Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D1942

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1942 tat-22 ta’ Novembru 2019 li ma tapprovax il-carbendazim bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 9 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 303, 25.11.2019, p. 29–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/1942/oj

25.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 303/29


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1942

tat-22 ta’ Novembru 2019

li ma tapprovax il-carbendazim bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 9

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 89(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 (2) jistabbilixxi lista ta’ sustanzi attivi eżistenti li għandhom jiġu vvalutati biex possibbilment jiġu approvati għall-użu fil-prodotti bijoċidali. Din il-lista tinkludi l-carbendazim (Nru KE: 234-232-0; Nru CAS 10605-21-7).

(2)

Il-carbendazim ġie evalwat għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 9, preservattivi għal fibra, ġilda, gomma u materjali polimerizzati, kif deskritti fl-Anness V tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li jikkorrispondu mat-tip ta’ prodott 9 kif deskritt fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(3)

L-awtorità kompetenti ta’ evalwazzjoni tal-Ġermanja ppreżentat ir-rapport tal-valutazzjoni flimkien mal-konklużjonijiet tagħha lill-Kummissjoni fit-2 ta’ Awwissu 2013.

(4)

Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1062/2014, il-Kumitat tal-Prodotti Bijoċidali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (4) adotta l-opinjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi fis-27 ta’ Frar 2019, filwaqt li qies il-konklużjonijiet tal-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni.

(5)

Skont dik l-opinjoni, il-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 9 li fihom il-carbendazim jistgħu ma jkunux mistennija li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 19(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 peress li x-xenarji ambjentali evalwati identifikaw riskji mhux aċċettabbli għall-ambjent u ma seta’ jiġi identifikat l-ebda użu sikur.

(6)

Filwaqt li titqies l-opinjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, mhuwiex xieraq li l-użu tal-carbendazim għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 9 jiġi approvat, peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 mhumiex issodisfati.

(7)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Carbendazim (Nru KE: 234-232-0; Nru CAS: 10605-21-7) mhuwiex approvat bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 9.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Novembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta’ Awwissu 2014 dwar il-programm ta’ ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294, 10.10.2014, p. 1).

(3)  Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1).

(4)  Opinjoni tal-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali (BPC) fir-rigward tal-applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva Carbendazim, Tip ta’ prodott: 9, ECHA/BPC/218/2019, Adottat fis-27 ta’ Frar 2019.


Top