This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019D1296
Council Decision (CFSP) 2019/1296 of 31 July 2019 in support of strengthening biological safety and security in Ukraine in line with the implementation of United Nations Security Council Resolution 1540 (2004) on non-proliferation of weapons of mass destruction and their means of delivery
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1296 tal-31 ta' Lulju 2019 b'appoġġ għat-tisħiħ tas-sigurtà u s-sikurezza bijoloġiċi fl-Ukrajna f'konformità mal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nonproliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva u l-mezzi ta' twassil tagħhom
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1296 tal-31 ta' Lulju 2019 b'appoġġ għat-tisħiħ tas-sigurtà u s-sikurezza bijoloġiċi fl-Ukrajna f'konformità mal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nonproliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva u l-mezzi ta' twassil tagħhom
ST/10390/2019/INIT
ĠU L 204, 2.8.2019, p. 29–35
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 14/07/2024: This act has been changed. Current consolidated version: 30/11/2023
2.8.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 204/29 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/1296
tal-31 ta' Lulju 2019
b'appoġġ għat-tisħiħ tas-sigurtà u s-sikurezza bijoloġiċi fl-Ukrajna f'konformità mal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nonproliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva u l-mezzi ta' twassil tagħhom
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fit-12 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva, li l-Kapitolu II tagħha fih lista ta' miżuri biex tiġi miġġielda tali proliferazzjoni. Tali miżuri jenħtieġ li jittieħdu kemm fl-Unjoni kif ukoll f'pajjiżi terzi. |
(2) |
L-Unjoni qiegħda timplimenta dik l-istrateġija attivament u qiegħda tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, b'mod partikolari billi tagħmel disponibbli riżorsi finanzjarji b'appoġġ għal proġetti speċifiċi mwettqa minn istituzzjonijiet multilaterali, biex b'hekk l-Istati jingħataw assistenza teknika u għarfien espert fir-rigward ta' firxa wiesgħa ta' miżuri ta' nonproliferazzjoni, u billi tippromwovi r-rwol tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU). |
(3) |
Fit-28 ta' April 2004, il-KSNU adotta r-Riżoluzzjoni 1540 (2004) (“UNSCR 1540 (2004)”), li kienet l-ewwel strument internazzjonali biex jiġu ttrattati b'mod integrat u komprensiv l-armi ta' qerda massiva, il-mezzi ta' twassil tagħhom u l-materjal relatat. L-UNSCR 1540 (2004) stabbilixxiet obbligi vinkolanti għall-Istati kollha, u dawk l-obbligi kellhom l-għan li jimpedixxu u jiskoraġġixxu lill-atturi mhux Statali milli jaċċedu għal tali armi u materjal relatat mal-armi. Il-KSNU ddeċieda wkoll li l-Istati kollha għandhom jieħdu u jinfurzaw miżuri effettivi biex jistabbilixxu kontrolli domestiċi għall-prevenzjoni tal-proliferazzjoni ta' armi nukleari, kimiċi jew bijoloġiċi u l-mezzi ta' twassil tagħhom, inkluż billi jistabbilixxu kontrolli adegwati fuq materjal relatat. |
(4) |
Fil-11 ta' Mejju 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/809 (1) b'appoġġ tal-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004). L-implimentazzjoni teknika tal-attivitajiet taħt id-Deċiżjoni (PESK) 2017/809 hija fdata lill-Uffiċċju tan-NU għall-Affarijiet ta' Diżarm (UNODA) f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali reġjonali rilevanti, u b'mod partikolari l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE). |
(5) |
Fil-11 ta' Lulju 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1252 (2) b'appoġġ għat-tisħiħ tas-sigurtà u s-sikurezza kimiċi fl-Ukrajna f'konformità mal-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004). L-implimentazzjoni teknika tal-attivitajiet taħt id-Deċiżjoni (PESK) 2017/1252 hija fdata lis-Segretarjat tal-OSKE. |
(6) |
L-aderenza universali ma', u l-implimentazzjoni sħiħa ta', il-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi (BTWC) u l-UNSCR 1540 (2004) huma fost il-prijoritajiet prinċipali tal-Ukrajna fil-qasam tan-nonproliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva. |
(7) |
