Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0851

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/851 tal-14 ta' Mejju 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali waqt l-74 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u l-101 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima, dwar l-adozzjoni ta' emendi għall-Anness II tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri, emendi għall-Kodiċi Internazzjonali tal-2011 dwar il-Programm Imtejjeb ta' Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta' Bastimenti ta' Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, emendi għall-Kodiċi Internazzjonali tat-Tagħmir għas-Salvataġġ, emendi għall-Formoli C, E u P tal-appendiċi tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar, u emendi għall-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw il-Gassijiet jew Karburanti Oħrajn b'Punt ta' Fjammabbiltà Baxx

    ST/8675/2019/INIT

    ĠU L 139, 27.5.2019, p. 10–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/851/oj

    27.5.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 139/10


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/851

    tal-14 ta' Mejju 2019

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali waqt l-74 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u l-101 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima, dwar l-adozzjoni ta' emendi għall-Anness II tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri, emendi għall-Kodiċi Internazzjonali tal-2011 dwar il-Programm Imtejjeb ta' Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta' Bastimenti ta' Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, emendi għall-Kodiċi Internazzjonali tat-Tagħmir għas-Salvataġġ, emendi għall-Formoli C, E u P tal-appendiċi tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar, u emendi għall-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw il-Gassijiet jew Karburanti Oħrajn b'Punt ta' Fjammabbiltà Baxx

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Jenħtieġ li l-azzjoni tal-Unjoni fis-settur tat-trasport marittimu timmira li tipproteġi l-ambjent tal-baħar u li ttejjeb is-sikurezza marittima.

    (2)

    Il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (“MEPC”) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (“OMI”), waqt l-74 sessjoni tiegħu mit-13 sas-17 ta' Mejju 2019 (“MEPC 74”), huwa mistenni jadotta emendi għall-Anness II għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (“l-Anness II tal-MARPOL”).

    (3)

    Il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima (“MSC”) tal-OMI, waqt il-101 sessjoni tiegħu mill-5 sal-14 ta' Ġunju 2019 (“MSC 101”), huwa mistenni jadotta emendi għall-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta' Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta' Bastimenti ta' Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt (“il-Kodiċi ESP tal-2011”), emendi għall-Kodiċi Internazzjonali tat-Tagħmir għas-Salvataġġ (“il-Kodiċi LSA”), emendi għar-Reġistri tat-Tagħmir (tal-Formoli C, E u P tal-appendiċi tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (“SOLAS”) u emendi għall-Partijiet A u A-1 tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw il-Gassijiet jew Karburanti Oħrajn b'Punt ta' Fjammabbiltà Baxx (“il-Kodiċi IGF”).

    (4)

    Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni waqt l-MEPC 74, peress li l-emendi għall-Anness II tal-MARPOL ser ikunu jistgħu jinfluwenzaw b'mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u d-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

    (5)

    Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni waqt l-MSC 101 peress li: l-emendi għall-Kodiċi ESP tal-2011 ser ikunu jistgħu jinfluwenzaw b'mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament (UE) Nru 530/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3); l-emendi għall-Kodiċi LSA ser ikunu jistgħu jinfluwenzaw b'mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/773 (4) u d-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5); l-emendi għall-Konvenzjoni SOLAS ser ikunu jistgħu jinfluwenzaw b'mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6); u l-emendi għall-Kodiċi IGF ser ikunu jistgħu jinfluwenzaw b'mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2009/45/KE.

    (6)

    Jenħtieġ li l-emendi tal-Anness II tal-MARPOL jiżguraw li jitnaqqas l-impatt fuq l-ambjent relatat ma' fdalijiet ta' merkanzija u ma' likwidi tal-ħasil ta' tankijiet magħmulin minn prodotti persistenti li jżommu f'wiċċ l-ilma li jkollhom viskożità għolja u/jew punt għoli tat-tidwib.

    (7)

    L-emendi għall-Kodiċi ESP tal-2011 jenħtieġ li jkunu jinkludu bidliet editorjali fil-Kodiċi, li jidentifikaw ir-rekwiżiti obbligatorji kollha u li jtejbu t-tabelli u l-formoli, kif ukoll li jgħaqqdu dawk il-bidliet editorjali ma' test li jirrigwarda rekwiżiti sostanzjali ġodda sabiex jiġu riflessi aġġornamenti reċenti fis-serje Z10 tar-Rekwiżiti Unifikati tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet ta' Klassifikazzjoni.

    (8)

    Jenħtieġ li l-emendi għall-paragrafu 6.1.1.3 tal-Kodiċi LSA jiżguraw l-implimentazzjoni uniformi fir-rigward tal-varar manwali ta' dgħajjes żgħar tas-salvataġġ li ma jkunux waħda minn fost l-opri tal-baħar tas-sopravvivenza ta' bastiment.

    (9)

    Jenħtieġ li l-emendi għall-paragrafu 4.4.8.1 tal-Kodiċi LSA jiżguraw li d-dgħajjes tas-salvataġġ li jkollhom żewġ sistemi ta' propulsjoni indipendenti jiġu eżentati mill-obbligu li jkunu mgħammra b'biżżejjed imqadef li jżommu f'wiċċ l-ilma u oġġetti relatati biex dawn jivvjaġġaw f'ibħra kalmi.

