Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D1989

    Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/1989 tat-28 ta’ Novembru 2019 li taħtar lill-Kummissjoni Ewropea

    ST/34/2019/INIT

    ĠU L 308, 29.11.2019, p. 100–102 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1989/oj

    29.11.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 308/100


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL EWROPEW (UE) 2019/1989

    tat-28 ta’ Novembru 2019

    li taħtar lill-Kummissjoni Ewropea

    IL-KUNSILL EWROPEW,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 17(3) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(7) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-mandat tal-Kummissjoni maħtura permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2014/749/UE (1) ntemm fil-31 ta’ Ottubru 2019.

    (2)

    F’konformità mal-Artikolu 17(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), il-Kunsill Ewropew adotta d-Deċiżjoni 2013/272/UE (2) dwar in-numru ta’ membri tal-Kummissjoni Ewropea.

    (3)

    Kummissjoni ġdida, li tikkonsisti minn ċittadin wieħed ta’ kull Stat Membru, inkluż il-President tagħha u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, jenħtieġ li tinħatar sal-31 ta’ Ottubru 2024.

    (4)

    Il-Kunsill Ewropew innomina lis-Sinjura Ursula VON DER LEYEN bħala l-persuna proposta lill-Parlament Ewropew bħala President tal-Kummissjoni, u l-Parlament Ewropew ħatarha bħala President tal-Kummissjoni fis-Sessjoni Plenarja tiegħu tas-16 ta’ Lulju 2019.

    (5)

    Bid-Deċiżjoni (UE) 2019/1330 (3), il-Kunsill Ewropew, bil-qbil tal-President elett tal-Kummissjoni, ħatar lis-Sur Josep BORRELL FONTELLES bħala r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà għall-perijodu minn tmiem il-mandat attwali tal-Kummissjoni sal-31 ta’ Ottubru 2024.

    (6)

    Fid-19 ta’ Ottubru 2019, ir-Renju Unit ressaq talba għal estensjoni tal-perijodu previst fl-Artikolu 50(3) TUE sal-31 ta’ Jannar 2020. Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ottubru 2019, l-abbozz tat-test tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li testendi dak il-perijodu sad-data mitluba ntbagħat lir-Renju Unit għall-qbil tiegħu. Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ottubru 2019, ir-Renju Unit qabel, f’konformità mal-Artikolu 50(3) TUE, kemm mal-estensjoni kif ukoll mat-test tal-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew. Fid-29 ta’ Ottubru 2019, il-Kunsill Ewropew adotta dik id-Deċiżjoni (4).

    (7)

    Permezz tal-qbil mad-Deċiżjoni (UE) 2019/1810, ir-Renju Unit ikkonferma l-impenn tiegħu li jaġixxi b’mod kostruttiv u responsabbli matul il-perijodu tal-estensjoni skont id-dover tal-kooperazzjoni leali. Qabel ukoll li l-estensjoni ma setgħetx titħalla timmina l-funzjonament regolari tal-Unjoni u l-istituzzjonijiet tagħha. Fl-aħħar nett, peress li l-konsegwenza tal-estensjoni hi li, skont l-Artikolu 50 TUE, ir-Renju Unit jibqa’ Stat Membru bid-drittijiet u l-obbligi kollha sad-data tal-ħruġ, ir-Renju Unit qabel li dan jinkludi l-obbligu li jissuġġerixxi kandidat għal ħatra bħala membru tal-Kummissjoni. Madankollu, ir-Renju Unit ma ssuġġeriex kandidat għal Kummissarju.

    (8)

    Fis-6 ta’ Novembru 2019, il-President elett tal-Kummissjoni stiednet lir-Renju Unit biex jissuġġerixxi persuna waħda jew aktar li, minħabba l-kompetenza ġenerali, l-indipendenza u l-impenn Ewropew tagħha, tkun idonea biex issir membru tal-Kummissjoni li jmiss. Ir-Renju Unit ma weġibx għal dik l-ittra. Fit-12 ta’ Novembru 2019, il-President elett tal-Kummissjoni bagħtet it-tieni ittra bl-istess stedina, fejn fakkret fl-obbligi tar-Renju Unit taħt it-TUE, u d-Deċiżjoni (UE) 2019/1810. Fit-13 ta’ Novembru 2019, ir-Renju Unit wieġeb għaż-żewġ ittri u indika li r-Renju Unit ma kienx f’pożizzjoni li jissuġġerixxi kandidat għall-pożizzjoni ta’ Kummissarju minħabba l-elezzjoni ġenerali li kienet ser issir. Fl-14 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni tat bidu għal proċedimenti ta’ ksur kontra r-Renju Unit, wara li dan naqas li jissuġġerixxi kandidat għal Kummissarju, billi bagħtet ittra ta’ notifika formali lir-Renju Unit f’konformità mal-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). F’dik l-ittra, il-Kummissjoni fakkret li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, Stat Membru ma jistax jinvoka dispożizzjonijiet li jipprevalu fis-sistema legali domestika tiegħu biex jiġġustifika nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. L-awtoritajiet tar-Renju Unit kellhom sat-22 ta’ Novembru 2019 biex iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dik l-ittra ta’ notifika formali.