Fil-21 ta' Marzu u s-27 ta' Ġunju 2014, l-Unjoni u l-Ukrajna ffirmaw Ftehim ta' Assoċjazzjoni (3) li jipprevedi, inter alia, l-armonizzazzjoni rapida tal-leġislazzjoni nazzjonali tal-Ukrajna mal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni, inkluż fir-rigward tat-tneħħija ta' kwalunkwe ostaklu għall-implimentazzjoni komprensiva fl-Ukrajna tal-UNSCR 1540 (2004). Partijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukrajna ġew applikati b'mod proviżorju mill-1 ta' Novembru 2014. Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukrajna daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2017. |
(8) |
Skont il-Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern Ukren dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukrajna għas-snin 2018-2020, l-Ukrajna impenjat ruħha għall-iżvilupp u t-titjib tar-regolamenti u l-mekkaniżmi fil-qasam tas-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi f'konformità mal-obbligi tal-Ukrajna taħt il-BTWC u l-UNSCR 1540 (2004) kif ukoll taħt normi u standards internazzjonali, u b'mod partikolari l-leġislazzjoni rilevanti tal-UE. |
(9) |
F'dan il-kuntest, tħejjew tliet proposti ta' proġetti mis-Segretarjat tal-OSKE f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti fl-Ukrajna bil-ħsieb tat-tisħiħ tas-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi ġenerali fl-Ukrajna. |
(10) |
Jenħtieġ li s-Segretarjat tal-OSKE jiġi fdat bl-implimentazzjoni teknika tal-proġetti li għandhom jitwettqu taħt din id-Deċiżjoni. |
(11) |
Il-proġetti jenħtieġ li jiġu implimentati f'konformità mad-dispożizzjonijiet rispettivi tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern Ukren dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukrajna. Jenħtieġ li l-attivitajiet jieħdu kont tal-prattiki tajba rilevanti u t-tagħlimiet meħuda, identifikati matul l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/1252. |
(12) |
Jenħtieġ li s-Segretarjat tal-OSKE jiżgura l-kooperazzjoni effiċjenti mal-organizzazzjonijiet u l-korpi internazzjonali rilevanti bħall-Unità ta' Appoġġ għall-Implimentazzjoni tal-BTWC, il-Kumitat tal-KSNU stabbilit skont l-UNSCR 1540 (2004), l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE), u s-Sħubija Globali Kontra l-Firxa ta' Armi u Materjal ta' Qerda Massiva. Jenħtieġ ukoll li s-Segretarjat tal-OSKE jiżgura l-komplementarjetà u s-sinerġija ta' proġetti mwettqa taħt din id-Deċiżjoni ma' proġetti u attivitajiet tal-passat u dawk attwali fl-Ukrajna appoġġati minn Stati Membri individwali tal-UE, u ma' programmi oħra sponsorjati mill-Unjoni f'dan il-qasam, inklużi l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi u ċ-Ċentri ta' Eċċellenza tal-UE dwar il-Mitigazzjoni ta' Riskji Kimiċi, Bijoloġiċi, Radjoloġiċi u Nukleari, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI
Artikolu 1
1. Għall-fini tal-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà, kif ukoll multilateraliżmu effettiv fuq livelli globali u reġjonali, l-Unjoni għandha ssegwi l-objettivi li ġejjin:
— |
it-tisħiħ tas-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi fl-Ukrajna permezz tat-titjib tal-bażi regolatorja u leġislattiva tal-Ukrajna u s-sistemi tagħha tas-saħħa tal-bnedmin u l-annimali, kif ukoll permezz tas-sensibilizzazzjoni tax-xjenzjati tal-ħajja; |
— |
is-sostenn ta' multilateraliżmu effettiv fil-livell reġjonali b'appoġġ għall-azzjoni tal-OSKE biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet kompetenti fl-Ukrajna fil-qasam tas-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi f'konformità mal-obbligi taħt l-UNSCR 1540 (2004) u l-BTWC. |
2. Sabiex jinkisbu l-objettivi msemmija fil-paragrafu 1, l-Unjoni għandha twettaq il-proġetti li ġejjin:
— |
l-armonizzazzjoni tar-regolamenti eżistenti Ukreni dwar il-bijosikurezza u l-bijosigurtà mal-istandards internazzjonali; |
— |
l-istabbiliment tas-sostenibbiltà tas-sistema ta' sorveljanza veterinarja fl-Ukrajna għal mard relatat ma' patoġeni speċjalment perikolużi (“mard relatat ma' PSP”); |
— |
is-sensibilizzazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ għal xjenzati tal-ħajja dwar il-bijosikurezza u l-bijosigurtà. |
Fl-Anness tinsab deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti msemmija hawn fuq.
