EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0540

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/540 tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta ta' inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “
NewRightsNow — It-tisħiħ tad-drittijiet tal-ħaddiema ‘uberizzati’” (notifikata bid-dokument C(2019) 2312)

C/2019/2312

ĠU L 93, 2.4.2019, p. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/540/oj

2.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 93/16


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/540

tas-26 ta' Marzu 2019

dwar il-proposta ta' inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “#NewRightsNow — It-tisħiħ tad-drittijiet tal-ħaddiema ‘uberizzati’”

(notifikata bid-dokument C(2019) 2312)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Is-suġġett tal-proposta ta' inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “#NewRightsNow - It-tisħiħ tad-drittijiet tal-ħaddiema ‘uberizzati’” jirreferi għal dan li ġej: “It-tisħiħ tad-drittijiet tal-ħaddiema ‘uberizzati’, b'mod partikolari billi jiddaħħal l-obbligu li l-pjattaformi diġitali jħallsu dħul minimu garantit lill-persuni 'li jaħdmu għal rashom' li jaħdmu għalihom fuq bażi regolari.”

(2)

L-objettivi tal-proposta ta' inizjattiva taċ-ċittadini jirreferu għal dan li ġej: “Nixtiequ nistabbilixxu obbligu li l-pjattaformi diġitali jħallsu dħul minimu garantit lill-persuni ‘li jaħdmu għal rashom’ li jaħdmu għalihom fuq bażi regolari. Din il-miżura ta' ġustizzja soċjali tissalvagwardja u tistabbilizza d-dħul tagħhom, u tindirizza speċifikament il-prekarjetà fis-suq tax-xogħol. B'mod aktar ġenerali, nixtiequ nsaħħu d-drittijiet soċjali tal-ħaddiema ‘uberizzati’.”

(3)

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) isaħħaħ iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jqawwi iktar il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi jipprevedi, fost l-oħrajn, li kull ċittadin ikollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz ta' inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

(4)

Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-inizjattiva taċ-ċittadini jkunu ċari, sempliċi, faċli biex jintużaw u proporzjonati man-natura tal-inizjattiva taċ-ċittadini sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u biex l-Unjoni ssir iktar aċċessibbli.

(5)

Jistgħu jiġu adottati, għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati, atti legali tal-Unjoni għall-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-bidu u t-tkomplija tal-attivitajiet ta' dawk li jaħdmu għal rashom, abbażi tal-Artikoli 53(1) u 62 (TFUE).

(6)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-proposta ta' inizjattiva taċ-ċittadini ma taqax manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati, f'konformità mal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament.

(7)

Barra minn hekk, issawwar il-kumitat taċ-ċittadini u l-persuni ta' kuntatt inħatru f'konformità mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament u l-proposta ta' inizjattiva taċ-ċittadini la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni, kif stipulati fl-Artikolu 2 TUE.

(8)

Jenħtieġ għalhekk li l-proposta ta' inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “#NewRightsNow - It-tisħiħ tad-drittijiet tal-ħaddiema ‘uberizzati’” tiġi rreġistrata.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proposta ta' inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “#NewRightsNow - It-tisħiħ tad-drittijiet tal-ħaddiema ‘uberizzati’” hija b'dan irreġistrata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' April 2019.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-organizzaturi (il-membri tal-kumitat taċ-ċittadini) tal-proposta ta' inizjattiva taċ-ċittadini “#NewRightsNow - It-tisħiħ tad-drittijiet tal-ħaddiema ‘uberizzati’”, irrappreżentati mis-Sur Atte Samuli OKSANEN u mis-Sa Vasiliki TSIARA fil-vesti ta' persuni ta' kuntatt.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta' Marzu 2019.

Għall-Kummissjoni

Frans TIMMERMANS

L-Ewwel Viċi President


(1)  ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1.


Top