EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0708

Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2019/708 tal-15 ta' Frar 2019 li tissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward id-determinazzjoni ta' setturi u sottosetturi meqjusa li jinsabu f'riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-perjodu 2021–2030 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2019/930

ĠU L 120, 8.5.2019, p. 20–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_del/2019/708/oj

8.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 120/20


DEĊIŻJONI DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/708

tal-15 ta' Frar 2019

li tissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward id-determinazzjoni ta' setturi u sottosetturi meqjusa li jinsabu f'riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-perjodu 2021–2030

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10b(5) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/87/KE tipprevedi li l-irkantar ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra huwa l-prinċipju bażiku fl-ambitu tas-sistema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra fl-Unjoni (EU ETS).

(2)

Il-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2014 ikkunsidra li jentħieġ li l-allokazzjoni mingħajr ħlas ma tiskadix u li l-miżuri eżistenti jenħtieġ ikomplu wara l-2020 biex jipprevjenu r-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju minħabba l-politika dwar it-tibdil fil-klima, sakemm ma jitwettqux sforzi komparabbli f'ekonomiji ewlenin oħra. Sabiex il-benefiċċju ambjentali tat-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-Unjoni jiġi ppreżervat filwaqt li l-miżuri meħudin minn pajjiżi terzi ma jipprovdux lill-industrija b'inċentivi komparabbli biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, l-allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas jenħtieġ tkompli għall-installazzjonijiet fis-setturi u s-sottosetturi li jinsabu f'riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.

(3)

L-esperjenza li nġabret matul it-tħaddim tal-EU ETS ikkonfermat li s-setturi u s-sottosetturi huma esposti għal livelli differenti ta' riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, u li l-allokazzjoni mingħajr ħlas ippreveniet ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Filwaqt li wħud mis-setturi u s-sottosetturi jistgħu jitqiesu li huma esposti għal riskju ogħla ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, oħrajn jistgħu jgħaddu sehem konsiderevoli tal-ispejjeż tal-kwoti għall-kopertura tal-emissjonijiet tagħhom lill-prezzijiet tal-prodotti mingħajr ma jitilfu s-sehem fis-suq, b'mod li jġarrbu biss il-parti li jifdal tal-ispejjeż sabiex ikunu esposti għal riskju baxx ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Sabiex jiġi indirizzat ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, il-paragrafu 5 tal-Artikolu 10b tad-Direttiva 2003/87/KE jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tiddetermina lista ta' setturi u sottosetturi meqjusa li huma esposti għal riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Dawk is-setturi u sottosetturi għandhom jirċievu kwoti mingħajr ħlas ta' 100 % tal-kwantità determinata skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE.

(4)

Bid-Deċiżjoni 2014/746/UE tagħha (2), il-Kummissjoni ddeterminat lista tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-perjodu mill-2015 sal-2019. Bid-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-validità tal-lista tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju ġiet estiża sal-31 ta' Diċembru 2020.

(5)

L-Artikolu 10b tad-Direttiva 2003/87/KE jistabbilixxi l-kriterji għall-valutazzjoni abbażi ta' data mit-tliet snin kalendarji l-aktar reċenti disponibbli. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni użat data mis-snin 2013, 2014 u 2015 peress li, fiż-żmien tal-valutazzjoni, id-data mill-2016 kienet disponibbli biss għal xi wħud mill-parametri.

(6)

Sabiex tiġi stabbilita l-lista tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-2021-2030, il-Kummissjoni vvalutat ir-riskju tar-rilokazzjoni tal-karbonju tas-setturi u tas-sottosetturi fil-livell NACE-4 tal-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi fl-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Il-livell NACE-4 huwa l-livell bl-aħjar disponibbiltà tad-data li tiddefinixxi s-setturi b'mod preċiż. Settur huwa indikat f'livell ta' 4 ċifri tal-klassifikazzjoni NACE, filwaqt li sottosettur huwa indikat f'livell ta' Prodcom b'6 jew 8 ċifri, jiġifieri l-klassifikazzjoni ta' oġġetti użati għall-istatistika dwar il-produzzjoni industrijali fl-Unjoni, li ssegwi direttament mill-klassifikazzjoni NACE.

