Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D1216

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1216 tas-17 ta' Lulju 2019 li timplimenta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali

    ST/11178/2019/INIT

    ĠU L 192, 18.7.2019, p. 26–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/1216/oj

    18.7.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 192/26


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/1216

    tas-17 ta' Lulju 2019

    li timplimenta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1775 tat-28 ta' Settembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-28 ta' Settembru 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775.

    (2)

    Fl-10 ta' Lulju 2019, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilit permezz tal-paragrafu 9 tar-Riżoluzzjoni 2374 (2017) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti żied ħames persuni mal-lista ta' persuni soġġetti għall-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar stabbilita fil-paragrafi 1 sa 3 tar-Riżoluzzjoni 2374 (2017).

    (3)

    L-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 huwa b'dan emendat kif stabbilit fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Lulju 2019.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    T. TUPPURAINEN


    (1)  ĠU L 251, 29.9.2017, p. 23.


    ANNESS

    Il-persuni li ġejjin jinżiedu mal-lista ta' persuni li tinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 taħt l-intestatura “A. Lista ta' persuni msemmija fl-Artikolu 1(1)”:

    “4.

    AHMED AG ALBACHAR (magħruf ukoll bħala: Intahmadou Ag Albachar)

    Deżinjazzjoni: President tal-Kummissjoni Umanitarja tal-Bureau Regional d'Administration et Gestion de Kidal

    Data tat-twelid: 31 ta' Diċembru 1963

    Post tat-twelid: Tin-Essako, ir-reġjun ta' Kidal, il-Mali

    Nazzjonalità: Il-Mali

    Nru tal-identifikazzjoni nazzjonali tal-Mali: 1 63 08 4 01 001 005E

    Indirizz: Quartier Aliou, Kidal, Mali

    Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 10 ta' Lulju 2019

    Informazzjoni oħra: Ahmed Ag Albahar huwa negozjant prominenti u, sa mill-bidu tal-2018, konsulent speċjali għall-Gvernatur tar-reġjun ta' Kidal. Membru influwenti tal-Haut Conseil pour l'unité de l'Azawad (HCUA), parti mill-komunità tat-Tuareg tal-Ifoghas, Ahmed Ag Albahar huwa wkoll medjatur bejn il-Coordination des Mouvements de l'Azawad (CMA) u l-Ansar Dine (QDe.135).

    Informazzjoni oħra

    Ahmed Ag Albachar qed jiġi elenkat skont il-paragrafi 8(b) tar-riżoluzzjoni 2374 (2017) għal azzjonijiet meħuda li jxekklu, jew li jxekklu permezz ta' dewmien fit-tul, jew li jheddu l-implimentazzjoni tal-Ftehim; u l-paragrafu 8(e) tar-riżoluzzjoni 2374 (2017) talli xekkel il-kunsinna ta' għajnuna umanitarja lill-Mali, jew l-aċċess għal għajnuna umanitarja, jew id-distribuzzjoni tagħha fil-Mali.

    F'Jannar Ag Albachar uża l-influwenza tiegħu biex jikkontrolla u jagħżel liema proġetti umanitarji u ta' żvilupp iseħħu fir-reġjun ta' Kidal, min jimplimentahom, fejn u meta. L-ebda azzjoni umanitarja ma tista' ssir mingħajr l-għarfien u l-approvazzjoni tagħha. Bħala l-president awtoproklamat tal-kummissjoni umanitarja, Ag Albachar huwa responsabbli milli jagħti l-permessi ta' residenza u ta' xogħol tal-ħaddiema umanitarji bi skambju għal flus jew servizzi. Il-kummissjoni tikkontrolla wkoll liema kumpaniji u individwi jistgħu jipparteċipaw f'offerti għal proġetti li l-NGOs jirreklamaw f'Kidal, u b'hekk tagħti lil Ag Albachar is-setgħa li jimmanipula l-azzjoni umanitarja fir-reġjun u jagħżel lil min jaħdem għall-NGOs. Id-distribuzzjonijiet tal-għajnuna jistgħu jsiru biss taħt is-sorveljanza tiegħu, u b'hekk dan jinfluwenza min jibbenefika mid-distribuzzjonijiet.