Artikolu 2
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
2. L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mis-Segretarjat tal-OSKE. Huwa għandu jwettaq dan il-kompitu taħt il-kontroll tar-Rappreżentant Għoli. Għal dan il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandha tidħol fl-arranġamenti meħtieġa mas-Segretarjat tal-OSKE.
Artikolu 3
1. L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkun EUR 1 913 900.
2. L-infiq iffinanzjat mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jiġi amministrat f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-ġestjoni korretta tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament mas-Segretarjat tal-OSKE. Dak il-ftehim għandu jistipula li s-Segretarjat tal-OSKE għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adegwatament għad-daqs ta' dik il-kontribuzzjoni.
4. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill dwar kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament.
Artikolu 4
Ir-Rappreżentant Għoli għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u għandha tagħmel dan abbażi ta' rapporti regolari mħejjija mis-Segretarjat tal-OSKE. Dawk ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2).
Artikolu 5
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
2. Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara l-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3), jew sitt xhur wara d-data tal-adozzjoni tagħha jekk ebda ftehim ta' finanzjament ma jkun ġie konkluż f'dak il-perijodu.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Lulju 2019.
Għall-Kunsill
Il-President
T. TUPPURAINEN
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/809 tal-11 ta' Mejju 2017 b'appoġġ għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva u l-mezzi ta' twassil tagħhom (ĠU L 121, 12.5.2017, p. 39).
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1252 tal-11 ta' Lulju 2017 b'appoġġ għat-tisħiħ tas-sigurtà u s-sikurezza kimika fl-Ukrajna f'konformità mal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in- nonproliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva u l-mezzi ta' kunsinna tagħhom (ĠU L 179, 12.7.2017, p. 8).
(3) Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3).
ANNESS
Tisħiħ tas-Sikurezza u s-Sigurtà Bijoloġiċi fl-Ukrajna f'konformità mal-UNSCR 1540 (2004)
1. Kuntest
Il-leġislazzjoni Ukrena li tipprojbixxi armi bijoloġiċi hija dettaljata u komprensiva. Madankollu, parti sinifikanti ta' din il-leġislazzjoni u r-regolamentazzjoni hija skaduta u ma tilħaqx in-normi u l-istandards internazzjonali. Għalhekk teħtieġ reviżjoni u aġġornament urġenti biex tiżdied l-armonizzazzjoni mal-istandards dinjija rispettivi.
M'hemmx liġi qafas dwar il-bijosikurezza u l-bijosigurtà fl-Ukrajna li tiddeskrivi l-istabbiliment ta' sistema ta' bijosikurezza u bijosigurtà u l-funzjonament korrett tagħha (pereżempju, li legalment tidentifika l-korp eżekuttiv ċentrali li jindirizza l-bijosikurezza u l-bijosigurtà u li jwettaq funzjonijiet speċjalizzati u ta' monitoraġġ). Barra minn hekk, attwalment m'hemmx kooperazzjoni komprensiva bejn il-ministeri, l-aġenziji u l-organizzazzjonijiet involuti kollha għall-prevenzjoni u r-rispons għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza relatati ma' theddid bijoloġiku.
