżultati pożittivi, b’mod ġenerali l-konformità mar-regoli tat-taxxa għadha baxxa. Il-Litwanja għad għandha waħda mill-ikbar diskrepanzi tal-VAT fl-Unjoni. Jekk il-konformità mar-regoli tat-taxxa tkompli tiżdied, id-dħul mit-taxxa jiżdied u s-sistema fiskali tkun iktar ġusta. Ma ttieħdu l-ebda miżuri biex il-bażi taxxabbli tiġi estiża għal sorsi li huma inqas detrimentali għat-tkabbir. It-taxxi ambjentali u fuq il-proprjetà għadhom taħt il-medja tal-Unjoni u ma hemm l-ebda bidliet ippjanati fir-rigward tat-taxxa fuq il-karozzi jew tat-taxxa fuq l-użu tat-triq għal passiġġieri privati.

    (9)

    Sa mill-2018, il-pensjonijiet pubbliċi qed jiġu aġġustati awtomatikament għaż-żieda fil-pagi. Dan mistenni jnaqqas in-nefqa fuq il-pensjonijiet pubbliċi minn 6,9 % tal-PDG fl-2016 għal 5,2 % fl-2070. Madankollu, minħabba li l-livell ta’ okkupazzjoni mistenni jonqos, l-adegwatezza tal-pensjonijiet x’aktarx tonqos għax il-benefiċċji tal-pensjoni ma jlaħħqux maż-żieda fil-pagi. Il-proporzjon tal-benefiċċju tal-pensjoni — li jirrifletti l-pensjoni medja f’relazzjoni mal-paga medja — mistenni jonqos b’mod kontinwu, filwaqt li dan il-livell diġà huwa wieħed mill-iktar baxxi fl-Unjoni. Il-leġislazzjoni preżenti tgħid li meta l-proporzjon tal-benefiċċju jonqos, il-gvern ikollu bżonn jipproponi miżuri korrettivi. Peress li hemm inċertezza dwar in-natura preċiża u l-mument ta’ tali miżuri futuri, dawn ma jitqisux fil-proġezzjonijiet tar-Rapport dwar l-Anzjanità tal-Popolazzjoni. Madankollu, dawn jirrappreżentaw riskju għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Jekk il-proporzjon tal-benefiċċji totali ma jinbidilx sal-2070, in-nefqa fuq il-pensjonijiet tiżdied għal 7 % tal-PDG minflok ma tonqos għal 5,2 % kif mistenni. B’hekk hemm inċertezza dwar kif il-leġislazzjoni tal-pensjoni ser tiġi applikata fil-prattika u x’ikunu l-konsegwenzi tagħha maż-żmien għas-sostenibbiltà fiskali u għall-adegwatezza tal-pensjonijiet.

    (10)

    Il-proporzjon għoli ta’ nies f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, flimkien ma’ inugwaljanza għolja fl-introjtu, għadhom sfidi ewlenin għal-Litwanja u jxekklu l-prospettivi tagħha ta’ tkabbir ekonomiku inklużiv. Minkejja tkabbir ekonomiku konsistenti, ħafna membri tas-soċjetà Litwana (eż. l-anzjani, il-persuni b’diżabilità, it-tfal, l-unitajiet domestiċi b’ġenitur waħdu u l-persuni qiegħda) jiffaċċjaw riskju partikularment għoli ta’ faqar u esklużjoni soċjali. Filwaqt li s-salvagwardja tal-protezzjoni soċjali tjiebet f’dawn l-aħħar snin, il-possibiltajiet ta’ korrezzjoni globali tas-sistema ta’ taxxa u benefiċċji Litwana u n-nefqa fuq il-protezzjoni soċjali bħala sehem mill-PDG għadhom fost l-iktar baxxi fl-Unjoni. Ittieħdu l-ewwel passi biex jiġi indirizzat il-livell għoli ta’ faqar u ta’ inugwaljanza fl-introjtu, fosthom l-introduzzjoni tal-“ammont tal-bżonnijiet minimi tal-konsum”, iż-żieda fil-benefiċċji tat-tfal universali u l-indiċjar tal-pensjonijiet tal-irtirar. Madankollu, il-livelli għoljin ta’ faqar u inugwaljanza li baqgħu għoljin b’mod persistenti juru li l-pajjiż għad fadallu ħafna biex jilħaq il-livelli medji ta’ sigurtà soċjali fl-Unjoni u li huwa meħtieġ l-investiment biex tiġi indirizzata l-esklużjoni soċjali. L-istrateġiji għall-inklużjoni attiva ta’ gruppi vulnerabbli huma iktar effettivi meta jkopru adegwatezza mtejba tal-introjtu minimu u tal-iskemi tal-pensjoni, l-attivazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-provvista mtejba ta’ servizzi soċjali, inkluż it-tħaris tat-tfal u l-akkomodazzjoni soċjali.