    Barra minn hekk, Albachar juża żgħażagħ qiegħda biex jintimida u jhedded lill-NGOs biex jagħmlu r-rieda tiegħu, u b'hekk ifixkel serjament il-ħidma tagħhom. Il-komunità umanitarja inġenerali topera b'biża' f'Kidal, iżda speċjalment il-persunal nazzjonali li huwa aktar vulnerabbli.

    Ahmed Ag Albachar huwa wkoll il-koproprjetarju tal-kumpanija tat-trasport Timitrine Voyage; waħda mill-ftit kumpaniji tat-trasport li l-NGOs huma awtorizzati jużaw f'Kidal. Ag Albachar, flimkien ma' tużżana kumpaniji oħra tat-trasport proprjetà ta' klikka żgħira ta' persuni importanti fost it-Tuareg tal-Ifoghas, jieħu sehem sinifikanti ta' għajnuna umanitarja f'Kidal. Barra minn hekk, il-pożizzjoni ta' monopolju li jżomm Ag Albachar, tagħmel il-kunsinna tal-għajnuna f'ċerti komunitajiet aktar diffiċli minn oħrajn.

    Albachar qed jimmanipula l-għajnuna umanitarja biex jissodisfa l-interessi personali tiegħu u l-interessi politiċi tal-HCUA billi jitterrorizza, jhedded l-NGOs u jikkontrolla l-operazzjonijiet tagħhom, u dan kollu jwassal għal xkiel u tfixkil tal-għajnuna b'effett fuq il-benefiċjarji fil-bżonn fir-reġjun ta' Kidal. Għalhekk, Ahmed Ag Albachar ixekkel l-għoti ta' għajnuna umanitarja lill-Mali, jew l-aċċess għall-għajnuna umanitarja, jew id-distribuzzjoni tagħha fil-Mali.

    L-azzjonijiet tiegħu jiksru wkoll l-artikolu 49 tal-Ftehim dwar il-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Mali li jorbot lill-partijiet li jirrispettaw il-prinċipji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza li jiggwidaw l-azzjoni umanitarja, biex jiġi evitat kwalunkwe użu ta' għajnuna umanitarja għal skopijiet politiċi, ekonomiċi jew militari, u li jiffaċilitaw l-aċċess għall-aġenziji umanitarji u jiggarantixxu s-sigurtà tal-persunal tagħhom. Għalhekk, Albachar ixekkel jew jhedded l-implimentazzjoni tal-Ftehim.

    5.

    HOUKA HOUKA AG ALHOUSSEINI (magħruf ukoll bħala: a) Mohamed Ibn Alhousseyni b) Muhammad Ibn Al-Husayn c) Houka Houka)

    Titlu: Qadi

    Data tat-twelid: a) 1 ta' Jannar 1962 b) 1 ta' Jannar 1963 c) 1 ta' Jannar 1964

    Post tat-twelid: Ariaw, ir-reġjun ta' Tombouctou, il-Mali

    Nazzjonalità: Il-Mali

    Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 10 ta' Lulju 2019

    Informazzjoni oħra: Houka Houka Ag Alhousseini nħatar minn Iyad Ag Ghaly (QDi.316) bħala l-Qadi ta' Timbuktu f'April 2012 wara l-istabbiliment tal-kalifat ġiħadista fit-Tramuntana tal-Mali. Houka Houka kien jaħdem mill-qrib mal-Hesbah, il-pulizija Iżlamika mmexxija minn Ahmad Al Faqi Al Mahdi, miżmum il-ħabs fiċ-Ċentru ta' Detenzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali f'The Hague sa minn Settembru 2016.

    Informazzjoni oħra

    Houka Houka Ag Alhousseini qed jiġi elenkat skont il-paragrafu 8(b) tar-riżoluzzjoni 2374 (2017) għal azzjonijiet meħuda li jxekklu, jew li jxekklu permezz ta' dewmien fit-tul, jew li jheddu l-implimentazzjoni tal-Ftehim.

    Wara l-intervent tal-forzi Franċiżi f'Jannar 2013, Houka Houka Ag Alhousseini ġie arrestat fis-17 ta' Jannar 2014 iżda sussegwentement inħeles mill-awtoritajiet Maljani fil-15 ta' Awwissu 2014, ħelsien li kien ikkundannat mill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem.

