Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0968

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/968 tas-6 ta' Ġunju 2019 dwar il-varar fir-Renju Unit tal-iskambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data dwar id-DNA

    ST/13123/2018/INIT

    ĠU L 156, 13.6.2019, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/968/oj

    13.6.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 156/8


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/968

    tas-6 ta' Ġunju 2019

    dwar il-varar fir-Renju Unit tal-iskambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data dwar id-DNA

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 33 tagħha,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

    Billi:

    (1)

    F'konformità mal-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, il-forniment ta' data personali previst skont dik id-Deċiżjoni ma jistax isir sakemm id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data stipulati fil-Kapitolu 6 ta' dik id-Deċiżjoni ma jkunux ġew implimentati fil-liġi nazzjonali tat-territorji tal-Istati Membri involuti f'tali forniment.

    (2)

    L-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI (3) jipprevedi li l-verifika li l-kondizzjoni msemmija fil-premessa 1 tkun ġiet issodisfata fir-rigward tal-iskambju awtomatizzat ta' data f'konformità mal-Kapitolu 2 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI għandha ssir abbażi ta' rapport ta' evalwazzjoni bbażat fuq kwestjonarju, żjara ta' evalwazzjoni u prova pilota.

    (3)

    Ir-Renju Unit informa lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill dwar il-fajls nazzjonali tal-analiżi tad-DNA li għalihom japplikaw l-Artikoli 2 sa 6 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u l-kondizzjonijiet għal tiftix awtomatizzat kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) ta' dik id-Deċiżjoni f'konformità mal-Artikolu 36(2) ta' dik id-Deċiżjoni.

    (4)

    F'konformità mal-punt 1.1 tal-Kapitolu 4 tal-Anness għad-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI, il-kwestjonarju mfassal mill-Grupp ta' Ħidma rilevanti tal-Kunsill jikkonċerna kull wieħed mill-iskambji awtomatizzati ta' data u għandu jintwieġeb minn Stat Membru hekk kif huwa jemmen li huwa jissodisfa l-prerekwiżiti għall-kondiviżjoni tad-data fil-kategorija rilevanti ta' data.

    (5)

    Ir-Renju Unit lesta l-kwestjonarju dwar il-protezzjoni tad-data u l-kwestjonarju dwar l-iskambju ta' data dwar id-DNA.

    (6)

    Ir-Renju Unit wettaq b'suċċess prova pilota mal-Awstrija u l-Ġermanja.

    (7)

    Saret żjara ta' evalwazzjoni fir-Renju Unit u l-grupp ta' evalwazzjoni Awstrijak, Ġermaniż u Franċiż ipproduċa rapport dwar iż-żjara ta' evalwazzjoni li ntbagħat lill-Grupp ta' Ħidma rilevanti tal-Kunsill.

    (8)

    Ġie ppreżentat lill-Kunsill rapport ta' evalwazzjoni ġenerali, li jagħti sinteżi tar-riżultati tal-kwestjonarju, taż-żjara ta' evalwazzjoni u tal-prova pilota fir-rigward tal-iskambju ta' data dwar id-DNA.

    (9)

    Fil-11 ta' Ottubru 2018, il-Kunsill, wara li ħa nota tal-ftehim tal-Istati Membri kollha marbutin bid-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, ikkonkluda li r-Renju Unit implimenta għalkollox id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data li jinsabu fil-Kapitolu 6 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

    Barra minn hekk, il-Kunsill talab li r-Renju Unit jirrieżamina, fi żmien 12-il xahar mill-varar tal-iskambju awtomatizzat ta' data, il-politika tiegħu li jeskludi l-profili ta' persuni suspettati mill-iskambju awtomatizzat ta' data dwar id-DNA,, fid-dawl tal-esperjenza operazzjonali tal-iskambju tad-data dwar id-DNA ta' Prüm u fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet fir-rapport dwar iż-żjara ta' evalwazzjoni.

    (10)

    Għalhekk, għall-finijiet ta' tiftix awtomatizzat ta' data dwar id-DNA, jenħtieġ li r-Renju Unit ikun intitolat li jirċievi u jforni data personali skont l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI. Madankollu, minħabba s-sinifikat prattiku u operazzjonali tal-inklużjoni tal-profili ta' persuni suspettati fl-iskambju awtomatizzat ta' data dwar id-DNA għas-sigurtà pubblika, b'mod partikolari għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali, jenħtieġ li r-Renju Unit jirrevedi l-politika tiegħu dwar l-iskambju tal-profili ta' persuni suspettati. Jekk l-esperjenza operazzjonali akkwistata permezz tal-iskambju ta' data dwar id-DNA ta' Prüm fl-ewwel 12-il xahar ma wasslitx lir-Renju Unit jinnotifika lill-Kunsill li huwa rrieżamina l-politika tiegħu, jenħtieġ li l-Kunsill jevalwa mill-ġdid is-sitwazzjoni bil-ħsieb tal-kontinwazzjoni jew it-terminazzjoni tal-iskambju awtomatizzat ta' data dwar id-DNA ta' Prüm mar-Renju Unit.

    (11)

    L-Artikolu 33 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI jagħti lill-Kunsill setgħat ta' implimentazzjoni bil-ħsieb tal-adozzjoni tal-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni ta' dik id-Deċiżjoni, b'mod partikolari fir-rigward tar-riċezzjoni u l-forniment ta' data personali previsti taħt dik id-Deċiżjoni.

    (12)

    Peress li l-kondizzjonijiet biex jingħata bidu għall-eżerċizzju ta' tali setgħat ta' implimentazzjoni ġew issodisfati u l-proċedura f'dan ir-rigward ġiet segwita, jenħtieġ li tiġi adottata Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni dwar il-varar fir-Renju Unit tal-iskambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data dwar id-DNA sabiex dak l-Istat Membru jkun jista' jirċievi u jforni data personali bis-saħħa tal-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

    (13)

    Id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit huma marbuta bid-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u għalhekk qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Għall-finijiet tat-tiftix u l-ipparagunar awtomatizzati ta' data dwar id-DNA, ir-Renju Unit huwa intitolat li jirċievi u jforni data personali bis-saħħa tal-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI mill-14 ta' Ġunju 2019.

    Artikolu 2

    Sal-15 ta' Ġunju 2020, ir-Renju Unit għandu jlesti rieżami tal-politika tiegħu ta' esklużjoni ta' profili ta' persuni suspettati mill-iskambju awtomatizzat ta' data dwar id-DNA.

    Jekk, sad-data msemmija fl-ewwel subparagrafu, ir-Renju Unit ma jkunx innotifika lill-Kunsill li huwa jqiegħed għad-dispożizzjoni d-DNA ta' persuni suspettati f'konformità mad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, il-Kunsill għandu, fi żmien tliet xhur, jevalwa mill-ġdid is-sitwazzjoni fir-rigward tal-kontinwazzjoni jew it-terminazzjoni tal-iskambju tad-data dwar id-DNA mar-Renju Unit.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika f'konformità mat-Trattati.

    Magħmul fil-Lussemburgu, is-6 ta' Ġunju 2019.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. BIRCHALL


    (1)  ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1.

    (2)  Opinjoni tat-12 ta' Marzu 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12).


    Top