EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0638

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/638 tal-15 ta' April 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fl-erbatax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet fir-rigward ta' ċerti emendi għall-Annessi II, VIII u IX għall-Konvenzjoni ta' Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta' Riskju u d-Disponiment minnu

ST/7863/2019/INIT

ĠU L 109, 24.4.2019, p. 19–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/638/oj

24.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 109/19


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/638

tal-15 ta' April 2019

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fl-erbatax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet fir-rigward ta' ċerti emendi għall-Annessi II, VIII u IX għall-Konvenzjoni ta' Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta' Riskju u d-Disponiment minnu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni ta' Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta' Riskju u d-Disponiment minnu (il-“Konvenzjoni”) daħlet fis-seħħ fl-1992 u ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE (1).

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jimplimenta l-Konvenzjoni u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) C (2001)107/FINAL dwar ir-reviżjoni tad-Deċiżjoni C(92)39/FINAL dwar il-kontroll ta' movimenti transkonfinali ta' skart destinat għal operazzjonijiet ta' rkupru (id-“Deċiżjoni tal-OECD”) fl-Unjoni.

(3)

Skont il-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet għandha tikkunsidra u tadotta, kif meħtieġ, l-emendi għall-Konvenzjoni. L-emendi għall-Konvenzjoni għandhom jiġu adottati f'laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet.

(4)

Fl-erbatax-il laqgħa tagħha, il-Konferenza tal-Partijiet mistennija tikkunsidra u tadotta, kif meħtieġ, emendi għall-Annessi għall-Konvenzjoni Dawk l-emendi jżidu entrati għall-Annessi II u VIII għall-Konvenzjoni u jirrevedu l-entrata B3010 fl-Anness IX għall-Konvenzjoni.

(5)

Il-proposti biex jiġu emendati l-Annessi II, VIII u IX għall-Konvenzjoni, imressqa min-Norveġja, tqassmu lill-Partijiet fis-26 ta' Ottubru 2018. Korrezzjoni tal-proposta biex jiġi emendat l-Anness IX tqassmet lill-Partijiet fis-6 ta' Diċembru 2018. Skont il-proposti, l-iskart tal-plastik li jeħtieġ kunsiderazzjoni speċjali u l-iskart tal-plastik perikoluż, kif stabbilit f'entrati ġodda fl-Annessi II u VIII għall-Konvenzjoni, jaqa' taħt is-sistema ta' kontroll tal-Konvenzjoni, filwaqt li l-iskart tal-plastik mhux perikoluż li jaqa' taħt entrata riveduta B3010 fl-Anness IX ikompli jiġi nnegozjat bejn il-pajjiżi soġġett għall-kundizzjonijiet attwali skont il-Konvenzjoni.

(6)

Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-objettivi tal-emendi proposti tal-Annessi għall-Konvenzjoni peress li dawn jikkontribwixxu: għat-titjib tal-kontrolli fuq l-esportazzjonijiet tal-iskart tal-plastik; għall-prevenzjoni tal-esportazzjonijiet tal-iskart tal-plastik lejn pajjiżi li ma għandhomx infrastrutturi adegwati għall-ġbir effettiv u ġestjoni tal-iskart li tirrispetta l-ambjent; għall-appoġġ tal-ġestjoni tal-iskart tal-plastik li tkun tirrispetta l-ambjent; għat-tnaqqis tar-riskju li l-iskart tal-plastik jispiċċa fl-ambjent; u għall-prevenzjoni tal-problema ambjentali globali tal-iskart fil-baħar. Madankollu, jenħtieġ li l-Unjoni tipproponi u tappoġġa bidliet għall-emendi proposti tal-Annessi għall-Konvenzjoni proposti min-Norveġja, bil-ħsieb li jiġi ċċarat il-kamp ta' applikazzjoni ta' dawk l-emendi u li jittejjeb it-test, kif ukoll li tiġi ffissata data xierqa għall-applikazzjoni ta' dawk l-emendi li tkun aktar tard minn dik prevista fl-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni, u b'hekk jiġu ffaċilitati l-implimentazzjoni u l-infurzar tagħhom.

(7)

Huwa xieraq li tinżamm is-sitwazzjoni attwali għall-vjeġġi ta' skart tal-plastik mhux perikoluż, inkluż ċerti taħlitiet ta' skart tal-plastik mhux perikoluż, fl-UE u ż-ŻEE, u għaldaqstant li ma tintużax is-sistema ta' kontroll li tirriżulta miż-żieda ta' entrata fl-Anness II għall-Konvenzjoni għal vjeġġi bħal dawn. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Unjoni, sa fejn ikun meħtieġ, tuża l-proċeduri stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-OECD u l-proċedura għall-parteċipazzjoni fi ftehimiet jew arranġamenti bilaterali, multilaterali jew reġjonali li jirrigwardaw il-moviment tal-iskart ta' riskju jew skart ieħor li jaqsam il-fruntieri mal-Partijiet u ma' min mhux parti skont il-Konvenzjoni biex jiġi żgurat li ma jiġi impost l-ebda kontroll addizzjonali fuq vjeġġi ta' skart tal-plastik mhux perikoluż, inkluż ċerti taħlitiet ta' skart tal-plastik mhux perikoluż, fl-Unjoni u fiż-ŻEE, bħala riżultat tal-adozzjoni tal-emenda għall-Anness II għall-Konvenzjoni jew ir-reviżjoni tal-entrata B3010 fl-Anness IX għall-Konvenzjoni.