Hemm ukoll in-nuqqas ta' mekkaniżmi tal-kontroll mill-istat ta' aderenza mar-rekwiżiti ta' bijosigurtà matul xogħol b'aġenti bijoloġiċi. M'hemmx reġistru ta' atturi ekonomiċi u mhux ekonomiċi li jaħdmu b'aġenti bijoloġiċi perikolużi fit-territorju tal-Ukrajna. Barra minn hekk, dawk l-atturi li jaħdmu b'aġenti bijoloġiċi perikolużi mhumiex obbligati bil-liġi li jkollhom permessi rilevanti. Infatti, it-tneħħija tas-sistema ta' permessi rriżultat f'sitwazzjoni fejn m'hemmx rappurtar u kontroll tal-aderenza mar-rekwiżiti tal-bijosikurezza u l-bijosigurtà f'laboratorji mikrobijoloġiċi, li n-numru reali tagħhom mhux magħruf. Dokument normattiv li rregola l-kontabilità, it-trasport, il-ħżin u t-trasferiment ta' materjali bijoloġiċi perikolużi kien annullat. Id-dokumenti applikabbli ma tantx jagħtu attenzjoni għal aspetti oħra tal-bijosigurtà, bħall-verifika tal-affidabbiltà tal-persunal u l-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali.
B'kont meħud tal-pass tat-tkabbir tal-produzzjoni agrikola, il-bijoproduzzjoni, it-trasport u r-relazzjonijiet kummerċjali esterni fid-dinja moderna, il-mediċina umana u dik veterinarja jaffaċċaw ħafna problemi li huma speċifikament assoċjati mar-riskju ta' proliferazzjoni ta' materjali bijoloġiċi, b'mod partikolari mard infettiv u parasitiku komuni fost il-bnedmin u l-annimali.
Illum it-theddid prinċipali relatat mas-sigurtà bijoloġika u alimentari fl-Ukrajna huwa assoċjat mad-deni Afrikan tal-ħnieżer, l-influwenza avjarja, il-marda tal-ilsien u d-dwiefer, u l-patoġeni batteriċi li huma reżistenti għal ħafna mediċini. Hemm riskji fokali naturali ta' tifqigħ tal-antraċe, ir-rabja, id-deni klassiku tal-ħnieżer u t-tularemja. Il-provediment ta' sigurtà bijoloġika u alimentari hija kwistjoni sensittiva li ma tistax tiġi solvuta mingħajr l-involviment ta' mezzi affidabbli ta' monitoraġġ, previżjoni u dijanjosi bikrija ta' infezzjonijiet emerġenti u ekonomikament sinifikanti tal-annimali, inklużi infezzjonijiet żoonotiċi. Is-sigurtà bijoloġika u alimentari fl-Ukrajna tista' tiġi indirizzata biss permezz tal-integrazzjoni ta' riċerka bażika fil-ġenetika u l-bijoteknoloġija molekulari fil-mediċina veterinarja u umana u d-dijanjosi.
Il-persunal tal-maġġoranza tal-laboratorji Ukreni tax-xjenzi tal-ħajja għandu esperjenza fl-ittrattar ta' materjali bijoloġiċi perikolużi. Madankollu, huma rari ħafna fil-laboratorji prinċipji u approċċi moderni tal-bijosigurtà u l-bijosikurezza, tekniki u prattiki moderni, u kodiċijiet ta' kondotta marbuta mal-prattiki moderni. Numru ta' laboratorji tax-xjenzi tal-ħajja għandhom ammonti moderati ta' tagħmir modern, iżda, minħabba n-nuqqas ta' taħriġ operazzjonali dwar tali tagħmir, il-persunal ta' laboratorji ma jużahx jew jużah b'mod mhux adatt. Barra minn hekk, is-sistema eżistenti ta' taħriġ avvanzat għal xi kategoriji ta' xjenzati tal-ħajja ma tkoprix il-kwistjonijiet adatti kollha tal-bijosikurezza u l-bijosigurtà. Dawn il-fatturi kollha jistgħu jirriżultaw fi tnaqqis tal-livell ta' bijosikurezza u bijosigurtà fil-laboratorji fejn jiġu trattati materjali bijoloġiċi perikolużi.
Bħala riżultat tal-analiżi ta' hawn fuq, tħejjew tliet proġetti mill-OSKE bil-ħsieb tat-tisħiħ tas-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi ġenerali fl-Ukrajna. Dawn il-proġetti ġew żviluppati f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet Ukreni rilevanti. Il-proġetti kollha jiġu implimentati f'konformità mad-dispożizzjonijiet rispettivi tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern Ukren dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukrajna.