(7)

Il-valutazzjoni tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju twettqet f'żewġ stadji. Għall-valutazzjoni kwantitattiva tal-ewwel livell fil-livell NACE-4, settur jitqies li huwa f'riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jekk “l-indikatur ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju” jaqbeż il-limitu ta' 0,2 stabbilit fl-Artikolu 10b(1) tad-Direttiva 2003/87/KE. Għal għadd limitat ta' każijiet li jissodisfaw kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti b'mod ċar speċifikati fil-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 10b tad-Direttiva 2003/87/KE, twettqet “valutazzjoni tat-tieni livell”, jew bħala valutazzjoni kwalitattiva bi kriterji speċifikati jew bħala valutazzjoni kwantitattiva f'livell diżaggregat.

(8)

Skont l-Artikolu 10b tad-Direttiva 2003/87/KE, l-indikatur ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju ġie kkalkulat billi l-intensità tal-kummerċ tas-settur ma' pajjiżi terzi ġie multiplikat bl-intensità tal-emissjonijiet tas-settur.

(9)

Skont l-Artikolu 10b tad-Direttiva 2003/87/KE, l-intensità tal-kummerċ ma' pajjiżi terzi ġiet ikkalkulata bħala l-proporzjon bejn il-valur totali tal-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi flimkien mal-valur tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi u d-daqs totali tas-suq għaż-Żona Ekonomika Ewropea (il-fatturat totali flimkien mal-importazzjonijiet totali minn pajjiżi terzi). Il-Kummissjoni vvalutat l-intensità tal-kummerċ għal kull settur u sottosettur abbażi tad-data rrappurtata mill-Eurostat fil-bażi tad-data Comext. Il-Kummissjoni tqis li din hija l-aktar data kompluta u affidabbli dwar il-valuri totali tal-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi u tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, kif ukoll dwar il-fatturat annwali totali fl-Unjoni.

(10)

L-intensità tal-emissjonijiet ġiet ikkalkulata bħala l-ammont totali tal-emissjonijiet diretti u indiretti għas-settur ikkonċernat, diviż bil-valur miżjud gross, u huwa mkejjel f'kg ta' CO2 diviżi b'euro. Il-Kummissjoni tqis ir-Reġistru tat-Tranżazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea bħala l-aktar sors preċiż u trasparenti ta' data dwar l-emissjonijiet ta' CO2 fil-livell tal-installazzjonijiet u għalhekk dan intuża biex jiġu kkalkulati l-emissjonijiet diretti għas-setturi. L-installazzjonijiet ġew attribwiti lil setturi fil-livell NACE-4 abbażi ta' informazzjoni fil-livell tal-installazzjonijiet ipprovduta mill-Istati Membri fil-miżuri nazzjonali ta' implimentazzjoni ppreżentati skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/87/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE (5). Fir-rigward tal-istima tal-valur gross miżjud fil-livell settorjali, intużat data mill-istatistika strutturali tal-Eurostat dwar in-negozju, peress li din hija meqjusa bħala l-aktar sors preċiż.

(11)

Sabiex jiġu ddeterminati l-emissjonijiet indiretti, id-data dwar il-konsum tal-elettriku miġbura direttament mill-Istati Membri hija meqjusa bħala l-aktar sors affidabbli minħabba n-nuqqas ta' disponibbiltà ta' data fil-livell tal-EU-28. Il-fattur tal-emissjonijiet tal-elettriku jintuża biex il-konsum tal-elettriku jiġi kkonvertit f'emissjonijiet indiretti. Il-Kummissjoni użat il-medja tat-taħlita ta' ġenerazzjoni tal-elettriku tal-UE bħala l-valur ta' referenza. Dan huwa bbażat fuq l-ammont annwali kumplessiv ta' emissjonijiet tal-Unjoni mis-settur tal-enerġija li jirrappreżenta s-sorsi kollha ta' ġenerazzjoni tal-elettriku fl-Ewropa, diviż bl-ammont korrispondenti ta' ġenerazzjoni tal-elettriku. Il-fattur tal-emissjonijiet tal-elettriku ġie aġġornat biex iqis id-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-elettriku u s-sehem dejjem akbar ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli. Il-valur il-ġdid jenħtieġ li jiġi referenzjat għall-2015, li huwa allinjat mad-data għat-tliet snin kalendarji l-aktar reċenti disponibbli (2013-2015). Il-valur aġġornat huwa ta' 376 gramma ta' diossidu tal-karbonju għal kull kWh.

