Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0813(01)

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Awwissu 2019 dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem li hemm referenza għalih fl-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill — “Αρσενικό Νάξου” (Arseniko Naxou) (DOP)

    C/2019/6045

    ĠU C 271, 13.8.2019, p. 68–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    13.8.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 271/68


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-8 ta’ Awwissu 2019

    dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem li hemm referenza għalih fl-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    “Αρσενικό Νάξου” (Arseniko Naxou) (DOP)

    (2019/C 271/04)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 50(2)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-Greċja bagħtet applikazzjoni lill-Kummissjoni għall-protezzjoni tal-isem “Αρσενικό Νάξου” (Arseniko Naxou) skont l-Artikolu 49(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (2)

    Skont l-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni u kkonkludiet li din tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dak ir-Regolament.

    (3)

    Sabiex ikunu jistgħu jitressqu l-avviżi ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jenħtieġ li d-Dokument Uniku u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott imsemmijin fl-Artikolu 50(2)(a) ta’ dak ir-Regolament jiġu ppubblikati għall-isem “Αρσενικό Νάξου” (Arseniko Naxou) f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu Uniku

    Id-Dokument Uniku u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott imsemmijin fl-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 għall-isem “Αρσενικό Νάξου” (Arseniko Naxou) (DOP) jinsabu fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandha tagħti d-dritt ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem imsemmi fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu fi żmien tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Awwissu 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Phil HOGAN

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


    ANNESS

    DOKUMENT UNIKU

    “ΑΡΣΕΝΙΚΟ ΝΑΞΟΥ” (ARSENIKO NAXOU)

    Nru tal-UE: PDO-GR-02323 — 6.11.2017

    DOP ( X ) IĠP ( )

    1.   Denominazzjoni(jiet)

    “Αρσενικό Νάξου” (Arseniko Naxou)

    2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

    Il-Greċja

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    3.1.   Tip ta’ prodott

    Klassi 1.3. Ġobon

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih tapplika d-denominazzjoni fil-punt 1

    “Arseniko Naxou” huwa ġobon tal-mejda iebes u mmaturat li jiġi mmanifatturat b’mod tradizzjonali mill-ħalib tal-mogħża u tan-nagħġa mhux ippasturizzat.

    Il-ġobon “Arseniko Naxou”, ikkummerċjalizzat f’għamla ta’ rota sħiħa, għandu l-karatteristiki fiżiċi li ġejjin: għamla ċilindrika, piż ta’ bejn 1 kg u 4 kg, kulur minn abjad avorju sa isfar ċar b’qoxra iebsa u bi ħxuna relattivament irqiqa.

    Il-kontenut ta’ xaħam tal-estratt niexef ma għandux ikun inqas minn 43 %, il-kontenut ta’ proteini ma għandux ikun inqas minn 27 %, filwaqt li l-kontenut ta’ ndewwa ma għandux jaqbeż 38 % u l-kontenut ta’ melħ ma għandux jaqbeż 3,5 %.

    Il-karatteristiki organolettiċi tal-prodott, li jiddistingwuh minn kwalunkwe ġobon iebes ieħor, huma t-togħma intensa, pikkanti, mielħa, zokkrija u pjaċevoli, is-sawra kremuża u ħelwa, u l-aroma rikka. Hekk kif jimmatura, isir aktar pikkanti u aromatiku.

    Minħabba l-użu tal-ħalib mhux ippasturizzat, “Arseniko Naxou” jrid jiġi mmaturat għal mill-inqas 3 xhur qabel jiġi rilaxxat fis-suq sabiex jiġi garantit li ma jkunx hemm mikrorganiżmi mhux mixtieqa. Il-perjodu ta’ manifattura tal-prodott huwa minn Diċembru sa Mejju.