    Minn dakinhar 'l hawn, Houka Houka Ag Alhousseini hu bbażat f'Ariaw, fiż-żona ta' Zouéra, raħal li jinsab fil-punent ta' Timbuktu (commune ta' Essakane), fuq xatt il-lag Faguibine fid-direzzjoni tal-fruntiera Mawritana. Fis-27 ta' Settembru 2017, ġie uffiċjalment restitwit hawnhekk bħala għalliem mill-Gvernatur ta' Timbuktu, Koina Ag Ahmadou, dan wara lobbying mill-individwu ssanzjonat Mohamed Ousmane Ag Mohamidoune (MLi.003), mexxej tal-Coalition du peuple de l'Azawad (CPA), elenkat fl-20 ta' Diċembru 2018 mill-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar Mali għal raġunijiet li jinkludu azzjonijiet meħuda li jxekklu, jew li jxekklu permezz ta' dewmien fit-tul, jew li jheddu l-implimentazzjoni tal-Ftehim. Fl-2017 Mohamed Ousmane waqqaf u ppresieda alleanza usa' ta' gruppi sekondarji, il-Coalition des Mouvements de l'Entente (CME). Matul il-konvenzjoni ta' stabbiliment tagħha, is-CME heddet bil-miftuħ fi stqarrija uffiċjali l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Mali. Is-CME kienet involuta wkoll fi xkiel li dewwem l-implimentazzjoni tal-Ftehim, billi għamlet pressjoni fuq il-gvern tal-Mali u l-komunità internazzjonali bil-għan li timponi s-CME fil-mekkaniżmi differenti stabbiliti mill-Ftehim.

    Houka Houka u Mohamed Ousmane kienu strumentali għas-suċċess ta' xulxin, fejn dan tal-aħħar iffaċilita l-laqgħat mal-uffiċjali tal-gvern, u l-ieħor qeda rwol ewlieni fl-espansjoni tal-influwenza ta' Ousmane fuq ir-reġjun ta' Timbuktu. Houka Houka pparteċipa f'ħafna mill-laqgħat tal-komunità organizzati minn Mohamed Ousmane mill-2017 'l hawm, u kkontribwixxa għall-fama l-kredibilità ta' Ousmane fir-reġjun, kif ukoll għaċ-ċerimonja tal-fondazzjoni tal-Coalition des Mouvements de l'Entente (CME), li għaliha ta l-barka tiegħu.

    Iż-żona ta' influwenza ta' Houka Houka dan l-aħħar espandiet aktar lejn il-lvant, lejn ir-reġjun ta' Ber (fortizza tal-Għarab ta' Bérabich li tinsab 50 kilometru lejn il-lvant ta' Timbuktu), u t-Tramuntana ta' Timbuktu. Għalkemm mhuwiex minn nisel il-Qadi u li beda biss fl-2012, Houka Houka kien kapaċi jestendi l-awtorità tiegħu bħala Qadi u l-kapaċità tiegħu li jżomm is-sigurtà pubblika f'ċerti żoni bl-użu ta' assi ta' Al-Furqan u bil-biża' li din l-organizzazzjoni terroristika tinstiga fir-reġjun ta' Timbuktu permezz ta' attakki kumplessi kontra l-forzi tad-difiża u tas-sigurtà internazzjonali u tal-Mali u qtil immirat.

    Għalhekk, permezz tal-appoġġ tiegħu għal Mohamed Ousmane u x-xkiel tiegħu tal-Ftehim, Houka Houka Ag Alhousseini jhedded l-implimentazzjoni tiegħu, kif ukoll il-paċi, is-sigurtà, u l-istabbiltà fil-Mali b'mod ġenerali.

    6.

    MAHRI SIDI AMAR BEN DAHA (magħruf ukoll bħala a) Yoro Ould Daha b) Yoro Ould Daya c) Sidi Amar Ould Daha d) Yoro)

    Deżinjazzjoni: Viċi kap tal-persunal tal-koordinazzjoni reġjonali tal-Mécanisme opérationnel de coordination (MOC) f'Gao

    Data tat-twelid: 1 ta' Jannar 1978

    Post tat-twelid: Djebock, il-Mali

    Nazzjonalità: Il-Mali

    Nru tal-identifikazzjoni nazzjonali tal-Mali: 11262/1547

    Indirizz: Golf Rue 708 Door 345, Gao, Mali

    Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 10 ta' Lulju 2019

    Informazzjoni oħra: Mahri Sidi Amar Ben Daha huwa mexxej tal-komunità Għarbija ta' Lehmar ta' Gao u l-kap tal-persunal militari tal-fergħa favur il-gvern tal-Mouvement Arabe de l'Azawaad (MAA), assoċjat mal-koalizzjoni tal-Plateforme des mouvements du 14 juin 2014 d'Alger (Plateforme).