    (9)

    Il-Kunsill Ewropew jinnota li minkejja l-obbligi skont id-dritt tal-Unjoni li ġew imfakkra fid-Deċiżjoni (UE) 2019/1810 u li magħhom ir-Renju Unit qabel speċifikament, ir-Renju Unit ma ssuġġerixxa ebda kandidat għal membru tal-Kummissjoni. Ma jistax ikun li dan jimmina l-funzjonament regolari tal-Unjoni u l-istituzzjonijiet tagħha u għalhekk ma jistax jikkostitwixxi ostaklu għall-ħatra tal-Kummissjoni li jmiss sabiex din tibda teżerċita l-firxa sħiħa tas-setgħat tagħha skont it-Trattati mill-aktar fis possibbli. Il-Kunsill Ewropew jinnota li minkejja li b’dan qed jinħatru biss 27 persuna bħala Membri tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni hija magħmula, f’konformità mad-Deċiżjoni 2013/272/UE, minn numru ta’ Membri li huwa daqs in-numru ta’ Stati Membri. Huwa jinnota wkoll li wara li l-Kummissjoni tiġi maħtura, ser ikun japplika t-tieni paragrafu tal-Artikolu 246 TFUE.

    (10)

    Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1393 (5), il-Kunsill adotta bi qbil komuni mal-President elett tal-Kummissjoni l-lista tal-persuni l-oħra li huwa jipproponi li jinħatru Membri tal-Kummissjoni. Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1949 (6), li tħassar u tissostitwixxi d-Deċiżjoni (UE) 2019/1393, il-Kunsill adotta bi qbil komuni mal-President elett tal-Kummissjoni lista ġdida tal-persuni l-oħra li huwa jipproponi li jinħatru Membri tal-Kummissjoni.

    (11)

    Permezz tal-votazzjoni li saret fis-27 ta’ Novembru 2019, il-Parlament Ewropew ta l-kunsens tiegħu għall-ħatra, bħala korp, tal-President, tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-membri l-oħrajn tal-Kummissjoni.

    (12)

    Jenħtieġ għalhekk li l-Kummissjoni tiġi maħtura,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Dawn li ġejjin b’dan jinħatru għall-Kummissjoni Ewropea, għall-perijodu mill-1 ta’ Diċembru 2019 sal-31 ta’ Ottubru 2024:

    bħala President:

    is-Sinjura Ursula VON DER LEYEN

    bħala membru, Viċi President, skont l-Artikolu 18(4) TUE:

    is-Sur Josep BORRELL FONTELLES, Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà

    bħala Membri:

    is-Sur Thierry BRETON

    is-Sinjura Helena DALLI

    is-Sur Valdis DOMBROVSKIS

    is-Sinjura Elisa FERREIRA

    is-Sinjura Mariya GABRIEL

    is-Sur Paolo GENTILONI

    is-Sur Johannes HAHN

    is-Sur Phil HOGAN

    is-Sinjura Ylva JOHANSSON

    is-Sinjura Věra JOUROVÁ

    is-Sinjura Stella KYRIAKIDES

    is-Sur Janez LENARČIČ

    is-Sur Didier REYNDERS

    is-Sur Margaritis SCHINAS

    is-Sur Nicolas SCHMIT

    is-Sur Maroš ŠEFČOVIČ

    is-Sinjura Kadri SIMSON

    is-Sur Virginijus SINKEVIČIUS

    is-Sinjura Dubravka ŠUICA

    is-Sur Frans TIMMERMANS

    is-Sinjura Jutta URPILAINEN

    is-Sinjura Adina VĂLEAN

    is-Sur Olivér VÁRHELYI

    is-Sinjura Margrethe VESTAGER

    is-Sur Janusz WOJCIECHOWSKI.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2019.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2019.

    Għall-Kunsill Ewropew

    Il-President

    D. TUSK


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2014/749/UE tat-23 ta’ Ottubru 2014 li taħtar lill-Kummissjoni Ewropea (ĠU L 311, 31.10.2014, p. 36).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2013/272/UE tat-22 ta’ Mejju 2013 dwar in-numru ta’ membri tal-Kummissjoni Ewropea (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 98).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/1330 tal-5 ta’ Awwissu 2019 li taħtar ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ĠU L 207, 7.8.2019, p. 36).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/1810 meħuda bi qbil mar-Renju Unit tad-29 ta’ Ottubru 2019 li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 278 I, 30.10.2019, p. 1).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1393, meħuda bi qbil komuni mal-President elett tal-Kummissjoni, tal-10 ta’ Settembru 2019 li tadotta l-lista tal-persuni l-oħra li l-Kunsill jipproponi għall-ħatra bħala Membri tal-Kummissjoni (ĠU L 233 I, 10.9.2019, p. 1).

    (6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1949, meħuda bi qbil komuni mal-President elett tal-Kummissjoni, tal-25 ta’ Novembru 2019 li tadotta l-lista tal-persuni l-oħra li l-Kunsill jipproponi għall-ħatra bħala Membri tal-Kummissjoni, u li tħassar u tissostitwixxi d-Deċiżjoni (UE) 2019/1393 (ĠU L 304, 26.11.2019, p. 16).


    Top