(12)

L-Artikoli 10b(2) u (3) tad-Direttiva 2003/87/KE jipprevedu regoli dettaljati għall-eliġibbiltà ta' setturi u sottosetturi speċifiċi għat-tieni valutazzjoni, f'każ li ma jissodisfawx il-kriterju ewlieni ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-inklużjoni fil-lista tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. F'każijiet fejn l-indikatur ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju kien bejn 0,15 u 0,2, setgħet intalbet valutazzjoni kwalitattiva minn settur li kellha titwettaq skont il-kriterji deskritti fl-Artikolu 10b(2) ta' dik id-Direttiva. Skont l-Artikolu 10b(3), setturi u sottosetturi b'intensità ta' emissjonijiet ogħla minn 1,5 kienu eliġibbli biex japplikaw għal valutazzjoni kwalitattiva jew għal valutazzjoni kwantitattiva f'livell diżaggregat (f'livell ta' Prodcom b'6 jew 8 ċifri). Setturi u sottosetturi li għalihom l-allokazzjoni mingħajr ħlas tiġi kkalkulata fuq il-bażi tal-valuri referenzjarji tar-raffineriji wkoll kienu eliġibbli biex japplikaw għaż-żewġ tipi ta' valutazzjoni. Dawk is-setturi u sottosetturi elenkati fil-punt 1.2 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2014/746/UE kienu eliġibbli biex jippreżentaw applikazzjonijiet għal valutazzjoni kwantitattiva f'livell diżaggregat.

(13)

Bejn Novembru 2017 u Frar 2018 saret konsultazzjoni online li matulha l-partijiet ikkonċernati ġew mistiedna jipprovdu opinjonijiet dwar l-għażliet metodoloġiċi għad-determinazzjoni tal-lista tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Ir-rispondenti ġeneralment kienu favur valutazzjonijiet tat-tieni livell li jkunu robusti, ġusti u trasparenti daqs il-valutazzjonijiet kwantitattivi tal-ewwel livell, u esprimew appoġġ għal qafas ta' valutazzjoni uniformi li jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati. Saru erba' laqgħat biex titħejja l-lista tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u biex titħejja ħidma ulterjuri rigward il-valutazzjonijiet li għandhom jitwettqu mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati bejn Frar u Mejju 2018.

(14)

Twettqet valutazzjoni tal-impatt (6) biex jiġi żgurat li l-valutazzjonijiet tal-ewwel livell u l-valutazzjonijiet tat-tieni livell għal-lista tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju 2021-2030 jitwettqu b'mod komparabbli, jiġifieri li ż-żewġ valutazzjonijiet jiżguraw li jiġu identifikati biss is-setturi f'riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Il-valutazzjoni tal-impatt iffukat fuq l-għażliet operattivi relatati mal-qafas tal-valutazzjoni tat-tieni livell.

(15)

Fit-8 ta' Mejju 2018 ġiet ippubblikata lista preliminari ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-2021-2030 (7), flimkien ma' dokumenti ta' gwida tal-qafas tal-Kummissjoni għal valutazzjonijiet kwalitattivi u għal valutazzjonijiet kwantitattivi diżaggregati (8).

(16)

Il-valutazzjonijiet ibbażati fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 10b(2) u (3) tad-Direttiva 2003/87/KE twettqu fuq għadd ta' setturi li ma tqisux li jinsabu f'riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju abbażi tal-kriterji kwantitattivi stabbiliti fl-Artikolu 10b(1).

(17)

Il-Kummissjoni vvalutat total ta' 245 settur industrijali klassifikati taħt it-taqsimiet “Xogħol fil-minjieri u fil-barrieri” u “Manifattura” tal-klassifikazzjoni NACE. Is-setturi u s-sottosetturi elenkati fil-punt 1 tal-Anness ta' din id-Deċiżjoni jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 10b(1) tad-Direttiva 2003/87/KE u jenħtieġ li jitqiesu li jinsabu f'riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.

(18)

Il-valutazzjonijiet kwalitattivi, ibbażati fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 10b(2) u 10b (3) tad-Direttiva 2003/87/KE, twettqu fir-rigward ta' għadd ta' setturi. Fil-każ tas-setturi: “Estrazzjoni tal-melħ” (kodiċi NACE 0893), “Irfinar ta' tessuti” (kodiċi NACE 1330), “Manifattura ta' prodotti farmaċewtiċi bażiċi” (kodiċi NACE 2110), “Manifattura ta' oġġetti tad-dar u tat-tiżjin magħmula miċ-ċeramika” (kodiċi NACE 2341), “Manifattura ta' tagħmir sanitarju taċ-ċeramika” (kodiċi NACE 2342) u “Manifattura ta' briks, madum u prodotti tal-kostruzzjoni, magħmula mit-tafal moħmi” (kodiċi NACE 2332) ġie konkluż li ż-żieda ta' dawk is-setturi fil-lista tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju hija ġustifikata. Għalhekk, jenħtieġ li dawk is-setturi jitqiesu li huma f'riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-perjodu 2021-2030.