Il-proġetti jiġu implimentati wkoll b'kont meħud tal-prattiki tajba rilevanti u t-tagħlimiet meħuda, identifikati matul l-implimentazzjoni li għaddejja tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/1252 b'appoġġ tat-tisħiħ tas-sikurezza u s-sigurtà kimiċi fl-Ukrajna.
2. Objettiv
L-objettiv ġenerali ta' din id-Deċiżjoni hu li tappoġġa l-proġetti tal-OSKE bil-għan tat-tisħiħ tas-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi fl-Ukrajna f'konformità mal-obbligi tal-Ukrajna taħt il-BTWC u l-UNSCR 1540 (2004), kif ukoll f'konformità mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukrajna.
3. Deskrizzjoni tal-proġetti
3.1. Armonizzazzjoni tar-regolamenti eżistenti Ukreni dwar il-bijosikurezza u l-bijosigurtà mal-istandards internazzjonali
3.1.1. Objettiv tal-proġett
— |
It-titjib tal-bażi leġislattiva u regolatorja tal-Ukrajna dwar is-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi, f'konformità mal-obbligi taħt l-UNSCR 1540 (2004), jiġifieri l-adozzjoni u l-infurzar ta' liġijiet effettivi adatti li jipprojbixxu kwalunkwe attur mhux Statali milli jimmanifattura, jakkwista, jippossjedi, jiżviluppa, jittrasporta, jittrasferixxi jew juża armi bijoloġiċi u l-mezzi ta' twassil tagħhom, b'mod partikolari għal finijiet terroristiċi. |
3.1.2. Deskrizzjoni tal-proġett
— |
Miżuri speċifiċi relatati ma' titjib leġislattiv u regolatorju fil-qasam tal-bijosikurezza u l-bijosigurtà li jeħtieġu implimentazzjoni prijoritarja u li ser jiġu direttament appoġġati minn dan il-proġett jinkludu:
|
3.1.3. Riżultati mistennija tal-proġett
— |
It-titjib tas-sistema Ukrena tal-bijosikurezza u l-bijosigurtà permezz tat-titjib tal-qafas leġislattiv u regolatorju nazzjonali f'dan il-qasam; |
— |
Il-promozzjoni tal-kollaborazzjoni tal-aġenziji differenti responsabbli għall-bijosikurezza u l-bijosigurtà; |
— |
L-iżgurar tas-sostenibbiltà tas-sistema Ukrena tal-bijosikurezza u l-bijosigurtà. |
3.1.4. Benefiċjarji tal-proġett
— |
Il-Ministeru għas-Saħħa. |
3.2. Stabbiliment tas-sostenibbiltà tas-sistema ta' sorveljanza veterinarja fl-Ukrajna għal mard relatat ma' PSP
3.2.1. Objettiv tal-proġett
— |
Titjib tal-bijosikurezza u l-bijosigurtà permezz tat-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali fl-Ukrajna, f'konformità mal-obbligi taħt l-UNSCR 1540 (2004), b'mod partikolari l-infurzar ta' miżuri effettivi biex jiġu stabbiliti kontrolli domestiċi għall-prevenzjoni tal-proliferazzjoni tal-armi bijoloġiċi u l-mezzi ta' twassil tagħhom, inkluż permezz tal-istabbiliment ta' kontrolli adatti fuq il-materjali relatati. |
3.2.2. Deskrizzjoni tal-proġett
— |
L-implimentazzjoni ta' monitoraġġ effettiv tal-mard tal-bniedem u tal-annimali bl-istabbiliment ta' ċentru ta' użu komuni għas-sekwenzjar u l-karatterizzazzjoni ġenetika ta' aġenti magħżula u t-tagħmir tal-istituzzjonijiet parteċipanti b'magni ta' retrotraskrizzjoni-reazzjoni katina ta' polimerasi (RT-PCR); |
— |