    Informazzjoni oħra

    Mahri Sidi Amar Ben Daha qed jiġi elenkat skont il-paragrafu 8(b) tar-riżoluzzjoni 2374 (2017) għal azzjonijiet meħuda li jxekklu, jew li jxekklu permezz ta' dewmien fit-tul, jew li jheddu l-implimentazzjoni tal-Ftehim.

    Ben Daha kien uffiċjal għoli tal-pulizija Iżlamika li topera f'Gao meta l-Mouvement pour l'unité et le jihad en Afrique de l'Ouest (MUJAO) (QD.134) ikkontrolla l-belt minn Ġunju 2012 sa Jannar 2013. Ben Daha bħalissa hu viċi kap tal-persunal tal-koordinazzjoni reġjonali tal-Mécanisme opérationnel de coordination (MOC) f'Gao.

    Fit-12 ta' Novembru 2018, il-Plateforme f'Bamako ddikjarat li ma tipparteċipax fil-konsultazzjonijiet reġjonali li jmiss, skedati li jsiru mit-13 sas-17 ta' Novembru skont il-pjan direzzjonali ta' Marzu 2018 maqbul mill-partijiet kollha għall-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni f'Marzu 2018. L-għada, f'Gao, saret laqgħa ta' koordinazzjoni mill-kap tal-persunal militari tal-komponent ta' Ganda Koy tal-Coordination des mouvements et fronts patriotiques de résistance (CMFPR)-Plateforme, ma' rappreżentanti tal-MAA-Platefore, biex iwaqqfu l-konsultazzjonijiet milli jsiru. L-imblokk ġie kkoordinat mat-tmexxija tal-Plateforme f'Bamako, il-MAA-Plateforme, kif ukoll mal-Membru Parlamentari Mohamed Ould Mataly.

    Mill-14 sat-18 ta' Novembru 2018, għexieren ta' ġellieda tal-MAA-Plateforme flimkien ma' dawk tal-fazzjonijiet tas-CMFPR xekklu l-konsultazzjonijiet reġjonali. Fuq struzzjoni u bil-parteċipazzjoni ta' Ben Daha, mill-inqas sitt trakkijiet pick-up mill-Mouvement Arabe de l'Azawad (MAA-Plateforme) tqiegħdu quddiem is-sede tal-gvernatur ta' Gao u fil-viċinanzi tagħha. Fil-post ġew osservati wkoll żewġ vetturi MOC attribwiti lill-MAA-Plateforme.

    Fis-17 ta' Novembru 2018, seħħ inċident bejn elementi armati li mblukkaw l-aċċess għas-sede tal-gvernatur u pattulja FAMa li kienet għaddejja miż-żona, iżda li ġie diffuż qabel ma seta' jeskala u jikkostitwixxi ksur tal-waqfien mill-ġlied. Fit-18 ta' Novembru 2018, total ta' tnax-il vettura u elementi armati neħħew l-imblukkar tas-sede tal-gvernatur wara l-aħħar ċiklu ta' negozjati mal-gvernatur ta' Gao.

    Fit-30 ta' Novembru 2018, Ben Daha organizza laqgħa bejn l-Għarab f'Tinfanda biex jiddiskutu s-sigurtà u r-ristrutturazzjoni amministrattiva. Il-laqgħa kienet tinkludi wkoll l-individwu ssanzjonat Ahmoudou Ag Asriw (MLi.001) li Ben Daha jappoġġa u jiddefendi.

    Għalhekk, billi effettivament waqqaf id-diskussjonijiet dwar dispożizzjonijiet ewlenin tal-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni relatati mar-riforma tal-istruttura territorjali tat-Tramuntana tal-Mali, Ben Daha xekkel l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni. Barra minn hekk, Ben Daha jappoġġa individwu identifikat bħala li jhedded l-implimentazzjoni tal-Ftehim permezz tal-involviment tiegħu fil-ksur tal-waqfien mill-ġlied u f'attività kriminali organizzata.