    (11)

    Is-suq tax-xogħol qiegħed jissikka b’riżultat tat-tkabbir ekonomiku, iżda wkoll minħabba żviluppi demografiċi negattivi, fosthom l-emigrazzjoni. Hemm bżonn investiment fil-kapital uman u aċċess imtejjeb għal kulħadd għas-suq tax-xogħol biex jittaffa l-effett tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol li qed tonqos. Fid-dawl tan-nuqqasijiet u tal-ispariġġi persistenti tal-ħiliet, huwa importanti li l-Litwanja tħaffef ir-riformi biex ittejjeb il-kwalità u l-effiċjenza fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, u tiżgura l-aċċess ugwali għall-edukazzjoni u għat-taħriġ inklużivi u ta’ kwalità. It-tnaqqis tal-popolazzjoni qed jitfa’ pressjoni fuq in-netwerk tal-iskejjel. Minħabba din il-bidla demografika, hemm bżonn strateġiji biex jiġi ppreservat l-aċċess għall-edukazzjoni ta’ kwalità għolja għal kulħadd u fl-istess waqt tiġi żgurata l-effiċjenza tan-netwerk tal-iskejjel kif ukoll biex jingħata appoġġ lill-għalliema milqutin mill-konsolidazzjoni tal-iskejjel. Għad fadal jittieħdu passi sinifikanti biex jiġi kkonsolidat in-netwerk tal-edukazzjoni għolja, li jkopri iktar minn 40 università u kulleġġ tal-Istat u privati. Il-fornituri tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali jeħtieġu jimmodernizzaw il-kurrikuli kif ukoll itejbu l-offerta tagħhom skont il-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol lokali u reġjonali. L-edukazzjoni għall-adulti effettiva u faċilment aċċessibbli kif ukoll miżuri ta’ taħriġ mill-ġdid u taħriġ ta’ aġġornament flimkien mal-provvista ta’ servizzi soċjali, kollha jistgħu jintroduċu iktar nies fis-suq tax-xogħol. Il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni għall-adulti għadha baxxa, u b’6,6 % fl-2018 hija ferm iktar baxxa mill-medja ta’ 11,1 % fl-Unjoni. L-ekonomija Litwana għandha l-potenzjal li tibbenefika mill-investiment fl-aġġornament tal-ħiliet, inkluż il-ħiliet diġitali, l-innovazzjoni u l-integrazzjoni mtejba tal-persuni żvantaġġati fis-suq tax-xogħol (pereżempju persuni b’diżabilità, kif ukoll persuni anzjani, qiegħda jew inattivi). F’kuntest usa’, it-tisħiħ tal-kapaċità tas-sħab soċjali huwa importanti biex jitrawwem l-involviment tagħhom.