(19)

Fil-każ tas-settur “Estrazzjoni tal-linjite mill-minjieri” (kodiċi NACE 0520), il-valutazzjoni kwalitattiva li twettqet identifikat għadd ta' nuqqasijiet, inkluż il-fatt li s-settur ma jistax jitqies li jintlaqat minn spejjeż diretti relatati mal-emissjonijiet u minn dubji dwar ir-rabta li saret bejn il-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni minn sorsi oħra ta' fjuwil u r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Intweriet xi kompetizzjoni reġjonali minn impjanti tal-enerġija tal-linjite barra mill-Unjoni, għalkemm il-valutazzjoni mal-Unjoni kollha tikkonferma l-esponiment limitat ħafna għall-kompetizzjoni esterna. Għalhekk ġie konkluż li ż-żieda ta' dan is-settur mal-lista ta' setturi u sottosetturi meqjusa li huma esposti għal riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju mhijiex ġustifikata.

(20)

Waslu tliet applikazzjonijiet minn setturi li mhumiex inklużi fil-lista preliminari ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju: “Estrazzjoni ta' gass naturali” (kodiċi NACE 0620), “Manifattura ta' prodotti tal-ġibs għal għanijiet ta' kostruzzjoni” (kodiċi NACE 2362) u “Ikkastjar ta' metalli ħfief” (kodiċi NACE 2453). Il-valutazzjoni ta' dawn l-applikazzjonijiet iffokat fuq l-eliġibbiltà tagħhom li jkunu fil-lista tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju abbażi ta' valutazzjoni kwantitattiva tal-ewwel livell fil-livell NACE-4. Id-data uffiċjali użata biex jitwettqu l-valutazzjonijiet tal-ewwel livell ġiet komunikata lill-partijiet ikkonċernati, u tqieset robusta biżżejjed għall-pubblikazzjoni tal-lista preliminari tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Il-Kummissjoni eżaminat l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mit-tliet setturi fl-applikazzjonijiet tagħhom u ma tqisx li dan jiġġustifika tibdil fil-pożizzjoni inizjali. Dawk is-setturi għadhom ma jitqisux li jinsabu f'riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, peress li l-indikaturi rilevanti ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju ma jaqbżux il-limitu ta' 0,2 stabbilit fl-Artikolu 10b(1) tad-Direttiva 2003/87/KE. Barra minn hekk, dawn is-setturi għadhom ma jissodisfawx il-kriterji ta' eliġibbiltà għal valutazzjonijiet ulterjuri kif stipulat fl-Artikolu 10b(2) u 10b(3) tad-Direttiva 2003/87/KE.

(21)

Twettqu valutazzjonijiet kwantitattivi diżaggregati fuq għadd ta' sottosetturi abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 10b(1) u (3) tad-Direttiva 2003/87/KE. Fil-każ tas-sottosetturi: “Kawlina u tafal ieħor bil-kawlina” (kodiċi Prodcom 08.12.21), “Patata friżata, ippreparata jew ippreżervata (inkluż patata msajra jew nofs sajran fiż-żejt u mbagħad friżata; minbarra bil-ħall jew bl-aċidu aċetiku)” (kodiċi Prodcom 10.31.11.30), “Patata mnixxfa f'forma ta' dqiq, dqiq mitħun oħxon, laqx; granuli u pellets” (kodiċi Prodcom 10.31.13.00), “Polpa u pejst tat-tadam, konċentrati” (kodiċi Prodcom 10.39.17.25), “Trab ta' ħalib xkumat” (kodiċi Prodcom 10.51.21), “Trab ta' ħalib sħiħ” (kodiċi Prodcom 10.51.22), “Kaseina” (kodiċi Prodcom 10.51.53), “Lattożju u xropp tal-lattożju” (kodiċi Prodcom 10.51.54), “Xorrox u xorrox mibdul tat-trab, imrammel jew f'forom oħra solidi, kemm jekk konċentrat kif ukoll jekk iħaddan sustanza li tagħmlu iżjed ħelu” (kodiċi Prodcom 10.51.55.30), “Ħmira tal-furnara” (kodiċi Prodcom 10.89.13.34), “Enamel u lostru vitrifjabbli, engobes (slips) u preparazzjonijiet simili għaċ-ċeramika, l-enamel jew ħġieġ” (kodiċi Prodcom 20.30.21.50), “lostri likwidi u preparazzjonijiet simili; ħġieġ frit u ħġieġ ieħor f'forma ta' trab; granulat jew laqx” (kodiċi Prodcom 20.30.21.70) u “Partijiet tal-ħadid ifforġati ta' dada miftuħa għal xaftijiet ta' trasmissjoni, kamxafts, krankxafts u krankijiet, eċċ.” (kodiċi Prodcom 25.50.11.34) ġie konkluż li ż-żieda ta' dawk is-sottosetturi mal-lista tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju hija ġustifikata. Għalhekk, jenħtieġ li dawk is-sottosetturi jitqiesu li huma esposti għal riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-perjodu 2021-2030.

