Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0668

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/668 tal-15 ta' April 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fid-disa' laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet fir-rigward tal-elenkar ta' ċerti kimiċi fl-Anness III għall-Konvenzjoni ta' Rotterdam dwar il-Proċedura ta' Kunsens Infurmat Minn Qabel għal Ċerti Kimiċi u Pestiċidi Perikolużi fil-Kummerċ Internazzjonali

ST/7103/2019/INIT

ĠU L 113, 29.4.2019, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/668/oj

29.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/4


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/668

tal-15 ta' April 2019

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fid-disa' laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet fir-rigward tal-elenkar ta' ċerti kimiċi fl-Anness III għall-Konvenzjoni ta' Rotterdam dwar il-Proċedura ta' Kunsens Infurmat Minn Qabel għal Ċerti Kimiċi u Pestiċidi Perikolużi fil-Kummerċ Internazzjonali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 192(1) u 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni ta' Rotterdam dwar il-Proċedura ta' Kunsens Infurmat Minn Qabel għal Ċerti Kimiċi u Pestiċidi Perikolużi fil-Kummerċ Internazzjonali (il-'Konvenzjoni') daħlet fis-seħħ fl-24 ta' Frar 2004 u ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/730/KE (1).

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jimplimenta l-Konvenzjoni fl-Unjoni.

(3)

Skont l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet tista' telenka kimiċi fl-Anness III għall-Konvenzjoni konsegwentement għar-rakkomandazzjoni mill-Kumitat ta' Reviżjoni dwar Kimika.

(4)

Sabiex ikun żgurat li l-Partijiet li jimportaw jibbenefikaw mill-protezzjoni offruta mill-Konvenzjoni u peress li huma ssodisfati l-kriterji rilevanti kollha taħt il-Konvenzjoni, hu meħtieġ u xieraq li tiġi appoġġata r-rakkomandazzjoni mill-Kumitat ta' Reviżjoni dwar Kimika fir-rigward tal-elenkar fl-Anness III tal-Konvenzjoni ta': l-aċetoklor; il-karbosulfan; l-asbestos krisotilu; il-fentjon (ta' formulazzjonijiet b'volum ultra baxx (ULV) ta' 640 g jew aktar ta' ingredjent attiv/L); l-eżabromoċiklododekan; il-forat; u formulazzjonijiet likwidi (konċentrat emulsifikabbli u konċentrat solubbli) li fihom diklorur tal-parakwat fil-livell ta' 276 g/L jew aktar, korrispondenti għall-jon tal-parakwat fil-livell ta' 200 g/L jew aktar. Barra minn hekk, dawk il-kimiċi diġà huma pprojbiti jew severament ristretti fl-Unjoni u għaldaqstant huma suġġetti għal rekwiżiti ta' esportazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 649/2012 li jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ taħt il-Konvenzjoni.

(5)

Fid-disa' laqgħa tagħha, il-Konferenza tal-Partijiet hi mistennija tiddeċiedi jekk telenkax dawk il-kimiċi fl-Anness III għall-Konvenzjoni.

(6)

Hu xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni fid-disa' laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet fir-rigward tal-elenkar ta' ċerti kimiċi fl-Anness III għall-Konvenzjoni billi dak l-elenkar ser ikunu vinkolanti fuq l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fid-disa' laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni ta' Rotterdam dwar il-Proċedura ta' Kunsens Infurmat Minn Qabel għal Ċerti Kimiċi u Pestiċidi Perikolużi fil-Kummerċ Internazzjonali (il-'Konvenzjoni') għandha tkun ta' appoġġ għall-elenkar fl-Anness III għall-Konvenzjoni ta': l-aċetoklor; il-karbosulfan; l-asbestos krisotilu; il-fentjon (ta' formulazzjonijiet b'volum ultra baxx (ULV) ta' 640 g jew aktar ta' ingredjent attiv/L); l-eżabromoċiklododekan; il-forat; u formulazzjonijiet likwidi (konċentrat emulsifikabbli u konċentrat solubbli) li fihom diklorur tal-parakwat fil-livell ta' 276 g/L jew aktar, korrispondenti għall-jon tal-parakwat fil-livell ta' 200 g/L jew aktar.

Artikolu 2

Jista' jintlaħaq qbil dwar bidliet żgħar għall-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1, fid-dawl tal-iżviluppi fid-disa' laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet, mir-rappreżentanti tal-Unjoni, f'konsultazzjoni mal-Istati Membri, waqt laqgħat ta' koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-15 ta' April 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

P. DAEA


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/730/KE tal-25 ta' Settembru 2006 dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta' Rotterdam dwar il-Proċedura għall-Kunsens Infurmat bil-Quddiem għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali (ĠU L 299, 28.10.2006, p. 23).

(2)  Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' sustanzi kimiċi perikolużi (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 60).


Top