    (12)

    Ir-riżultati ħżiena fil-qasam tas-saħħa u l-investiment baxx fil-provvista tal-kura tas-saħħa huma sfidi persistenti. Għad fadal potenzjal sinifikanti għal użu iktar effiċjenti tar-riżorsi, billi tkompli ssir it-transizzjoni minn kura stazzjonarja għal waħda ambulatorja. L-użu tas-servizzi tal-isptar għadu għoli, b’rati għoljin ta’ ammissjonijiet fl-isptarijiet minħabba mard kroniku filwaqt li r-rati tal-okkupazzjoni tas-sodod huma relattivament baxxi. Sabiex ikun hemm titjib fl-effiċjenza u jitjiebu r-riżultati fil-qasam tas-saħħa, hemm bżonn li r-riżorsi tal-isptarijiet jintużaw b’mod iktar razzjonali, flimkien ma’ investimenti mmirati biex jissaħħu s-servizzi tal-kura tas-saħħa primarja, inkluż fil-forza tax-xogħol tal-kura tas-saħħa. Il-kwalità tal-kura għadha waħda mir-raġunijiet ewlenin għar-riżultati ħżiena fil-qasam tas-saħħa. Il-miżuri biex titjieb il-kwalità tal-kura huma fframmentati, filwaqt li l-akkreditazzjoni fil-qasam tal-kura primarja hija baxxa ħafna u s-sistema tal-akkreditazzjoni mhijiex tiġi applikata biżżejjed fl-isptarijiet. L-investiment f’miżuri għall-prevenzjoni tal-mard huwa partikularment baxx. Barra minn hekk, il-passi meħuda biex jissaħħu l-miżuri għall-prevenzjoni tal-mard f’livell lokali ma għandhomx viżjoni globali u huma mxekkla min-nuqqas ta’ kooperazzjoni sistemika bejn l-uffiċċji tas-saħħa pubblika u l-kura tas-saħħa primarja. Fl-aħħar nett, il-livelli baxxi ta’ nfiq għas-saħħa flimkien ma’ pagamenti informali relattivament għoljin u ħlas addizzjonali għoli għandhom implikazzjonijiet negattivi fuq l-ugwaljanza tal-aċċess għall-kura tas-saħħa.

    (13)

    Fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni ttieħdu xi miżuri, iżda għadu ma jeżistix reġistru integrat tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi. Il-leġislazzjoni li timplimenta l-liġi għall-protezzjoni tal-informaturi ġiet adottata fl-2018, u qed tiġi diskussa liġi ġdida li tirregola l-lobbying. Għadhom jeżistu irregolaritajiet fl-indirizzar tal-korruzzjoni fis-sistema tal-kura tas-saħħa.

    (14)

    Fil-Litwanja l-investiment bħala sehem mill-PDG għadu taħt il-medja tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Baltiċi. Fil-Litwanja, il-livell tal-innovazzjoni u l-kapaċità tan-negozji biex jassorbu t-teknoloġiji huma baxxi. Hemm bżonn isir iktar investiment fir-riċerka u fl-innovazzjoni, speċjalment fis-settur privat. Dan jagħti spinta lill-produttività li, minkejja żieda reċenti, għadha ferm iktar baxxa minn dik fl-Unjoni. In-nuqqas ta’ speċjalisti tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni jindika l-ħtieġa li jsir investiment fil-ħiliet diġitali li jsostnu l-kompetittività, l-innovazzjoni u l-kapaċità tal-Litwanja biex tassorbi t-teknoloġiji, u li trawwem it-transizzjoni lejn ekonomija iktar ibbażata fuq l-għarfien u b’iktar valur miżjud.

    (15)

    L-ekonomija tagħmel użu relattivament għoli mir-riżorsi, u hemm dipendenza għolja fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija u tal-materjali. Il-produttività tar-riżorsi hija baxxa filwaqt li l-konsum tal-enerġija huwa għoli, speċjalment fis-settur residenzjali u tat-trasport. Jekk isir iktar investiment fl-effiċjenza enerġetika, b’mod partikolari fis-settur tal-bini u fil-ġenerazzjoni tal-enerġija domestika minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, l-ekonomija tkun tista’ ssir iktar ekoloġika u timxi f’direzzjoni ta’ tkabbir ekonomiku iktar sostenibbli, filwaqt li tonqos id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija.