    3.3.   Għalf (għal prodotti li ġejjin mill-annimali biss) u materja prima (għal prodotti pproċessati biss)

    In-nagħaġ u l-mogħoż tar-reġjun muntanjuż jew semimuntanjuż ta’ Naxos huma razez lokali u inkroċjar ta’ dawn ir-razez, adattati għall-kundizzjonijiet ta’ dawn ir-reġjuni, imrobbija b’mod tradizzjonali f’unitajiet ta’ produzzjoni estensiva. Minn madwar Diċembru sa Mejju, il-perjodu ta’ produzzjoni għolja tal-ħalib u l-perjodu ta’ manifattura ta’ “Arseniko Naxou”, l-annimali jieklu veġetazzjoni lokali tar-reġjun li tikber aktar bix-xita tax-xitwa u tar-rebbiegħa (timu, genista acanthoclada, warda tal-blat, pimprenelle épineuse, calicotome velu, deru, ballut tax-xagħri, eċċ.). Meta l-kundizzjonijiet klimatiċi ma jippermettux dan, huma jingħataw jieklu foraġġ imnixxef prodott fiż-żona ġeografika (xgħir, ħafur, ġulbiena, xnien). Minn Ġunju sa Settembru, perjodu ta’ produzzjoni baxxa tal-ħalib u perjodu li fih ma jiġix immanifatturat il-prodott, l-annimali jirgħu fuq il-bwar, jingħataw jieklu supplimenti prodotti lokalment u foraġġ prodott barra miż-żona ġeografika (ħbub tal-qamħ mimlijin lamtu, nuħħala, tiben). Matul il-perjodu minn Ottubru sa Novembru, minħabba n-nuqqas ta’ veġetazzjoni naturali u l-ħtiġijiet akbar tal-annimali, in-nutrizzjoni tagħhom tiġi ssupplimentata permezz ta’ foraġġ niexef prodott lokalment u ta’ foraġġ minn żoni ġeografiċi oħra. Il-perċentwal massimu ta’ supplimenti prodotti barra miż-żona ġeografika huwa ta’ inqas minn 40 % tal-materja niexfa kull sena.

    Il-materja prima bażika għall-manifattura ta’ “Arseniko Naxou” hija: il-ħalib, it-tames, il-melħ u ż-żejt.

    3.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

    Il-passi relatati mal-produzzjoni u l-ipproċessar tal-ħalib, kif ukoll mal-produzzjoni u l-maturazzjoni tal-prodott finali, jitwettqu fiż-żona ġeografika ddefinita.

    3.5.   Regoli speċifiċi applikabbli għat-tqattigħ, it-tħakkik, l-imballaġġ, eċċ. tal-prodott li għalih tirreferi d-denominazzjoni

    L-imballaġġ tal-prodott irid isir fiż-żona ġeografika ddefinita b’mod li jiggarantixxi: (a) il-kwalità tal-prodott matul il-ħżin u t-trasport tiegħu, billi jiġi protett kontra aġenti fiżiċi (indewwa, dawl, temperatura, trab, gass mit-tromba ta’ ċumnija) u kontra aġenti bijoloġiċi (batterji, fungi, virus), (b) it-traċċabbiltà tal-prodott u (c) il-monitoraġġ meħtieġ tal-kwantitajiet prodotti, imballati u mibjugħa u l-konformità mal-materja prima u l-metodi ta’ manifattura awtorizzati.

    L-imballaġġ irid jitwettaq mill-produttur bl-użu ta’ karta jew ta’ materjal ta’ imballaġġ ieħor għall-ikel.

    3.6.   Regoli speċifiċi applikabbli għat-tikkettar tal-prodott li għalih tirreferi d-denominazzjoni

    Ir-rota sħiħa jrid ikollha tikketta li turi dawn li ġejjin:

    l-isem “Arseniko Naxou” segwit minn “denominazzjoni ta’ oriġini protetta” jew mill-akronimu DOP;

    “minn ħalib mhux ipproċessat”;

    l-isem u l-indirizz tal-intrapriża li tipproduċih u/jew li timballah;

    id-data tal-manifattura.

    4.   Deskrizzjoni fil-qosor tad-demarkazzjoni taż-żona ġeografika

    Iż-żona ta’ produzzjoni u ta’ maturazzjoni tal-ġobon tinkludi t-territorju amministrattiv sħiħ tal-muniċipalitajiet li ġejjin: Apeiranthos, Damarionas, Danakos, Keramoti, Koronida, Koronos, Kinidaros, Messi, Moni, Filoti u Chalkio tal-muniċipalità ta’ Naxos u taċ-Ċiklati ż-Żgħar.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

    Territorju:

    Iż-żona ta’ produzzjoni tal-ġobon tinsab fil-parti muntanjuża u semimuntanjuża tal-gżira, li tinsab fl-estremitajiet tat-Tramuntana u tal-Lvant tagħha. Ir-reġjun huwa kkaratterizzat minn art imxaqilba, mill-preżenza ta’ terrazzi — art imtarrġa — ħitan baxxi u meded estensivi ta’ bwar.