    7.

    MOHAMED BEN AHMED MAHRI (magħruf ukoll bħala a) Mohammed Rougi b) Mohamed Ould Ahmed Deya c) Mohamed Ould Mahri Ahmed Daya d) Mohamed Rougie e) Mohamed Rouggy f) Mohamed Rouji)

    Data tat-twelid: 1 ta' Jannar 1979

    Post tat-twelid: Tabankort, il-Mali

    Nazzjonalità: Il-Mali

    Nru tal-passaport: a) AA00272627 b) AA0263957

    Indirizz: Bamako, il-Mali

    Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 10 ta' Lulju 2019

    Informazzjoni oħra: Mohamed Ben Ahmed Mahri huwa negozjant mill- komunità Għarbija ta' Lehmar fir-reġjun ta' Gao li qabel ikkollabora mal-Mouvement pour l'unicité et le jihad en Afrique de l'Ouest (MUJAO) (QDe.134).

    Informazzjoni oħra

    Mohamed Ben Ahmed Mahri qed jiġi elenkat skont il-paragrafi 8(c) tar-riżoluzzjoni 2374 (2017) talli aġixxa għal, jew f'isem, jew taħt id-direzzjoni ta', jew talli b'mod ieħor appoġġa jew iffinanzja, individwi u entitajiet identifikati fil-paragrafi 8(a) u (b) tar-riżoluzzjoni 2374 (2017), inkluż permezz tar-rikavat mill-kriminalità organizzata, inkluż il-produzzjoni u t-traffikar ta' drogi narkotiċi u l-prekursuri tagħhom li joriġinaw jew jgħaddu mill-Mali, it-traffikar ta' bnedmin u l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, il-kuntrabandu u t-traffikar ta' armi kif ukoll it-traffikar ta' proprjetà kulturali.

    Bejn Diċembru 2017 u April 2018, Mohamed Ben Ahmed Mahri kkmanda operazzjoni ta' traffikar ta' aktar minn 10 tunnellati ta' kannabis Marokkina, li nġarru fi trakkijiet għat-tkessiħ u għaddew mill-Mauritania, il-Mali, Burkina Faso u n-Niġer. Fil-lejl ta' bejn it-13 u l-14 ta' Ġunju 2018 ġie kkonfiskat kwart tal-kunsinna f'Niamey, filwaqt li grupp rivali kien allegatament seraq it-tliet kwarti li kien fadal matul il-lejl ta' bejn it-12 u t-13 ta' April 2018.

    F'Diċembru 2017, Mohamed Ben Ahmed Mahri kien f'Niamey ma' ċittadin Maljan biex jipprepara l-operazzjoni. Dan tal-aħħar ġie arrestat f'Niamey wara li wasal bl-ajru mill-Marokk ma' żewġ ċittadini Marokkini u żewġ ċittadini Alġerini fil-15 u s-16 ta' April 2018 biex jipprova jirkupra l-kannabis misruqa. Tlieta mill-assoċjati tiegħu ġew ukoll arrestati, inkluż ċittadin Marokkin li ġie kkundannat fil-Marokk fl-2014 għal ħames xhur ħabs għat-traffikar tad-drogi.

    Mohamed Ben Ahmed Mahri jikkmanda t-traffikar tar-raża tal-kannabis lejn in-Niġer direttament mit-Tramuntana tal-Mali, bl-użu ta' konvojs immexxija minn membri tal-Groupe d'autodéfense des Touaregs Imgħad et leurs allies (GATIA), inkluż l-individwu ssanzjonat Ahmoudou Ag Asriw (MLi.001). Mohamed Ben Ahmed Mahri jikkumpensa lil Asriw għall-użu ta' dawn il-konvojs. Dawn il-konvojs spiss joħolqu kunflitti ma' kompetituri assoċjati mal-Coordinament des Mouvements de l'Azawaad (CMA).

