This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019D1987
Council Decision (EU) 2019/1987 of 25 November 2019 on the position to be taken on behalf of the European Union within the Council of Members of the International Olive Council as regards trade standards applying to olive oils and olive pomace oils
Deċiżjoni Tal-Kunsill (UE) 2019/1987 tal-25 ta’ Novembru 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ fir-rigward tal-istandards kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ
Deċiżjoni Tal-Kunsill (UE) 2019/1987 tal-25 ta’ Novembru 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ fir-rigward tal-istandards kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ
ST/14078/2019/INIT
ĠU L 308, 29.11.2019, pp. 95–97
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
29.11.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 308/95 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1987
tal-25 ta’ Novembru 2019
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ fir-rigward tal-istandards kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (il-“Ftehim”) ġie ffirmat f’isem l-Unjoni f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 (1) fit-18 ta’ Novembru 2016 fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar ’il quddiem. Il-Ftehim daħal fis-seħħ b’mod provviżorju fl-1 ta’ Jannar 2017 f’konformità mal-Artikolu 31(2) tiegħu. |
|
(2) |
Il-Ftehim ġie konkluż fis-17 ta’ Mejju 2019 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 (2). |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 7(1) tal-Ftehim, il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (il-“Kunsill tal-Membri”) għandu jadotta deċiżjonijiet li jimmodifikaw l-istandards kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ. |
|
(4) |
Il-Kunsill tal-Membri, matul il-110 sessjoni tiegħu mill-25 ta’ Novembru sad-29 ta’ Novembru 2019, għandu jadotta deċiżjoni li timmodifika l-istandards kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ (id-“deċiżjoni modifikatriċi”). |
|
(5) |
Jenħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Membri, billi d-deċiżjoni modifikatriċi li għandha tiġi adottata ser ikollha effetti legali fuq l-Unjoni fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali mal-membri l-oħra tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC, International Olive Council) u ser tkun tista’ tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari l-istandards dwar il-kummerċjalizzazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 75 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). |
|
(6) |
Id-deċiżjoni modifikatriċi li għandha tiġi adottata mill-Kunsill tal-Membri tikkonċerna korrezzjonijiet ta’ żbalji ta’ editjar f’taqsimiet relatati mal-kriterji ta’ purità u mal-kriterji ta’ kwalità u ż-żieda ta’ ġerarkija ta’ deċiżjonijiet ġdida għaż-żjut taż-żebbuġa verġni lampante. Id-deċiżjoni modifikatriċi ġiet diskussa b’mod estensiv bejn l-esperti xjentifiċi u tekniċi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fil-qasam taż-żejt taż-żebbuġa. Hija ser tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandards taż-żejt taż-żebbuġa u tistabbilixxi qafas li ser jiżgura kompetizzjoni ġusta fil-kummerċ ta’ prodotti tas-settur taż-żejt taż-żebbuġa. Jenħtieġ għalhekk li d-deċiżjoni modifikatriċi tiġi appoġġata, u konsegwentement ser ikunu meħtieġa emendi fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2568/91 (4). |
|
(7) |
Jekk l-adozzjoni tad-deċiżjoni modifikatriċi matul il-110 sessjoni tal-Kunsill tal-Membri tiġi posposta minħabba li ċerti Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jagħtu l-approvazzjoni tagħhom, jenħtieġ li l-pożizzjoni stabbilita fl-Anness għal din id-Deċiżjoni tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-qafas ta’ proċedura possibbli għall-adozzjoni mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, f’konformità mal-Artikolu 10(6) tal-Ftehim. Il-proċedura għall-adozzjoni permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza jenħtieġ li tinbeda qabel is-sessjoni regolari li jmiss tal-Kunsill tal-Membri f’Ġunju 2020. |
|
(8) |
Sabiex jitħarsu l-interessi tal-Unjoni jenħtieġ li r-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri jkunu jistgħu jitolbu l-posponiment tal-adozzjoni tad-deċiżjoni modifikatriċi fil-110 sessjoni tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Membri jekk ir-rilevanza tal-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni x’aktarx tiġi affettwata minn informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida ppreżentata qabel jew matul dik is-sessjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri matul il-110 sessjoni tiegħu mill-25 ta’ Novembru sad-29 ta’ Novembru 2019, jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza li għandha tinbeda qabel is-sessjoni regolari li jmiss tiegħu f’Ġunju 2020, fir-rigward tal-istandards kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ, hija indikata fl-Anness.
Artikolu 2
Jekk il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 x’aktarx tiġi affettwata minn informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida ppreżentata qabel jew matul il-110 sessjoni tal-Kunsill tal-Membri, l-Unjoni għandha titlob li l-adozzjoni mill-Kunsill tal-Membri ta’ deċiżjoni li timmodifika l-istandards kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ tiġi posposta sakemm il-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi stabbilita abbażi ta’ dik l-informazzjoni l-ġdida.
Artikolu 3
Id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2019.
Għall-Kunsill
Il-President
F. MOGHERIN
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 tal-10 ta’ Ottubru 2016 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 293, 28.10.2016, p. 2).
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 139, 27.5.2019, p. 1).
(3) Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).
(4) Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2568/91 tal-11 ta’ Lulju 1991 dwar il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa u l-fdal taż-żejt taż-żebbuġa u dwar il-metodi ta’ analiżi rilevanti (ĠU L 248, 5.9.1991, p. 1).
ANNESS
L-Unjoni għandha tappoġġa r-reviżjoni tal-istandard kummerċjali COI/T.15/NC Nru. 3/Rev. 13 applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ fil-110 sessjoni tal-Kunsill tal-Membri mill-25 ta’ Novembru sad-29 ta’ Novembru 2019, jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza li għandha tinbeda qabel is-sessjoni regolari li jmiss tiegħu f’Ġunju 2020. Dik ir-reviżjoni ser tikkoreġi żbalji ta’ editjar f’taqsimiet relatati ma’ kriterji ta’ purità u kriterji ta’ kwalità u ser iżżid ġerarkija ta’ deċiżjonijiet ġdida għaż-żjut taż-żebbuġa verġni lampante.
Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri jistgħu jaqblu li jsiru adattamenti tekniċi f’metodi jew dokumenti oħra tal-IOC mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill jekk dawk l-adattamenti tekniċi jirriżultaw mir-reviżjoni msemmija fl-ewwel paragrafu.