L-istabbiliment ta' miżuri ta' rispons rapidu f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u l-introduzzjoni ta' dijanjosi rapida ta' mard tal-annimali partikolarment perikoluż bl-iżvilupp ta' għodod dijanostiċi bbażati fuq l-RT-PCR għall-individwazzjoni bbażata fuq il-PCR ta' aġenti magħżula (aġenti tal-influwenza avjarja, il-marda ta' Newcastle, it-tuberkulożi reżistenti għal ħafna mediċini, il-marda tal-infafet fil-ġilda, it-tulamerija, id-deni Afrikan tal-ħnieżer, id-deni klassiku tal-ħnieżer, il-marda tal-ilsien u d-dwiefer, il-bruċellosi, is-salmonelli reżistenti għal ħafna mediċini u l-antraċe) abbażi ta' protokolli interni żviluppati fl-Ukrajna; |
— |
L-iżvilupp ta' ħżin sikur ta' patoġeni, inkluż patoġeni żoonotiċi, virali u batteriċi, f'laboratorji u depożitorji bl-iżvilupp ta' dossiers ta' reġistrazzjoni għal “kits” ibbażati fuq l-RT-PCR; |
— |
L-istabbiliment ta' politika teknika unifikata fil-qasam tal-valutazzjoni tal-konformità għal-laboratorji tal-ittestjar, l-iżgurar ta' fiduċja nazzjonali u internazzjonali, l-istabbiliment ta' kondizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-prestazzjoni u t-trasparenza, u l-iżgurar ta' sensibilizzazzjoni u kompetenza fil-qasam tal-protezzjoni bijoloġika; |
— |
Il-bini ta' kapaċità fid-dijanjosi molekulari ta' mard relatat ma' PSP. |
3.2.3. Riżultati mistennija tal-proġett
— |
It-tisħiħ tal-kapaċità nazzjonali għas-sorveljanza u l-previżjoni fil-mediċina veterinarja; |
— |
L-iżvilupp ta' għodod nazzjonali effettivi ta' dijanjosi u sorveljanza, ibbażati fuq l-RT-PCR u strumenti isotermali tal-PCR (R&Ż, validazzjoni u implimentazzjoni fil-laboratorji); |
— |
L-implimentazzjoni ta' monitoraġġ effettiv tal-mard tal-annimali (inkluż il-mard żoonotiku); |
— |
Il-ħolqien ta' kapaċità umana fid-dijanjosi molekulari ta' mard relatat ma' PSP (taħriġ fil-laboratorju dwar tekniki tal-PCR). |
3.2.4. Benefiċjarji tal-proġett
— |
Servizz tal-Istat tal-Ukrajna dwar is-Sikurezza Alimentari u l-Protezzjoni tal-Konsumatur; |
— |
Riċevitur ta' assistenza: Ċentru Nazzjonali Xjentifiku “Institute for Experimental and Clinical Veterinary Medicine” (Kharkiv, Ukrajna). |
3.3. Sensibilizzazzjoni, edukazzjoni u taħriġ għax-xjenzati tal-ħajja dwar il-bijosikurezza u l-bijosigurtà
3.3.1. Objettiv tal-proġett
— |
It-titjib tas-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi u tal-bijoetika fl-Ukrajna permezz tas-sensibilizzazzjoni tax-xjenzati tal-ħajja fil-qasam tal-bijosikurezza u l-bijosigurtà, f'konformità mal-obbligi taħt l-UNSCR 1540 (2004), inkluż l-infurzar ta' miżuri domestiċi effettivi għall-prevenzjoni tal-proliferazzjoni tal-armi bijoloġiċi u l-mezzi ta' twassil tagħhom. |
3.3.2 Deskrizzjoni tal-proġett
— |
Il-ħolqien ta' tim ta' ħarrieġa minn istituzzjonijiet differenti tax-xjenzi tal-ħajja Ukreni li ser ikunu jistgħu jxerrdu għarfien modern dwar il-prinċipji tal-bijosikurezza, il-bijosigurtà u l-bijoetika, l-aħjar prattiki tal-laboratorju, u tekniki u metodi għall-ġestjoni tal-bijoriskju fil-laboratorji; |
— |
It-titjib tar-riżorsi attwali għal aktar tixrid tal-għarfien u s-sensibilizzazzjoni dwar il-bijosikurezza, il-bijosigurtà u l-bijoetika fost l-għalliema, l-istudenti u r-riċerkaturi fix-xjenzi tal-ħajja u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra b'kont sħiħ meħud tal-Proġett P633 taċ-Ċentru tax-Xjenza u t-Teknoloġija fl-Ukrajna, “L-Edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni fl-Ukrajna”; |
— |
L-iżgurar tas-sostenibbiltà tal-kapaċitajiet ta' taħriġ wara li jitlesta l-proġett. |