    Bl-użu tal-gwadanni finanzjarji tiegħu mit-traffikar tan-narkotiċi, Mohamed Ben Ahmed Mahri jagħti l-appoġġ tiegħu lil gruppi armati terroristiċi, b'mod partikolari l-entità ssanzjonata Al-Mourabitoun (QD.141), billi jipprova jxaħħam lill-uffiċjali biex jeħilsu lill-ġellieda arrestati u jiffaċilita lill-ġellieda jintegraw fil-Mouvement Arab pour l'Azawad (MAA) Plateforme.

    Għalhekk, permezz tad-dħul mill-kriminalità organizzata, Mohamed Ben Ahmed Mahri jappoġġa individwu identifikat skont il-paragrafu 8(b) tar-riżoluzzjoni 2374 (2007) bħala li jhedded l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Mali, flimkien ma' grupp terroristiku identifikat skont ir-riżoluzzjoni 1267.

    8.

    MOHAMED OULD MATALY

    Deżinjazzjoni: Membru Parlamentari

    Data tat-twelid: 1958

    Nazzjonalità: Il-Mali

    Nru tal-passaport: D9011156

    Indirizz: Golf Rue 708 Door 345, Gao, Mali

    Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 10 ta' Lulju 2019

    Informazzjoni oħra: Mohamed Ould Mataly huwa dak li qabel kien is-Sindku ta' Bourem u Membru Parlamentari attwali għall-kostitwenza ta' Bourem, parti mir-Rassamblement pour le Mali (RPM, il-partit politiku tal-President Ibrahim Boubacar Keita). Huwa ġej mill-komunità Għarbija ta' Lehmar u hu membru influwenti tal-fergħa favur il-gvern tal-Mouvement Arabe de l'Azawaad (MAA), assoċjat mal-koalizzjoni tal-Plateforme des mouvements du 14 juin 2014 d'Alger (Plateforme).

    Informazzjoni oħra

    Ahmed Ag Albachar qed jiġi elenkat skont il-paragrafi 8(b) tar-riżoluzzjoni 2374 (2017) għal azzjonijiet meħuda li jxekklu, jew li jxekklu permezz ta' dewmien fit-tul, jew li jheddu l-implimentazzjoni tal-Ftehim.

    Fit-12 ta' Novembru 2018, il-Plateforme f'Bamako ddikjarat li ma tipparteċipax fil-konsultazzjonijiet reġjonali li jmiss, skedati li jsiru mit-13 sas-17 ta' Novembru skont il-pjan direzzjonali ta' Marzu 2018 maqbul mill-partijiet kollha għall-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni f'Marzu 2018. L-għada, f'Gao, saret laqgħa ta' koordinazzjoni mill-kap tal-persunal militari tal-komponent ta' Ganda Koy tal-Coordination des mouvements et fronts patriotiques de résistance (CMFPR)-Plateforme, ma' rappreżentanti tal-MAA-Platefore, biex iwaqqfu l-konsultazzjonijiet milli jsiru. L-imblukkar ġie kkoordinat mat-tmexxija tal-Plateforme f'Bamako, il-MAA-Plateforme, kif ukoll mal-membru parlamentari Mohamed Ould Mataly.

    L-assoċjat qrib tiegħu Mahri Sidi Amar Ben Daha, magħruf ukoll bħala Yuro Ould Daha, li jgħix fil-proprjetà tiegħu f'Gao, ipparteċipa fl-imblukkar tal-post tal-konsultazzjoni fl-uffiċċju tal-Gvernatur matul dan il-perijodu.

    Barra minn hekk, fit-12 ta' Lulju 2016 Ould Mataly kien ukoll wieħed mill-instigaturi ta' dimostrazzjonijiet ostili għall-implimentazzjoni tal-Ftehim.

    Għalhekk, billi effettivament waqqaf id-diskussjonijiet dwar dispożizzjonijiet ewlenin tal-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni relatati mar-riforma tal-istruttura territorjali tat-Tramuntana tal-Mali, Ould Mataly xekkel u dewwem l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni.

    Fl-aħħar nett, Ould Mataly talab il-ħelsien ta' membri tal-komunità tiegħu maqbuda f'operazzjonijiet ta' kontra t-terroriżmu. Permezz tal-involviment tiegħu fil-kriminalità organizzata u l-assoċjazzjoni ma' gruppi terroristiċi armati, Mohamed Ould Mataly jhedded l-implimentazzjoni tal-Ftehim.”


    Top