    Klima:

    Il-klima ta’ Naxos hija tat-tip moderat “Mediterran insulari”: moderata, mezzana u umda, bi rjieħ qawwijin. Fir-reġjuni muntanjużi tal-gżira, it-temperaturi huma aktar baxxi b’madwar 5 °C, l-umdità relattiva annwali medja hija ta’ 85 % u l-livell ta’ xita huwa ta’ 770 mm. Kultant tiġi rreġistrata borra qawwija.

    Veġetazzjoni:

    Il-kundizzjonijiet partikolari tat-temperatura, tal-umdità u tax-xita jippermettu l-iżvilupp ta’ assoċjazzjonijiet erbaċej muntanjużi li jikkostitwixxu s-sors prinċipali ta’ ikel għan-nagħaġ u għall-mogħoż.

    Fiż-żona ddefinita, jeżistu diversi siġar taż-żebbuġ u dwieli. Il-ġnub mimlija blat tal-muntanji huma miksija b’veġetazzjoni baxxa (xagħri) u ta’ tul medju u għoli (makkja). Fil-veġetazzjoni tal-makkja jiddominaw il-calicotome velu (Calycotome vilosa), id-deru (Pistacia lentiscus), il-ballut tax-xagħri (Quercus coccifera), l-aġġru ta’ Kreta (Acer sempervirens), il-ballut (Quercus ilex) u l-platane d’Orient (Platanus orientalis) li huma sors ta’ ikel prezzjuż, speċjalment għall-mogħoż. Fil-bwar tar-reġjun jeżistu ħafna speċi veġetali spontanji bħall-pjanti erbaċej Allium luteolum, Alyssum foliosum, Bolanthus greacus, Bupleurum aira, Campanula calaminthifolia, Centaurea oliverana, Cerastium runemarkii, Corydalis integra, Erysimum hayekii, Erysimum naxense, Galanthus ikariae, Galium compliant, Scutellaria virgaurea, Symphytum davisii, Verbascum adeliae, li huma xierqa għar-ragħa tal-annimali.

    Bhejjem:

    Il-mogħoż u n-nagħaġ huma perfettament adattati għall-kundizzjonijiet lokali fir-reġjun, huma żgħar u jipprovdu kwantità żgħira ta’ ħalib. Il-prattika tradizzjonali tar-ragħa ħielsa (trobbija estensiva) tippermetti li l-annimali jirgħu fil-bwar tar-reġjun u japprofittaw mill-veġetazzjoni lokali.

    Fattur uman:

    “Arseniko Naxou” ilu żmien twil jokkupa post importanti fil-ħajja u fl-ikel tar-residenti. In-nissiela produtturi tal-ġobon għadhom jimmanifatturaw il-ġobon skont il-metodu tradizzjonali sal-ġurnata tal-lum. L-għarfien tal-produttur tal-ġobon matul id-diversi passi tal-manifattura tal-ġobon huwa element importanti tal-ispeċifiċità tal-prodott u fattur determinanti tal-kwalità sussegwenti tiegħu. Il-kapaċità tal-produttur tal-ġobon li jagħraf il-ħin xieraq tal-koagulazzjoni tal-ħalib fejn il-baqta tkun lesta biex tinqata’ hija fattur determinanti. It-tqattigħ tal-baqta permezz ta’ għodda xierqa, sabiex tinkiseb sawra bi kwalitajiet tal-ħalib, it-taħlit bil-mod biex il-baqta tiġi sseparata mil-lattoseru, u l-għasir manwali tal-baqta fil-forom biex jiġi estratt il-likwidu u biex tingħata l-għamla definittiva tagħha, jixhdu li l-proċess ta’ manifattura tal-prodott huwa manwali. Matul il-maturazzjoni, il-produttur tal-ġobon esperjenzat jista’ jagħraf il-mument ideali biex jintervjeni: a) fl-għażla tar-roti tal-ġobon magħmula skont il-metodu xieraq u fl-eliminazzjoni ta’ dawk li ma jikkonformawx, b) fil-qlib tar-roti u c) fil-kisi tagħhom biż-żejt taż-żebbuġa jew bin-naqal taż-żejt taż-żebbuġa, biex b’hekk jikkontribwixxi b’mod deċiżiv għall-kwalità tal-ġobon.

