Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D1875

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1875 tat-8 ta’ Novembru 2019 dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore

    ST/7971/2018/INIT

    ĠU L 294, 14.11.2019, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1875/oj

    Related international agreement

    14.11.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 294/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1875

    tat-8 ta’ Novembru 2019

    dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, l-Artikolu 100(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-punt (a)(v) tal-Artikolu 218(6) u l-Artikolu 218(7) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)

    Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1599 (1), il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore (il-Ftehim), ġie ffirmat fid-19 ta’ Ottubru 2018.

    (2)

    Skont l-Artikolu 218(7) tat-Trattat, huwa xieraq li l-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni biex tapprova, f’isem l-Unjoni, il-pożizzjoni li trid tiġi adottata fil-Kumitat tal-Kummerċ dwar ċerti modifiki għall-Ftehim li jridu jiġu adottati bi proċedura simplifikata. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun awtorizzata li tapprova modifiki li jridu jiġu adottati mill-Kumitat tal-Kummerċ skont l-Artikolu 9.18 (Modifika u Rettifika tal-Kopertura) fir-rigward tal-Annessi 9-A sa 9-I għall-Ftehim, wara konsultazzjoni mal-kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(3) tat-Trattat. Jenħtieġ li din id-dispożizzjoni ma tapplikax għall-modifiki għal impenji taħt l-Anness 9-E Parti 2 għall-Ftehim. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun awtorizzata tapprova modifiki li jridu jiġu adottati mill-Kumitat tal-Kummerċ skont l-Artikolu 10.17 (Sistema ta' Protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi) u 10.18 (Emenda tal-Lista ta' Indikazzjonijiet Ġeografiċi) fir-rigward tal-Annessi 10-A u 10-B għall-Ftehim.

    (3)

    Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat f’isem l-Unjoni.

    (4)

    Skont l-Artikolu 16.16 (Ebda Effett Dirett) tal-Ftehim, jenħtieġ li l-Ftehim ma jagħtix drittijiet jew jimponi obbligi fuq persuni, għajr dawk maħluqa bejn il-Partijiet skont id-dritt internazzjonali pubbliku,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore huwa b’dan approvat f'isem l-Unjoni.

    It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Għall-finijiet tal-Artikolu 9.18 (Modifika u Rettifika tal-Kopertura), il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar il-modifiki jew ir-rettifiki tal-Annessi 9-A sa 9-I għall-Ftehim għandha tiġi approvata mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(3) tat-Trattat. Dan l-Artikolu ma japplikax għall-modifiki ta' impenji taħt l-Anness 9-E Parti 2 għall-Ftehim.

    Artikolu 3

    Għall-finijiet tal-Artikolu 10.17 (Sistema ta’ Protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi) u 10.18 (Emenda tal-Lista ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi) tal-Ftehim, il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar il-modifiki tal-Annessi 10-A u 10-B għall-Ftehim għandha tiġi approvata mill-Kummissjoni.

    Artikolu 4

    Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 16.13(2) tal-Ftehim, sabiex jesprimi l-kunsens tal-Unjoni li tintrabat bil-Ftehim. (2)

    Artikolu 5

    Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-8 ta’ Novembru 2019.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. LINTILÄ


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1599 tal-15 ta’ Ottubru 2018 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore (ĠU L 267, 25.10.2018, p. 1).

    (2)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


    Top