Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D1810

Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/1810 meħuda bi qbil mar-Renju Unit tad-29 ta’ Ottubru 2019 li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE

XT/20024/2019/REV/2

ĠU L 278I, 30.10.2019, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1810/oj

30.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 278/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL EWROPEW (UE) 2019/1810

meħuda bi qbil mar-Renju Unit

tad-29 ta’ Ottubru 2019

li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE

IL-KUNSILL EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ("Euratom") f’konformità mal-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li japplika għall-Euratom bis-saħħa tal-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 50 TUE, l-Unjoni Ewropea nnegozjat mar-Renju Unit ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu, li jieħu kont tal-qafas għar-relazzjoni futura tiegħu mal-Unjoni.

(3)

Fil-25 ta’ Novembru 2018, il-Kunsill Ewropew approva l-abbozz ta’ Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ("Ftehim dwar il-Ħruġ") u approva d-Dikjarazzjoni Politika li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ("Dikjarazzjoni Politika"). Fil-11 ta’ Jannar 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/274 (1) dwar l-iffirmar tal-Ftehim dwar il-Ħruġ (2).

(4)

Skont l-Artikolu 50(3) TUE, it-Trattati għandhom jieqfu milli japplikaw għall-Istat li ħiereġ mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jew, fin-nuqqas ta’ dan, sentejn wara n-notifika, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mal-Istat Membru kkonċernat, ma jiddeċidix unanimament li jestendi dan il-perijodu.

(5)

Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2019/476 (3), il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, għall-ewwel iddeċieda li jestendi l-perijodu skont l-Artikolu 50(3) sat-12 ta’ April 2019. Dak il-perijodu ġie estiż għal darba oħra sal-31 ta’ Ottubru 2019 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/584 meħuda bi qbil mar-Renju Unit (4).

(6)

Wara negozjati bejn in-negozjaturi tal-Unjoni u tar-Renju Unit matul ix-xhur ta’ Settembru u Ottubru 2019, intlaħaq qbil dwar test rivedut tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq inkluż fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, u dwar adattamenti tekniċi meħtieġa għall-Artikoli 184 u 185 ta’ dak il-Ftehim, kif ukoll dwar test rivedut tad-Dikjarazzjoni Politika. Fis-17 ta’ Ottubru 2019, il-Kunsill Ewropew ta l-kunsens tiegħu għall-Ftehim dwar il-Ħruġ emendat u approva t-test rivedut tad-Dikjarazzjoni Politika. Fil-21 ta’ Ottubru 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/1750 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/274 (5) dwar l-iffirmar tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(7)

Fid-19 ta’ Ottubru 2019, ir-Renju Unit ressaq talba għal estensjoni tal-perijodu previst fl-Artikolu 50(3) TUE sal-31 ta’ Jannar 2020. It-talba tiddikjara li jekk il-partijiet ikunu jistgħu jirratifikaw il-Ftehim dwar il-Ħruġ qabel il-31 ta’ Jannar 2020, il-Gvern jipproponi li l-perijodu jintemm qabel.

(8)

Il-Gvern tar-Renju Unit introduċa l-leġislazzjoni meħtieġa sabiex jipproċedi bir-ratifika tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Fil-21 ta’ Ottubru 2019, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u għaddiha lill-Parlament Ewropew sabiex jikseb il-kunsens tiegħu. L-Unjoni u r-Renju Unit għadhom ma lestewx il-proċeduri interni meħtieġa għar-ratifika tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Fir-Renju Unit, hemm diskussjoni għaddejja dwar kif għandha tiġi riżolta l-kwistjoni tar-ratifika, u l-Prim Ministru tar-Renju Unit irrakkomanda li ssir elezzjoni ġenerali.

(9)

Bil-ħsieb li tkun tista’ ssir il-finalizzazzjoni tar-ratifika tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Kunsill Ewropew jaqbel li jagħti estensjoni ulterjuri sal-31 ta’ Jannar 2020.

(10)

Il-Kunsill Ewropew ifakkar li, skont l-Artikolu 50(3) TUE, il-Ftehim dwar il-Ħruġ jista’ jidħol fis-seħħ f’data aktar kmieni, jekk il-Partijiet ilestu l-proċeduri ta’ ratifika rispettivi tagħhom qabel it-tmiem tal-perijodu skont l-Artikolu 50(3) TUE. Konsegwentement, il-ħruġ jenħtieġ li jseħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara t-tlestija tal-proċeduri ta’ ratifika jew fl-1 ta’ Frar 2020, skont liema jiġi l-ewwel.