    5.2.   Speċifiċità tal-prodott

    “Arseniko Naxou”

    għandu togħma intensa, pikkanti, pjaċevoli, mielħa u zokkrija, u aroma rikka.

    Il-karatteristiki organolettiċi tiegħu huma dovuti għall-użu ta’ speċi veġetali endemiċi fl-alimentazzjoni tal-annimali, li jagħti lill-ħalib u lil “Arseniko Naxou” togħma intensa u pjaċevoli u aroma rikka. L-ispeċifiċità tat-teknika ta’ manifattura, bl-użu ta’ ħalib mhux ippasturizzat, tippreserva l-karatteristiki tal-ħalib prodott fir-reġjun u l-preżenza ta’ batterji lattiċi indiġeni, li għandhom rwol determinanti fl-iżvilupp tal-kwalitajiet tat-togħma tal-ġobon u li jikkontribwixxu għat-togħma pikkanti, mielħa u zokkrija tiegħu.

    Għandu sawra kremuża u ħelwa li hija dovuta għal livell għoli ta’ kontenut ta’ xaħam. Matul il-manifattura tiegħu, “Arseniko Naxou” huwa l-ewwel ġobon prodott minn ħalib sħiħ frisk u fih aktar xaħam.

    Huwa kkaratterizzat mill-għamla tal-forma li tiddetermina l-forma tal-ġobon. Għandu qoxra iebsa u rqiqa dovuta għall-perjodu twil ta’ maturazzjoni tiegħu. Meta l-baqta tingħaġen fil-forom, dan jikkontribwixxi wkoll għall-formazzjoni tal-qoxra, bħalma jagħmel il-kisi bil-melħ u biż-żejt.

    Il-kontenut ta’ xaħam tiegħu mill-materja niexfa (43 %) u ta’ proteini (27 %) huwa ogħla meta mqabbel ma’ kwalunkwe ġobon ieħor tal-istess tip.

    Għandu d-denominazzjoni partikolari “arseniko” mogħtija lilu mir-rgħajja produtturi tal-ġobon tar-reġjun biex jaffermaw li huwa ġobon iebes li jiflaħ għat-temp, u li hu l-aktar “qawwi” f'termini ta’ kontenut ta’ xaħam u ta’ proteini. Karatteristiki li huma attribwiti għat-terminu “arseniko” (maskili bil-Grieg).

    5.3.   Ir-rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiki tal-prodott (għad-DOP) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew il-karatteristiki l-oħra tal-prodott (għall-IĠP)

    “Arseniko Naxou” huwa r-riżultat tal-kombinament tal-kundizzjonijiet pedoklimatiċi tar-reġjun, tas-sistema ta’ trobbija estensiva u tal-metodu ta’ manifattura tradizzjonali tiegħu.

    Il-ġeostorja, il-ġeomorfoloġia, it-topografija u l-varjetà ta’ blat tar-reġjun ikkontribwew għar-rikkezza tal-veġetazzjoni li tikkostitwixxi l-ikel prinċipali tan-nagħaġ u tal-mogħoż li minnhom jiġi mmanifatturat il-prodott. Ir-razez lokali ta’ nagħaġ u ta’ mogħoż, minħabba li jirgħu b’mod liberu fiż-żoni muntanjużi u semimuntanjużi, huma frugali, reżistenti u adattati perfettament għall-ambjent ġeografiku partikolari.