(22)

Fil-każ tas-sottosetturi “Pejst tal-kawkaw, sew jekk bix-xaħam imneħħi minnu u sew jekk le” (kodiċi Prodcom 10.82.11), “Butir, xaħam u żejt tal-kawkaw” (Kodiċi Prodcom 10.82.12) u “Trab tal-kawkaw, mingħajr żieda ta' zokkor jew materjal ieħor li jagħmel ħelu” (Kodiċi Prodcom 10.82.13), il-valutazzjonijiet diżaggregati kwantitattivi li twettqu identifikaw għadd ta' devjazzjonijiet mill-metodoloġija armonizzata li jwasslu għal riskji ta' sopravalutazzjoni sinifikanti tal-indikatur tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Għalhekk ġie konkluż li ż-żieda ta' dawk is-sottosetturi mal-lista tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju mhijiex ġustifikata.

(23)

Peress li l-lista tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għandha tkun valida għall-perjodu 2021-2030, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mill-1 ta' Jannar 2021,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-setturi u s-sottosetturi elenkati fl-Anness għandhom jitqiesu li huma f'riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-perjodu 2021-2030.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2021.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Frar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2014/746/UE tas-27 ta' Ottubru 2014 li tiddetermina, skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, lista ta' setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-perjodu mill-2015 sal-2019 (ĠU L 308, 29.10.2014, p. 114)

(3)  Id-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2018 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jiżdiedu t-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti għal emissjonijiet baxxi ta' karbonju, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814, ĠU L 76, 19.3.2018, p. 3.

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2011/278/UE tas-27 ta' April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 130, 17.5.2011, p. 1).

(6)  Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2019) 22.

(7)  L-Avviż tal-Kummissjoni — Lista tar-Rilokazzjoni tal-Emissjonijiet tal-Karbonju, preliminari, 2021–2030 (ĠU C 162, 8.5.2018, p. 1).

(8)  https://ec.europa.eu/clima/sites/clima/files/ets/allowances/leakage/docs/framework_for_qualitative_assessments.pdf https://ec.europa.eu/clima/sites/clima/files/ets/allowances/leakage/docs/framework_for_disaggregated_assessments.pdf


ANNESS

Setturi u sottosetturi li, skont l-Artikolu 10b tad-Direttiva 2003/87/KE, huma meqjusa li huma f'riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju

1.   Abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 10b(1) tad-Direttiva 2003/87/KE

Kodiċi NACE

Deskrizzjoni

0510

Estrazzjoni ta' faħam iebes mill-minjieri

0610

Estrazzjoni ta' żejt mhux raffinat

0710

Estrazzjoni ta' minerali tal-ħadid

0729

Estrazzjoni ta' minerali oħra ta' metalli mhux ferrużi mill-minjieri

0891

Estrazzjoni ta' minerali kimiċi u fertilizzanti mill-minjieri

0899

Estrazzjonijiet oħra mill-minjieri u l-barrieri m.k.b.