(11)

Din l-estensjoni ulterjuri ma tistax titħalla ddgħajjef l-funzjonament regolari tal-Unjoni u l-istituzzjonijiet tagħha. Barra minn hekk, ser ikollha l-konsegwenza li r-Renju Unit ser jibqa’ Stat Membru sad-data l-ġdida tal-ħruġ, bid-drittijiet u l-obbligi sħaħ f’konformità mal-Artikolu 50 TUE, inkluż l-obbligu li jiġi ssuġġerit kandidat għall-ħatra bħala membru tal-Kummissjoni. Jiġi mfakkar li r-Renju Unit għandu dritt li jirrevoka n-notifika tiegħu fi kwalunkwe ħin. Il-Kunsill Ewropew ifakkar l-impenn mir-Renju Unit li jaġixxi b’mod kostruttiv u responsabbli tul il-perijodu tal-estensjoni kollu f’konformità mad-dmir ta’ kooperazzjoni leali, u jistenna li r-Renju Unit jissodisfa dan l-impenn u l-obbligu tat-Trattat b’mod li jirrifletti s-sitwazzjoni tiegħu bħala Stat Membru li ħiereġ. Għal dan il-għan, ir-Renju Unit għandu jiffaċilita t-twettiq tal-kompiti tal-Unjoni u għandu joqgħod lura milli jwettaq kwalunkwe miżura li tista’ tipperikola l-ksib tal-objettivi tal-Unjoni, b’mod partikolari meta jipparteċipa fil-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni.

(12)

Il-mandati li għaddejjin tal-membri ta’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni nominati, maħtura jew eletti b’rabta mas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni ser jispiċċaw hekk kif it-Trattati jieqfu japplikaw għar-Renju Unit, jiġifieri fid-data tal-ħruġ.

(13)

Din l-estensjoni teskludi kwalunkwe ftuħ mill-ġdid tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Kwalunkwe impenn, dikjarazzjoni jew att ieħor unilaterali mir-Renju Unit jenħtieġ li jkunu kompatibbli mal-kelma u l-ispirtu tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u jeħtieġ li ma jfixklux l-implimentazzjoni tiegħu. Tali estensjoni ma tistax tintuża biex jinbdew in-negozjati dwar ir-relazzjoni futura.

(14)

Kif previst fl-Artikolu 50(4) TUE, ir-Renju Unit ma ħax sehem fid-diskussjonijiet tal-Kunsill Ewropew li jikkonċernaw din id-deċiżjoni u lanqas fl-adozzjoni tagħha. Madankollu, kif jidher fl-ittra mill-Prim Ministru tar-Renju Unit tat-28 ta’ Ottubru 2019, huwa qabel, f’konformità mal-Artikolu 50(3) TUE, mal-estensjoni tal-perijodu msemmi f’dak l-Artikolu u ma’ din id-deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-perijodu previst fl-Artikolu 50(3) TUE, kif estiż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/584, huwa b’dan estiż ulterjorment sal-31 ta’ Jannar 2020.

2.   F’konformità mal-Artikolu 50(3) TUE u kif previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, fil-każ li l-Partijiet għall-Ftehim ilestu l-proċeduri ta’ ratifika rispettivi tagħhom u jinnotifikaw lid-depożitarju bit-tlestija ta’ dawk il-proċeduri f’Novembru 2019, f’Diċembru 2019 jew f’Jannar 2020, il-Ftehim dwar il-Ħruġ ser jidħol fis-seħħ rispettivament fl-:

1 ta’ Diċembru 2019;

1 ta’ Jannar 2020; jew

1 ta’ Frar 2020.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kunsill Ewropew

Il-President

D. TUSK


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/274 tal-11 ta’ Jannar 2019 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 47 I, 19.2.2019, p. 1).

(2)  It-test tal-Ftehim dwar il-Ħruġ mehmuż mad-Deċiżjoni (UE) 2019/274 ġie ppubblikat fil-ĠU C 66 I, 19.2.2019, p. 1.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/476 meħuda bi qbil mar-Renju Unit, tat-22 ta’ Marzu 2019 li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 80 I, 22.3.2019, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/584 meħuda bi qbil mar-Renju Unit tal-11 ta’ April 2019 li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 101, 11.4.2019, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1750 tal-21 ta’ Ottubru 2019 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/274 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 274 I , 28.10.2019, p. 1).


Top