    Il-kundizzjonijiet klimatiċi tar-reġjun jiffavorixxu:

    (a)

    il-preżenza u l-iżvilupp ta’ għadd kbir ta’ pjanti aromatiċi rampikanti u erbaċej, ta’ siġar u arbuxelli, li jappartjenu għall-familji ta’ Labiatae, Umbelliferae, Compositae, eċċ., li jittieklu min-nagħaġ u mill-mogħoż, u li jagħtu aroma u togħma lill-ħalib tagħhom;

    (b)

    ir-residenza fit-tul tan-nagħaġ u tal-mogħoż fil-bwar naturali tar-reġjun u l-aħjar valutazzjoni tal-ispeċi veġetali endemiċi, u

    (c)

    il-maturazzjoni ta’ “Arseniko Naxou”. Il-kundizzjonijiet tat-temp u tal-umdità tar-reġjun, fejn it-temperatura ma tinżilx taħt l-10 °C u fejn l-umdità tvarja bejn 70 u 90 %, jikkontribwixxu għall-maturazzjoni naturali tal-prodott fil-ħżin tiegħu u għall-produzzjoni ta’ ġobon li jkollu struttura u kompożizzjoni karatteristika. Il-livelli ta’ temperatura u ta’ umdità stabbli, mingħajr varjazzjonijiet importanti, għandhom l-effett ta’ maturazzjoni gradwali tal-prodott u jikkontribwixxu għall-evoluzzjoni kwalitattiva u kwantitattiva li sseħħ matul il-maturazzjoni, li tiddetermina l-istruttura karatteristika tal-ġobon.

    L-ispeċifiċità tas-sistema tar-ragħa (ragħa liberu), applikata tradizzjonalment min-nissiela produtturi tal-ġobon tar-reġjun, għandha l-effett li tisfrutta l-bwar u b’hekk ukoll il-veġetazzjoni lokali tar-reġjun, filwaqt li tikkontribwixxi għall-karatteristiki organolettiċi tal-prodott.

    It-teknika ta’ manifattura ta’ “Arseniko Naxou” tikseb l-ispeċifiċità tagħha mill-użu ta’ ħalib mhux ippasturizzat, li jippermetti li l-preżenza tal-mikroflora indiġena mill-ambjent tal-maqjel u tal-maħleb ikollha rwol determinanti fl-iżvilupp tal-kwalitajiet tat-togħma tal-ġobon. Hekk kif jimmatura, l-aroma u t-togħma tiegħu aktar jintensifikaw. Il-korrelazzjoni pożittiva tat-togħma pikkanti, tal-aroma rikka u tas-sawra karatteristika mal-età tal-ġobon hija attribwita għal proteolisi u lipolisi importanti li jseħħu minħabba l-azzjoni tal-batterji lattiċi lokali matul il-maturazzjoni tiegħu.

    Il-ħiliet tal-produtturi tal-ġobon tar-reġjun, li jintervjenu manwalment waqt il-koagulazzjoni, il-formazzjoni u l-maturazzjoni tal-prodott, huma importanti kemm għall-iżvilupp tal-karatteristiki fiżjokimiċi kif ukoll għall-karatteristiki organolettiċi tal-prodott.

    Il-proċess ta’ manifattura huwa relatat mill-qrib mal-għarfien tal-produttur tal-ġobon li huwa kapaċi jagħraf il-perjodu ta’ manifattura tal-ġobon skont il-kundizzjonijiet klimatiċi tar-reġjun u l-kompożizzjoni tal-veġetazzjoni; huwa marbut ukoll mal-intervent manwali tiegħu matul il-proċess, sabiex il-prodott jiġi mmanifatturat b’mod artiġjanali.

    Instabu xi referenzi għal “Arseniko Naxou” fl-istampa, fuq l-Internet u fuq it-televiżjoni. Ġie deskritt bħala t-tradizzjoni tal-ġobon ta’ Naxos u wieħed mill-ġobnijiet l-aktar magħrufa tal-gżira, b’togħma speċifika, unika, intensa u pjaċevoli li maż-żmien issir aktar pikkanti u aromatika, u huwa kkwalifikat bħala tal-ogħla kwalità u bħala sors ta’ ispirazzjoni. Ir-reputazzjoni tal-prodott tmur lil hinn miż-żona ta’ produzzjoni u hija daqstant apprezzata mill-konsumaturi ta’ reġjuni oħra.

    Id-denominazzjoni “Arseniko Naxou” hija stabbilita sew, kif inhu evidenti mir-referenzi storiċi, mill-pubblikazzjonijiet stampati u online, u mill-fatturi ta’ xiri u ta’ bejgħ tal-prodott.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet

    (l-Artikolu 6, il-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu ta’ dan ir-Regolament)

    http://www.minagric.gr/images/stories/docs/agrotis/POP-PGE/prodiagrafes_arsenikou_naxou.pdf


    Top