Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0307

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/307 tat-18 ta' Frar 2019 li tawtorizza lill-Awstrija u lir-Rumanija jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Honduras mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri

    ST/14948/2018/INIT

    ĠU L 51, 22.2.2019, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/307/oj

    22.2.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 51/13


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/307

    tat-18 ta' Frar 2019

    li tawtorizza lill-Awstrija u lir-Rumanija jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Honduras mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 81(3), flimkien mal-punt (b) tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    L-Unjoni Ewropea stabbilixxiet bħala wieħed mill-għanijiet tagħha l-promozzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-minuri, kif iddikjarat fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-miżuri għall-protezzjoni tal-minuri kontra t-teħid jew żamma illeċiti huma parti essenzjali minn dik il-politika.

    (2)

    Il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (2) (“ir-Regolament Brussell IIa”), li għandu l-għan li jħares lill-minuri mill-effetti dannużi tat-teħid jew taż-żamma b'mod illeċitu u li jistabbilixxi proċeduri biex jiżgura r-ritorn rapidu tagħhom lejn l-Istat tar-residenza abitwali tagħhom, kif ukoll li jiżgura l-ħarsien tad-drittijiet tal-aċċess u tad-drittijiet tal-kustodja.

    (3)

    Ir-Regolament Brussell IIa jikkumplimenta u jirrinforza l-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (“il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980”) li tistabbilixxi, fil-livell internazzjonali, sistema ta' obbligi u kooperazzjoni fost l-Istati kontraenti u bejn l-awtoritajiet ċentrali u għandha l-għan li tiżgura r-ritorn minnufih ta' minuri li jittieħdu jew jinżammu b'mod illeċitu.

    (4)

    L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma partijiet għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

    (5)

    L-Unjoni tinkoraġġixxi lil Stati terzi biex jaċċedu għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u tappoġġa l-implimentazzjoni korretta tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 billi tieħu sehem, flimkien mal-Istati Membri, fost oħrajn, fil-kummissjonijiet speċjali organizzati fuq bażi regolari mill-Konferenza tal-Aja dwar id-dritt internazzjonali privat.

    (6)

    Qafas legali komuni applikabbli bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u Stati terzi jista' jkun l-aħjar soluzzjoni għal każijiet sensittivi ta' ħtif internazzjonali ta' minuri.

    (7)

    Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 tistipula li hija tapplika bejn l-Istat aderenti u l-Istati kontraenti li jkunu ddikjaraw li aċċettaw l-adeżjoni.

    (8)

    Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ma tippermettix li organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika bħall-Unjoni jsiru partijiet għaliha. Għalhekk, l-Unjoni la tista' taderixxi ma' dik il-Konvenzjoni, u lanqas ma tista' tiddepożita dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni ta' Stat aderenti.

    (9)

    Skont l-Opinjoni 1/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (3), id-dikjarazzjonijiet ta' aċċettazzjoni skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 huma parti mill-kompetenza esklużiva esterna tal-Unjoni.

    (10)

    Il-Honduras iddepożitaw l-istrument tagħhom ta' adeżjoni mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-20 ta' Diċembru 1993. Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 daħlet fis-seħħ fil-Honduras fl-1 ta' Marzu 1994.

    (11)

    L-Istati Membri kkonċernati kollha, bl-eċċezzjoni tal-Awstrija, id-Danimarka u r-Rumanija, diġà aċċettaw l-adeżjoni tal-Honduras mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. Il-Honduras aċċettat l-adeżjoni tal-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta u s-Slovenja mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. Il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni fil-Honduras wasslet għall-konklużjoni li l-Awstrija u r-Rumanija jinsabu f'pożizzjoni li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni, l-adeżjoni tal-Honduras skont it-termini tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

    (12)

    Għalhekk jenħtieġ li l-Awstrija u r-Rumanija jiġu awtorizzati jiddepożitaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Honduras mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-interess tal-Unjoni skont it-termini stipulati f'din id-Deċiżjoni. L-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni li diġà aċċettaw l-adeżjoni tal-Honduras mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ma għandhomx jiddepożitaw dikjarazzjonijiet ġodda ta' aċċettazzjoni billi d-dikjarazzjonijiet eżistenti jibqgħu validi skont id-dritt internazzjonali pubbliku.

    (13)

    Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbutin bir-Regolament Brussell IIa u qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

    (14)

    B'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-Awstrija u r-Rumanija huma b'dan awtorizzati jaċċettaw l-adeżjoni tal-Honduras mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-interess tal-Unjoni.

    2.   L-Awstrija u r-Rumanija għandhom, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Frar 2020, jiddepożitaw dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Honduras mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980, fl-interess tal-Unjoni, li għandha tkun ifformulata kif ġej:

    “[L-isem sħiħ tal-ISTAT MEMBRU] jiddikjara li jaċċetta l-adeżjoni tal-Honduras mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/307”.

    3.   L-Awstrija u r-Rumanija għandhom jgħarrfu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bid-depożitu tad-dikjarazzjonijiet tagħhom ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Honduras mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dikjarazzjonijiet lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn mid-depożitu tagħhom.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Awstrija u lir-Rumanija.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Frar 2019.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    N. BĂDĂLĂU


    (1)  Opinjoni tal-31 ta' Jannar 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1).

    (3)  ECLI:UE:C:2014:2303.


    Top