3.3.3. Riżultati mistennija tal-proġett
— |
Aktar sensibilizzazzjoni tal-partijiet ikkonċernati lokali u nazzjonali fil-qasam tas-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi; |
— |
Aktar kapaċità tax-xjenzati tal-ħajja biex jittrattaw b'mod sikur materjali bijoloġiċi perikolużi; |
— |
Aktar kapaċità tax-xjenzati tal-ħajja Ukreni biex inaqqsu r-riskji ta' użu żbaljat possibbli ta' materjali u tagħmir li jużaw waqt ir-riċerka tagħhom kif ukoll l-użu żbaljat tal-għarfien u r-riżultati tagħhom; |
— |
L-istabbiliment ta' tim qawwi ta' ħarrieġa dwar il-bijosikurezza u l-bijosigurtà għax-xjenzati tal-ħajja; |
— |
Riżors imtejjeb u sostenibbli għat-tixrid mill-bogħod tal-għarfien dwar il-bijosikurezza, il-bijosigurtà u l-bijoetika. |
3.4. Benefiċjarji tal-proġett
— |
Il-Ministeru għas-Saħħa |
4. Appoġġ amministrattiv għall-implimentazzjoni tal-proġetti
Persunal iddedikat fis-Segretarjat tal-OSKE u fl-uffiċċju tal-Koordinatur tal-Proġetti tal-OSKE fl-Ukrajna ser jikkoordina u jiġġestixxi l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-proġetti stabbiliti fit-Taqsima 3 sabiex jiġi żviluppat aktar il-qafas kollaborattiv bejn is-sħab Ukreni, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' proposti ġodda għal proġetti u miżuri nazzjonali rilevanti.
Il-persunal ta' appoġġ ser iwettaq il-kompiti li ġejjin:
— |
Il-ġestjoni tal-proġetti tul il-passi kollha taċ-ċiklu tal-proġetti; |
— |
It-twettiq ta' sorveljanza finanzjarja ta' kuljum tal-proġetti; |
— |
L-għoti ta' konsulenza esperta teknika u legali, l-appoġġ għall-għoti ta' kuntratti akbar, l-involviment ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, it-twettiq ta' assigurazzjoni tal-kwalità u kontroll tal-kwalità tar-riżultati tanġibbli tal-proġetti approvati, u r-rapportar lill-Unjoni Ewropea. |
5. Tul ta' żmien
It-tul ta' żmien totali tal-proġetti hu stmat li jkun 36 xahar.
6. Entità ta' implimentazzjoni teknika
L-implimentazzjoni teknika ta' din id-Deċiżjoni ser tkun fdata liċ-Ċentru għall-Prevenzjoni ta' Kunflitti tas-Segretarjat tal-OSKE u lill-Koordinatur tal-Proġetti tal-OSKE fl-Ukrajna. L-OSKE ser timplimenta l-attivitajiet taħt din id-Deċiżjoni f'kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet u aġenziji internazzjonali oħra, b'mod partikolari bil-ħsieb li jiġu żgurati sinerġiji effettivi u jiġi evitat xogħol doppju.
7. Rappurtar
Is-Segretarjat tal-OSKE ser iħejji rapporti regolari, kif ukoll rapporti wara li titlesta kull waħda mill-attivitajiet deskritti. Ir-rapporti finali huma mistennija li jiġu ppreżentati lill-Unjoni sa mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara li jitlestew l-attivitajiet rilevanti.
8. Kumitat ta' Tmexxija
Il-Kumitat ta' Tmexxija għal dawn il-proġetti ser ikun magħmul minn rappreżentant tar-Rappreżentant Għoli u rappreżentant tal-entità ta' implimentazzjoni msemmija fit-taqsima 6 ta' dan l-Anness. Il-Kumitat ta' Tmexxija ser jirrevedi regolarment l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, għall-inqas darba kull 6 xhur, inkluż permezz ta' mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi.
9. Spiża totali stmata tal-proġetti u l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni Ewropea
L-ispiża totali tal-proġetti hija EUR 1 913 900.