Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0896

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/896 tat-28 ta' Mejju 2019 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/450 fir-rigward tad-Dokumenti Ewropej ta' Valutazzjoni għal kittijiet ta' diviżjoni interna għall-użu bħala ħitan b'piż li mhux tat-tagħbija, sistemi ta' folji flessibbli li ma jidħolx ilma minnhom u li jkunu mwaħħlin mekkanikament, folja kompożita rqiqa tal-metall, mikrosferi vojta minn ġewwa u elastiċi bħala taħlita tal-konkos, assemblaġġi għat-twaħħil ta' superfiċe ċatta, u kittijiet tas-soqfa transluċidi li jifilħu lilhom infushom b'għata magħmula minn folji tal-plastik (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2019/3908

ĠU L 142, 29.5.2019, p. 69–71 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/896/oj

29.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 142/69


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/896

tat-28 ta' Mejju 2019

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/450 fir-rigward tad-Dokumenti Ewropej ta' Valutazzjoni għal kittijiet ta' diviżjoni interna għall-użu bħala ħitan b'piż li mhux tat-tagħbija, sistemi ta' folji flessibbli li ma jidħolx ilma minnhom u li jkunu mwaħħlin mekkanikament, folja kompożita rqiqa tal-metall, mikrosferi vojta minn ġewwa u elastiċi bħala taħlita tal-konkos, assemblaġġi għat-twaħħil ta' superfiċe ċatta, u kittijiet tas-soqfa transluċidi li jifilħu lilhom infushom b'għata magħmula minn folji tal-plastik

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi kundizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 22 tiegħu,

Billi:

(1)

F'konformità mar-Regolament (UE) Nru 305/2011, il-Korpi tal-Valutazzjoni Teknika jridu jużaw il-metodi u l-kriterji pprovduti fid-Dokumenti Ewropej ta' Valutazzjoni, li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-prodotti għall-bini koperti minn dawk id-dokumenti b'rabta mal-karatteristiki essenzjali tagħhom.

(2)

F'konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, wara diversi talbiet mill-manifatturi għal Valutazzjonijiet Tekniċi Ewropej, l-organizzazzjoni tal-Korpi tal-Valutazzjoni Teknika (korpi VT) fasslet u adottat diversi Dokumenti Ewropej ta' Valutazzjoni.

(3)

Id-Dokumenti Ewropej ta' Valutazzjoni jikkonċernaw kittijiet ta' diviżjoni interna għall-użu bħala ħitan b'piż li mhux tat-tagħbija, sistemi ta' folji flessibbli li ma jidħolx ilma minnhom u li jkunu mwaħħlin mekkanikament, folja kompożita rqiqa tal-metall, mikrosferi vojta minn ġewwa u elastiċi bħala taħlita tal-konkos, assemblaġġi għat-twaħħil ta' superfiċe ċatta, u kittijiet tas-soqfa transluċidi li jifilħu lilhom infushom b'għata magħmula minn folji tal-plastik. Id-Dokumenti Ewropej ta' Valutazzjoni fihom deskrizzjoni ġenerali tal-prodott għall-bini, il-lista tal-karatteristiki essenzjali, rilevanti għall-użu maħsub tal-prodott kif previst mill-manifattur u miftiehem bejn il-manifattur u l-organizzazzjoni tal-korpi VT, kif ukoll il-metodi u l-kriterji għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-prodott b'rabta ma' dawk il-karatteristiki essenzjali.

(4)

Filwaqt li d-Dokumenti Ewropej ta' Valutazzjoni li jikkonċernaw kittijiet ta' diviżjoni interna għall-użu bħala ħitan b'piż li mhux tat-tagħbija, sistemi ta' folji flessibbli li ma jidħolx ilma minnhom u li jkunu mwaħħlin mekkanikament, u kittijiet tas-soqfa transluċidi li jifilħu lilhom infushom b'għata magħmula minn folji tal-plastik kienu nħarġu biex jieħdu post il-Linji Gwida korrispondenti li kienu jintużaw qabel għall-Approvazzjoni Teknika Ewropea (ETAGs), id-Dokumenti Ewropej ta' Valutazzjoni li jikkonċernaw folja kompożita rqiqa tal-metall, mikrosferi vojta minn ġewwa u elastiċi bħala taħlita tal-konkos, u assemblaġġi għat-twaħħil ta' superfiċe ċatta kienu bbażati unikament fuq talbiet ta' manifatturi individwali għal Valutazzjonijiet Tekniċi Ewropej.

(5)

Il-Kummissjoni vvalutat jekk id-Dokumenti Ewropej ta' Valutazzjoni mfassla mill-organizzazzjoni tal-Korpi tal-Valutazzjoni Teknika jissodisfawx it-talbiet li jridu jiġu ssodisfati b'rabta mar-rekwiżiti bażiċi għax-xogħlijiet ta' bini stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 305/2011.

(6)

Id-Dokumenti Ewropej ta' Valutazzjoni mfassla mill-organizzazzjoni tal-Korpi tal-Valutazzjoni Teknika jissodisfaw it-talbiet li jridu jiġu ssodisfati b'rabta mar-rekwiżiti bażiċi għax-xogħlijiet ta' bini stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, peress li l-elementi elenkati fil-premessa 3 ta' din id-Deċiżjoni ġew inkorporati fihom kif suppost. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu ppubblikati r-referenzi ta' dawk id-Dokumenti Ewropej ta' Valutazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(7)

Il-lista ta' Dokumenti Ewropej ta' Valutazzjoni ġiet ippubblikata bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/450 (2). Għal raġunijiet ta' ċarezza, jenħtieġ li r-referenzi ta' Dokumenti Ewropej ta' Valutazzjoni ġodda jiżdiedu ma' dik il-lista.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/450 tiġi emendata skont dan.

(9)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-użu tad-Dokumenti Ewropej ta' Valutazzjoni minn kmieni kemm jista' jkun, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/450 huwa emendat f'konformità mal-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Mejju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 88, 4.4.2011, p. 5.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/450 tad-19 ta' Marzu 2019 dwar il-pubblikazzjoni tad-Dokumenti Ewropej ta' Valutazzjoni (EADs) għall-prodotti tal-bini abbozzati b'appoġġ tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 77, 20.3.2019, p. 78).


ANNESS

Fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/450, jiżdiedu r-ringieli li ġejjin:

“030351-00-0402

Sistemi ta' folji flessibbli li ma jidħolx ilma minnhom u li jkunu mwaħħlin mekkanikament

(jieħdu post l-ispeċifikazzjoni teknika “ETAG 006”)

210005-00-0505

Kittijiet ta' diviżjoni interna għall-użu bħala ħitan b'piż mhux tat-tagħbija

(jieħdu post l-ispeċifikazzjoni teknika “ETAG 003”)

210046-00-1201

Folja kompożita rqiqa tal-metall

220089-00-0401

Kittijiet tas-soqfa transluċidi li jifilħu lilhom infushom b'għata magħmula minn folji tal-plastik

(jieħdu post l-ispeċifikazzjoni teknika “ETAG 010”)

260017-00-0301

Mikrosferi vojta minn ġewwa u elastiċi bħala taħlita tal-konkos

331924-00-0602

Assemblaġġi għat-twaħħil ta' superfiċe ċatta”


Top