    (16)

    Fit-trasport ferrovjarju, bit-triq, marittimu u tal-ajru, il-Litwanja għadha tbati minn aċċessibbiltà internazzjonali baxxa u trid tiġi integrata iktar mal-bqija tal-Ewropa. Permezz tal-konnettività tat-trasport imtejba tkun tista’ żżid il-produttività tal-ekonomija u tkun tista’ tgawdi mill-vantaġġi kollha tas-suq intern. Il-prestazzjoni tas-settur tat-trasport hija ferm iktar baxxa mill-medja tal-Unjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-firxa tan-netwerks tat-toroq u tal-binarji tat-TEN-T, mal-investiment fir-riċerka u fl-innovazzjoni fis-settur tat-trasport, mal-aspetti tas-sostenibbiltà u mas-sikurezza fit-toroq. It-traffiku ferrovjarju huwa ddominat minn flussi Lvant-Punent, filwaqt li l-assi Tramuntana-Nofsinhar għadu sottożviluppat. B’hekk huma meħtieġa investimenti sinifikanti biex jiġi żviluppat netwerk TEN-T li jkun sostenibbli, reżistenti għat-tibdil fil-klima, intelliġenti, sigur, intermodali u aċċessibbli, kif ukoll biex tiġi promossa l-mobbiltà urbana sostenibbli. Barra minn hekk, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport bit-triq żdiedu sostanzjalment matul dawn l-aħħar ħames snin. Is-sinkronizzazzjoni tas-sistema tal-elettriku tal-Litwanja man-netwerk kontinentali Ewropew hija essenzjali biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fir-reġjun sħiħ tal-Baltiku.

    (17)

    Id-differenzi reġjonali fil-Litwanja huma ikbar mill-medja fl-Unjoni u komplew jikbru fl-aħħar għoxrin sena. Il-benefiċċji tal-konverġenza ekonomika rapida tal-Litwanja qed jinħassu l-iktar fiż-żewġ żoni metropolitani. Iż-żoni li huma b’mod predominanti rurali, u li jkopru l-biċċa l-kbira tat-territorju u li fihom jgħixu kważi 55 % tal-popolazzjoni, qed jesperjenzaw depopolazzjoni qawwija, li qed tinħass iktar minħabba inqas aċċess għal servizzi pubbliċi ta’ kwalità. Id-differenzi soċjoekonomiċi sinifikanti fil-pajjiż juru li ċerti reġjuni għandhom bżonn investimenti speċifiċi. Iż-żieda fil-konnessjonijiet bejn territorji biswit xulxin fil-Litwanja, inkluż il-konnessjoni diġitali u bit-trasport, għadha tirrappreżenta sfida.

    (18)

    L-awtoritajiet Litwani aġġornaw ir-regoli għat-tħejjija u għall-għażla tal-proġetti tal-investiment iffinanzjati mill-baġit tal-Istat sabiex titjieb l-effiċjenza tal-investiment pubbliku. Sa mill-2018 jenħtieġ li l-proġetti tal-investiment ġodda kollha jiġu skrutinizzati b’analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji u jissodisfaw kriterji tal-għażla addizzjonali. Filwaqt li dan huwa pass importanti, jeħtieġ li jsir iktar biex jinkiseb l-impatt massimu tal-investiment pubbliku fuq iż-żieda tal-potenzjal tat-tkabbir ta’ terminu twil u fuq l-indirizzar tad-differenzi reġjonali li qed jikbru. L-awtoritajiet bdew jirrevedu s-sistema Statali tal-ippjanar tal-baġit bil-għan li jtawwlu l-orizzont temporali għall-ippjanar tal-baġit u biex in-nefqa tkun iktar adattata għall-miri ekonomiċi globali. Huwa kruċjali li jiġi żgurat li s-sistema l-ġdida għall-ippjanar tal-investiment strateġiku tkun lesta għall-proċess tal-ippjanar tal-baġit ta’ 2021-2023 u għall-bidu taċ-ċiklu l-ġdid tal-finanzjament mill-Unjoni fl-2021.