(8)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fl-erbatax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet fir-rigward tal-emendi għall-Annessi II, VIII u IX għall-Konvenzjoni, peress li dawk l-emendi jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni u jkollhom il-kapaċità li jinfluwenzaw b'mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament (KE) Nru 1013/2006,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fl-erbatax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta' Riskju u d-Disponiment minnu (“il-Konvenzjoni”) għandha tkun li tappoġġa tal-adozzjoni tal-emendi għall-Annessi II, VIII u IX għall-Konvenzjoni biex jiżdiedu u jiġu riveduti entrati li jikkonċernaw l-iskart tal-plastik, soġġett għall-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

(a)

L-Unjoni tappoġġa l-emendi proposti min-Norveġja għaż-żieda ta' entrata ġdida għall-iskart tal-plastik mhux perikoluż (li għandha tkun soġġetta għas-sistema ta' kontroll tal-Konvenzjoni) fl-Anness II għall-Konvenzjoni, dment li jiġi ċċarat li dik l-entrata tkopri wkoll taħlitiet ta' skart tal-plastik mhux perikoluż u li dik l-entrata l-ġdida hija definita b'mod ċar, fost l-oħrajn, permezz ta' formulazzjoni ċara tal-entrata B3010 fl-Anness IX għall-Konvenzjoni, bil-ħsieb li jiġu ffaċilitati l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-obbligi tal-Partijiet b'rabta maż-żieda tal-entrata l-ġdida għall-iskart tal-plastik mhux perikoluż fl-Anness II għall-Konvenzjoni;

(b)

L-Unjoni tappoġġa l-emendi proposti min-Norveġja għaż-żieda ta' entrata ġdida għall-iskart tal-plastik perikoluż (li għandha tkun soġġetta għas-sistema ta' kontroll) fl-Anness VIII għall-Konvenzjoni, dment li jiġi ċċarat li dik l-entrata tkopri wkoll taħlitiet ta' skart tal-plastik perikoluż;

(c)

L-Unjoni tappoġġa l-proposta min-Norveġja għar-reviżjoni tal-entrata B3010 għall-iskart tal-plastik mhux perikoluż (li ma għandhiex tkun soġġetta għas-sistema ta' kontroll, sakemm tali skart ma jkunx fih xi materjal li jappartjeni f'kategorija fl-Anness I għall-Konvenzjoni sal-punt li jwasslu biex juri karatteristika perikoluża fl-Anness III għall-Konvenzjoni) fl-Anness IX għall-Konvenzjoni, dment li dik il-proposta tiġi emendata bil-ħsieb li:

(i)

jiġi ċċarat il-kamp ta' applikazzjoni, b'mod li fl-entrata jiġu inklużi biss materjali tal-plastik mhux imħallta destinati għar-riċiklaġġ jew it-tħejjija għall-użu mill-ġdid, preferibbilment limitati għall-operazzjoni R3 fl-Anness IV għall-Konvenzjoni;

(ii)

jittejjeb it-test u tiġi ssimplifikata d-definizzjoni tal-entrata B3010 fl-Anness IX għall-Konvenzjoni, sabiex jiġu ffaċilitati l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-obbligi tal-Partijiet b'rabta mar-reviżjoni ta' dik l-entrata, b'mod partikolari minħabba li dik l-entrata hija marbuta mal-entrata proposta għall-iskart tal-plastik mhux perikoluż fl-Anness II għall-Konvenzjoni;

(d)

L-Unjoni tipproponi u tappoġġa l-iffissar ta' data xierqa għall-applikazzjoni tal-emendi li tkun aktar tard mid-data prevista fl-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni.

2.   F'każ li ż-żieda ta' entrata ġdida għall-iskart tal-plastik mhux perikoluż fl-Anness II jew li r-reviżjoni tal-entrata B3010 fl-Anness IX għall-Konvenzjoni, jew it-tnejn li huma, jiġu adottati fl-erbatax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni l-Unjoni għandha, sa fejn ikun meħtieġ, tieħu l-passi meħtieġa skont id-Deċiżjoni tal-OECD u l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni biex tiżgura li l-kontrolli attwali fuq il-vjeġġi ta' skart tal-plastik mhux perikoluż, inkluż ċerti taħlitiet ta' skart tal-plastik mhux perikoluż, f l-Unjoni u fiż-ŻEE, jibqgħu mhux affettwati.

Artikolu 2

L-irfinar tal-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 jista' jiġi miftiehem, fid-dawl ta' żviluppi fl-erbatax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet, mir-rappreżentanti tal-Unjoni, f'konsultazzjoni mal-Istati Membri, matul laqgħat ta' koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-15 ta' April 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

P. DAEA


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE tal-1 ta' Frar 1993 dwar it-tmiem, f'isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni dwar il-kontroll tal-moviment barra l-konfini ta' skart perikoluż u r-rimi tiegħu (Konvenzjoni ta' Basel) (ĠU L 39, 16.2.1993, p. 1).

(2)  Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta' skart (ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1).


Top