1041

Manifattura ta' żjut u xaħmijiet

1062

Manifattura ta' lamti u prodotti oħra tal-lamtu

1081

Manifattura ta' zokkor

1106

Manifattura ta' xgħir

1310

Tħejjija u għażil ta' fibri tat-tessuti

1395

Manifattura ta' oġġetti mhux minsuġa u oġġetti oħra magħmula minn oġġetti mhux minsuġa, għajr ilbies

1411

Manifattura ta' ħwejjeġ tal-ġilda

1621

Manifattura ta' folji tal-veneer u pannelli tal-injam

1711

Manifattura ta' polpa

1712

Manifattura ta' karta u kartun

1910

Manifattura ta' prodotti tal-forn tal-kokk

1920

Manifattura ta' prodotti tal-petroleum raffinat

2011

Manifattura ta' gassijiet industrijali

2012

Manifattura ta' kuluranti u pigmenti

2013

Manifattura ta' prodotti kimiċi bażiċi inorganiċi oħra

2014

Manifattura ta' sustanzi kimiċi bażiċi organiċi oħra

2015

Manifattura ta' fertilizzanti u ta' taħlitiet tan-nitroġenu

2016

Manifattura ta' plastik f'forom primarji

2017

Manifattura ta' lasktu sintetiku f'forom primarji

2060

Manifattura ta' fibri magħmula mill-bniedem

2311

Manifattura ta' ħġieġ ċatt

2313

Manifattura ta' ħġieġ imħaffer

2314

Manifattura ta' fibri tal-ħġieġ

2319

Manifattura u ipproċessar ta' ħġieġ ieħor, inkluż oġġetti tal-ħġieġ tekniċi

2320

Manifattura ta' prodotti refrattarji

2331

Manifattura ta' madum u ċangaturi taċ-ċeramika

2351

Manifattura ta' siment

2352

Manifattura ta' ġir u ġibs

2399

Manifattura ta' prodotti oħra mhux metalliċi m.k.b.

2410

Manifattura ta' ħadid u azzar bażiċi u ta' ligi tal-ħadid

2420

Manifattura ta' tubi, pajpijiet, profili vojta u tagħmir relatat, tal-azzar

2431

Ġbid ta' vireg bil-kiesaħ

2442

Produzzjoni tal-aluminju

2443

Produzzjoni ta' ċomb, żingu u landa

2444

Produzzjoni ta' ram

2445

Produzzjoni ta' metalli oħrajn mhux ferrużi

2446

Ipproċessar ta' fjuwil nukleari

2451

Ikkastjar ta' ħadid

2.   Abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 10b(2) tad-Direttiva 2003/87/KE

Kodiċi NACE

Deskrizzjoni

0893

Estrazzjoni ta' melħ

1330

Irfinar ta' tessuti

2110

Manifattura ta' prodotti farmaċewtiċi bażiċi

2341

Manifattura ta' oġġetti tad-dar u tat-tiżjin magħmula miċ-ċeramika

2342

Manifattura ta' tagħmir sanitarju taċ-ċeramika

3.   Abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 10b(3), l-ewwel sottoparagrafu tad-Direttiva 2003/87/KE

Kodiċi NACE

Deskrizzjoni

2332

Manifattura ta' briks, madum u prodotti tal-kostruzzjoni, magħmula mit-tafal moħmi

4.   Abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 10b(3), il-ħames sottoparagrafu tad-Direttiva 2003/87/KE

Kodiċi Prodcom

Deskrizzjoni

081221

Kawlina u tafal ieħor bil-kawlina

10311130

Patata friżata, ippreparata jew ippreżervata (inkluż patata msajra jew nofs sajran fiż-żejt u mbagħad friżata; minbarra bil-ħall jew bl-aċidu aċetiku)

10311300

Patata mnixxfa f'forma ta' dqiq, dqiq mitħun oħxon, laqx, granuli u pellets

10391725

Polpa u pejst tat-tadam, konċentrati

105121

Trab ta' ħalib xkumat

105122

Trab ta' ħalib sħiħ

105153

Kaseina

105154

Lattożju u xropp tal-lattożju

10515530

Xorrox u xorrox mibdul tat-trab, imrammel jew f'forom oħra solidi, kemm jekk konċentrat kif ukoll jekk iħaddan sustanza li tagħmlu iżjed ħelu

10891334

Ħmira tal-furnara

20302150

Enamel u lostru vitrifjabbli, engobes (slips) u preparazzjonijiet simili għaċ-ċeramika, l-enamel jew ħġieġ

20302170

Lostri likwidi u preparazzjonijiet simili; ħġieġ frit u ħġieġ ieħor f'forma ta' trab; granulat jew laqx

25501134

Partijiet tal-ħadid ifforġati ta' dada miftuħa għal xaftijiet ta' trażmissjoni, kamxafts, krankxafts u krankijiet, eċċ.


Top