    (10)

    Jenħtieġ li l-emendi għall-punt 8.1 tal-Formoli C, E u P tar-Reġistri tat-Tagħmir tal-appendiċi tal-Konvenzjoni SOLAS jiżguraw li jkun ċar li mhux l-indikaturi elenkati kollha japplikaw għall-bastimenti kollha u li l-indikaturi jistgħu, għalhekk, jitħassru skont il-bżonn.

    (11)

    Jenħtieġ li l-emendi għall-Partijiet A u A-1 tal-Kodiċi IGF jiżguraw il-konsistenza fir-rigward tar-rekwiżiti eżistenti għall-bastimenti li jużaw il-gass naturali bħala fjuwil billi jintroduċu emendi meħtieġa abbażi tal-esperjenza miksuba fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Kodiċi.

    (12)

    L-Unjoni mhijiex Membru tal-OMI, u lanqas ma hija Parti Kontraenti għall-konvenzjonijiet u l-kodiċijiet rilevanti. Għalhekk jenħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri biex jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni u biex jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu b'dawk l-emendi, sa fejn dawk l-emendi jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fl-74 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-OMI għandha tkun waħda ta' qbil mal-adozzjoni tal-emendi għall-Anness II tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri, relattivament għar-rekwiżiti tar-rimi għal-likwidi tal-ħasil ta' tankijiet magħmulin minn prodotti persistenti li jżommu f'wiċċ l-ilma li jkollhom viskożità għolja u/jew punt għoli tat-tidwib, kif stabbiliti fl-Anness tad-dokument MEPC 74/3/1 tal-OMI.

    Artikolu 2

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-101 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI għandha tkun waħda ta' qbil ma' dan li ġej:

    (a)

    l-adozzjoni tal-emendi għall-Kodiċi Internazzjonali tal-2011 dwar il-Programm Imtejjeb ta' Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta' Bastimenti ta' Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, kif stabbiliti fid-dokument SDC 6/13/Add.1 tal-OMI;

    (b)

    l-adozzjoni tal-emendi għall-paragrafu 6.1.1.3 tal-Kodiċi Internazzjonali tat-Tagħmir għas-Salvataġġ, kif stabbiliti fl-Anness 4 tad-dokument MSC 101/3 tal-OMI;

    (c)

    l-adozzjoni tal-emendi għall-paragrafu 4.4.8.1 tal-Kodiċi Internazzjonali tat-Tagħmir għas-Salvataġġ, kif stabbiliti fl-Anness 4 tad-dokument MSC 101/3 tal-OMI;

    (d)

    l-adozzjoni tal-emendi għall-punt 8.1 tal-Formoli C, E u P tar-Reġistri tat-Tagħmir fl-appendiċi tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar, kif stabbiliti fl-Anness 1 tad-dokument MSC 101/3 tal-OMI;

    (e)

    l-adozzjoni tal-emendi għall-Partijiet A u A-1 tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw il-Gassijiet jew Karburanti Oħrajn b'Punt ta' Fjammabbiltà Baxx, kif stabbiliti fl-Anness 3 tad-dokument MSC 101/3 tal-OMI.

    Artikolu 3

    1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni kif mogħtija fl-Artikolu 1 għandhom jesprimuha l-Istati Membri, li huma kollha membri tal-OMI, billi jaġixxu b'mod konġunt fl-interessi tal-Unjoni.

    2.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni kif mogħtija fl-Artikolu 2 għandhom jesprimuha l-Istati Membri, li huma kollha membri tal-OMI, billi jaġixxu b'mod konġunt fl-interessi tal-Unjoni.

    3.   Jista' jintlaħaq qbil dwar bidliet minuri fil-pożizzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 1 u 2 mingħajr ma tittieħed deċiżjoni oħra min-naħa tal-Kunsill.

    Artikolu 4

    L-Istati Membri huma b'dan awtorizzati li jagħtu l-kunsens tagħhom li jintrabtu, fl-interessi tal-Unjoni, bl-emendi msemmija fl-Artikoli 1 u 2, sa fejn dawk l-emendi jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Mejju 2019.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. DAEA


    (1)  Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar tniġġis ikkawżat minn vapuri u dwar l-introduzzjoni ta' penali, inklużi pieni kriminali, għal reati ta' tniġġis (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 11).

    (2)  Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija (ĠU L 332, 28.12.2000, p. 81).

    (3)  Regolament (UE) Nru 530/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar l-introduzzjoni aċċellerata ta' rekwiżiti ta' buq doppju jew ta' disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b'buq wieħed (ĠU L 172, 30.6.2012, p. 3).

    (4)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/773 tal-15 ta' Mejju 2018 dwar id-disinn, il-kostruzzjoni u l-prestazzjoni u l-istandards tal-ittestjar għat-tagħmir tal-baħar u li jħassar ir-Regolament (UE) 2017/306 (ĠU L 133, 30.5.2018, p. 1).

    (5)  Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar tagħmir tal-baħar u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 146).

    (6)  Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar regoli u standards ta' sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1).


    Top