Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D1128

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1128 tal-1 ta' Lulju 2019 dwar id-drittijiet ta' aċċess għar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza u għat-tweġibiet maħżuna fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew u li tħassar id-Deċiżjoni 2012/780/UE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    C/2019/4878

    ĠU L 177, 2.7.2019, p. 112–113 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/1128/oj

    2.7.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 177/112


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1128

    tal-1 ta' Lulju 2019

    dwar id-drittijiet ta' aċċess għar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza u għat-tweġibiet maħżuna fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew u li tħassar id-Deċiżjoni 2012/780/UE

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta' okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 18(5) tar-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), ir-rakkomandazzjonijiet kollha dwar is-sikurezza u t-tweġibiet kollha għalihom għandhom jiġu rreġistrati fir-repożitorju ċentrali.

    (2)

    Ir-repożitorju ċentrali msemmi fil-premessa 1 huwa stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 376/2014 bħala r-Repożitorju Ċentrali Ewropew.

    (3)

    Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 376/2014, l-aċċess għar-rapporti dwar l-okkorrenzi maħżuna fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew huwa ristrett minħabba n-natura kunfidenzjali tagħhom. Min-naħa l-oħra, hemm interess leġittimu li jingħata aċċess pubbliku għar-rakkomandazzjonijiet kollha dwar is-sikurezza u t-tweġibiet għalihom minħabba l-fini ġenerali tar-Regolament (UE) Nru 996/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 376/2014 li jitnaqqas in-numru ta' aċċidenti u li tiġi promossa d-disseminazzjoni ta' sejbiet dwar inċidenti relatati mas-sikurezza. L-eżistenza ta' tali interess leġittimu hija kkonfermata wkoll mill-fatt li r-rapporti ta' investigazzjoni dwar is-sikurezza, li ta' spiss jinkludu rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza, iridu jsiru pubbliċi skont ir-Regolament (UE) Nru 996/2010.

    (4)

    Skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) Nru 376/2014, il-Kummissjoni trid tadotta arranġamenti għall-ġestjoni tar-Repożitorju Ċentrali Ewropew. Peress li, għal raġunijiet ta' sigurtà, jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda aċċess dirett għar-Repożitorju Ċentrali Ewropew, ir-rakkomandazzjonijiet kollha dwar is-sikurezza u t-tweġibiet kollha għalihom li jinsabu fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew jenħtieġ li jkunu disponibbli għall-pubbliku ġenerali permezz ta' sit web pubbliku separat.

    (5)

    Jenħtieġ li jiġi żgurat f'kull ħin u fil-livelli kollha li, fir-rigward tal-ħżin, l-ipproċessar u l-iskambju tad-data, jiġu rispettati l-obbligi dwar il-protezzjoni tad-data personali stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u fir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

    (6)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/780/UE (5) jenħtieġ li titħassar u tiġi sostitwita b'din id-Deċiżjoni, li meta mqabbla mad-Deċiżjoni 2012/780/UE, jenħtieġ li tistabbilixxi aċċess pubbliku mhux biss għar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza iżda wkoll għat-tweġibiet għalihom.

    (7)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6),

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi miżuri dwar il-ġestjoni tar-Repożitorju Ċentrali Ewropew stabbilit skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 376/2014 fir-rigward tal-aċċess għar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza skont it-tifsira tal-Artikolu 2(15) tar-Regolament (UE) Nru 996/2010 u għat-tweġibiet għalihom irreġistrati skont l-Artikolu 18(3) tal-istess Regolament.

    Artikolu 2

    Stat tar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza u t-tweġibiet għalihom

    Ir-rakkomandazzjonijiet kollha dwar is-sikurezza u t-tweġibiet kollha għalihom li jinsabu fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku ġenerali permezz ta' sit web pubbliku li għandu jiġi stabbilit u ġestit mill-Kummissjoni.

    Artikolu 3

    Protezzjoni tad-data personali

    L-ipproċessar tad-data personali fil-qafas ta' din id-Deċiżjoni għandu jitwettaq f'konformità mar-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725.

    Artikolu 4

    Kunfidenzjalità

    It-tweġibiet għar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza ippubblikati skont din id-Deċiżjoni ma għandu jkun fihom ebda informazzjoni ta' natura kunfidenzjali. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri xierqa f'dak ir-rigward.

    Artikolu 5

    Tħassir

    Id-Deċiżjoni 2012/780/UE titħassar.

    Artikolu 6

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Lulju 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 122, 24.4.2014, p. 18.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta' aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 94/56/KE (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 35).

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/780/UE tal-5 ta' Diċembru 2012 dwar id-drittijiet ta' aċċess għar-Repożitorju Ċentrali Ewropew tar-Rakkomandazzjonijiet dwar is-Sikurezza u t-tweġibiet tagħhom stabbilit bl-Artikolu 18(5) tar-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta' aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 94/56/KE (ĠU L 342, 14.12.2012, p. 46).

    (6)  Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).


    Top