Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0984

Deċiżjoni (UE) 2019/984 tal-Parlament Ewropew U tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE fir-rigward tal-limitu ta' żmien għall-implimentazzjoni tar-regoli speċjali dwar it-tul massimu għall-kabini li jagħtu prestazzjoni ajrudinamika, effiċjenza enerġetika u prestazzjoni tas-sikurezza mtejba

PE/40/2019/REV/1

ĠU L 164, 20.6.2019, pp. 30–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/984/oj

20.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 164/30


DEĊIŻJONI (UE) 2019/984 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-5 ta' Ġunju 2019

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE fir-rigward tal-limitu ta' żmien għall-implimentazzjoni tar-regoli speċjali dwar it-tul massimu għall-kabini li jagħtu prestazzjoni ajrudinamika, effiċjenza enerġetika u prestazzjoni tas-sikurezza mtejba

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE (3) ġiet emendata bid-Direttiva (UE) 2015/719 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) bil-għan li jitnaqqsu l-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, biex il-leġislazzjoni tiġi adattata għall-iżviluppi teknoloġiċi u għall-bidliet fil-bżonnijiet tas-suq u biex jiġi ffaċilitat it-trasport intermodali.

(2)

L-ajrudinamika mtejba tal-kabini tal-vetturi bil-mutur tkun tippermetti titjib sinifikanti fil-prestazzjoni enerġetika tal-vetturi. Madankollu, bir-restrizzjonijiet tat-tul massimu stipulati fid-Direttiva 96/53/KE, dan it-titjib kien impossibbli mingħajr it-tnaqqis tal-kapaċità tat-tagħbija tal-vettura. Għaldaqstant iddaħħlet deroga mir-restrizzjonijiet tat-tul massimu bid-Direttiva (UE) 2015/719.

(3)

Id-deroga mir-restrizzjonijiet tat-tulijiet massimi introdotta mid-Direttiva (UE) 2015/719 għandha tapplika mid-data li taħbat tliet snin wara d-data ta' traspożizzjoni jew ta' applikazzjoni tal-emendi meħtieġa fir-rigward tar-rekwiżiti tekniċi tal-approvazzjoni tat-tip.

(4)

Sabiex iseħħu mill-iktar fis possibbli l-benefiċċji tal-kabini ajrudinamiċi, f'termini ta' prestazzjoni enerġetika tal-vetturi tqal tal-merkanzija, iżda wkoll f'termini ta' viżibbiltà aħjar għas-sewwieqa, ta' sikurezza għall-ħaddieħor li jkun qed juża t-triq kif ukoll ta' sikurezza u kumdità għas-sewwieqa, jenħtieġ li jiġi żgurat li tali kabini ajrudinamiċi jkunu jistgħu jiġu introdotti mingħajr dewmien żejjed, hekk kif ikunu fis-seħħ ir-rekwiżiti meħtieġa tal-approvazzjoni tat-tip.

(5)

Is-settur tat-trasport u l-manifatturi tat-tagħmir jeħtieġu biżżejjed żmien biex jiżviluppaw servizzi u prodotti ġodda. Sabiex igawdu l-benefiċċji ta' regoli aktar flessibbli dwar id-disinn ta' kabini, huwa importanti li l-Kummissjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet tekniċi meħtieġa jkunu jistgħu jiġu adottati mill-iktar fis possibbli biex fis-swieq tkun tista' tidħol, bla xkiel u malajr, ġenerazzjoni ġdida ta' kabini. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri, filwaqt li jaġixxu fir-rwoli rispettivi tagħhom fil-Kumitat Tekniku dwar il-Vetturi bil-Mutur, stabbilit mid-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jiżguraw li tingħata opinjoni malajr. Jekk il-miżuri maħsuba mill-Kummissjoni ma jkunux konformi mal-opinjoni ta' dak il-kumitat, jew jekk ma tingħata ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha taġixxi mingħajr dewmien skont l-Artikolu 5a(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE (6).

(6)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva 96/53/KE tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 9a tad-Direttiva 96/53/KE huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu, wara l-punt (d), huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa, fil-qafas tad-Direttiva 2007/46/KE, biex tipprovdi għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi jew kombinazzjonijiet ta' vetturi msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu sal-1 ta' Novembru 2019.”;

(2)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Il-paragrafu 1 għandu japplika mill-1 ta' Settembru 2020.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)   ĠU C 62, 15.2.2019, p. 286.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2019.

(3)  Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE tal-25 ta' Lulju 1996 li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità id-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali (ĠU L 235, 17.9.1996, p. 59).

(4)  Direttiva (UE) 2015/719 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità d-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali (ĠU L 115, 6.5.2015, p. 1).

(5)  Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (“Direttiva Kwadru”) (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1)

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju ta' setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23).


Top