    (19)

    Il-Litwanja ma għandhiex strateġija unika għar-riċerka u għall-innovazzjoni. Il-miżuri huma fframmentati, u jeżistu għadd ta’ skemi ta’ sostenn li ma għandhomx sinerġiji. Jeżistu diversi aġenziji tal-implimentazzjoni li ma jiftehmux bejniethom fis-sostenn tat-taħlita ta’ politiki fil-qasam tar-riċerka u tal-innovazzjoni, u dan jikkontribwixxi għal sistema ta’ governanza kumplessa li tidher li tirrestrinġi l-aċċess tal-utenti għall-bosta strumenti disponibbli. Dan huwa partikolarment detrimentali għall-kooperazzjoni bejn ix-xjenza u n-negozji u jxekkel l-attività innovattiva. Id-diviżjoni l-ġdida tar-responsabbiltà għall-politika tar-riċerka u tal-innovazzjoni bejn il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Innovazzjoni u l-Ministeru għall-Edukazzjoni u għax-Xjenza għadha ma tipprovdix lill-benefiċjarji potenzjali qafas ta’ politika koerenti bi skemi ta’ sostenn sinerġetiċi, kif kien jiġri f’każ ta’ one-stop shop.

    (20)

    L-ipprogrammar tal-fondi tal-Unjoni għall-perijodu 2021-2027 jista’ jgħin biex jiġu indirizzati xi wħud mil-lakuni identifikati fir-rakkomandazzjonijiet, b’mod partikolari fl-oqsma koperti mill-Anness D tar-rapport tal-pajjiż għall-2019. B’hekk il-Litwanja tkun tista’ tagħmel l-aħjar użu minn dawn il-fondi fir-rigward tas-setturi identifikati, filwaqt li tqis id-differenzi reġjonali.

    (21)

    Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew għall-2019, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Litwanja u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż għall-2019. Barra minn hekk ivvalutat il-Programm ta’ Stabbiltà għall-2019, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għall-2019, kif ukoll l-azzjoni li ttieħdet wara r-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil-Litwanja fis-snin preċedenti. Il-Kummissjoni mhux biss ħadet kont tar-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Litwanja, iżda wkoll tal-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li l-governanza ekonomika globali tal-Unjoni tissaħħaħ billi jingħata input f’livell tal-Unjoni dwar deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

    (22)

    Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà għall-2019 u huwa tal-fehma (7) li l-Litwanja mistennija tikkonforma mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir,

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li fl-2019 u fl-2020 il-Litwanja tieħu azzjoni biex:

    1.   

    Ittejjeb il-konformità mar-regoli tat-taxxa u twessa’ l-bażi taxxabbli għal sorsi li huma inqas detrimentali għat-tkabbir. Tindirizza l-inugwaljanza fl-introjtu, il-faqar u l-esklużjoni soċjali, inkluż billi ttejjeb it-tifsila tas-sistema ta’ taxxa u benefiċċji.

    2.   

    Ittejjeb il-kwalità u l-effiċjenza fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, inkluża l-edukazzjoni għall-adulti. Iżżid il-kwalità, l-affordabilità u l-effiċjenza tas-sistema tal-kura tas-saħħa.

    3.   

    Tiffoka l-politika ekonomika relatata mal-investiment fuq l-innovazzjoni, l-enerġija u l-effiċjenza fir-riżorsi, it-trasport sostenibbli u l-interkonnessjonijiet tal-enerġija, filwaqt li tqis id-differenzi reġjonali. Tistimola t-tkabbir tal-produttività billi ttejjeb l-effiċjenza tal-investiment pubbliku. Tiżviluppa qafas ta’ politika koerenti biex issostni l-kooperazzjoni bejn ix-xjenza u n-negozji u tikkonsolida l-aġenziji tal-implimentazzjoni fil-qasam tar-riċerka u tal-innovazzjoni.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2019.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. LINTILÄ


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

    (3)  ĠU C 136, 12.4.2019, p. 1.

    (4)  ĠU C 320, 10.9.2018, p. 64.

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

    (6)  Il-bilanċ nett aġġustat b’mod ċikliku ta’ miżuri ta’ darba u temporanji, kif ikkalkulat mill-ġdid mill-Kummissjoni bl-użu tal-metodoloġija maqbula b’mod komuni.

    (7)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


    Top