Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0304

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/304 tat-18 ta' Frar 2019 dwar in-notifika mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq tax-xewqa tiegħu li ma jibqax jieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004 dwar il-ħolqien ta' network bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni

    ST/5979/2019/INIT

    ĠU L 51, 22.2.2019, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/304/oj

    22.2.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 51/7


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/304

    tat-18 ta' Frar 2019

    dwar in-notifika mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq tax-xewqa tiegħu li ma jibqax jieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004 dwar il-ħolqien ta' network bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra n-notifika, skont l-Artikolu 5(2) tal-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, mill-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, permezz tal-ittra tiegħu lill-President tal-Kunsill tal-1 ta' Ottubru 2018, tax-xewqa tiegħu li ma jiħux sehem fil-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħolqien ta' netwerk Ewropew bejn uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar il-migrazzjoni,

    Billi:

    (1)

    Ir-Renju Unit ħa sehem fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004 (1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 493/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 (2).

    (2)

    Fl-1 ta' Ottubru 2018, qabel l-iskadenza meħtieġa ta' tliet xhur, ir-Renju Unit innotifika lill-President tal-Kunsill dwar ix-xewqa tiegħu li ma jiħux sehem fl-adozzjoni tar-riformulazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 377/2004 proposta mill-Kummissjoni fis-16 ta' Mejju 2018 u li l-Kunsill irċieva fil-lingwi meħtieġa kollha fit-2 ta' Lulju 2018.

    (3)

    Ir-Regolament (KE) Nru 377/2004 għandu l-għan li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni stazzjonati f'pajjiżi terzi, partikolarment billi jistipula obbligu li jiġu stabbiliti netwerks lokali jew reġjonali bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni, kif ukoll billi jippromwovi l-użu ta' għodda elettronika ddedikata għall-iskambji regolari tal-informazzjoni fin-netwerks lokali u billi jistabbilixxi sistema ta' rapportar dwar l-attività tan-netwerks tal-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni permezz ta' rapporti tal-presidenza darbtejn fis-sena, mingħajr il-ħtieġa tal-użu ta' xi sistemi operazzjonali jew interazzjoni diretta ma' xi dispożizzjonijiet legali li jinsabu f'xi strumenti legali oħrajn li huma parti mill-acquis ta' Schengen.

    (4)

    Il-proposta tas-16 ta' Mejju 2018 għal riformulazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 377/2004, filwaqt li għandha l-għan li żżid il-koordinazzjoni u twassal għall-aħjar użu tal-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni, inklużi l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni ġodda stazzjonati f'pajjiżi terzi, sabiex ikun hemm rispons aħjar għall-prijoritajiet tal-UE fil-qasam tal-migrazzjoni, ma jitlaqx min-natura tar-Regolament (KE) Nru 377/2004 attwali, f'dak li jirrigwarda l-interazzjoni speċifika tiegħu mal-partijiet l-oħrajn tal-acquis ta' Schengen.

    (5)

    Il-proposta għal riformulazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 377/2004, bħar-Regolament (KE) Nru 377/2004 attwali, għaldaqstant tista' titqies bħala miżura awtonoma fl-acquis ta' Schengen, li ma tinteraġġix operazzjonalment ma' strumenti legali oħrajn li huma parti mill-acquis ta' Schengen.

    (6)

    F'dan il-każ eċċezzjonali, u fid-dawl tan-natura awtonoma fl-acquis ta' Schengen tar-Regolament (KE) Nru 377/2004 attwali, jista' jitqies li, jekk ir-Renju Unit ma jibqax jieħu sehem f'dan ir-Regolament attwali, jew f'xi emenda ulterjuri tiegħu, iżda jkompli jieħu sehem fil-bqija tal-acquis ta' Schengen li bħalissa jieħu sehem fih skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (3), dan ikun jiżgura l-akbar sehem possibbli tar-Renju Unit mingħajr ma tiġi affettwata l-operabbiltà prattika tal-partijiet l-oħra tal-acquis ta' Schengen u filwaqt li tiġi rrispettata l-koerenza tagħhom.

    (7)

    Għaldaqstant jenħtieġ li l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2000/365/KE, b'konformità mal-Artikolu 5(3) tal-Protokoll Nru 19, ma jibqax japplika għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq f'dak li jirrigwarda r-Regolament (KE) Nru 377/2004 attwali, u kwalunkwe emenda ulterjuri tiegħu, inkluża l-proposta għal riformulazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 377/2004, mid-dħul fis-seħħ tar-riformulazzjoni proposta tar-Regolament (KE) Nru 377/2004.

    (8)

    B'konsegwenza, il-punt 6 tal-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/926/KE (4), f'dak li jirrigwarda r-Regolament (KE) Nru 377/2004, b'konformità mal-Artikolu 5(3) tal-Protokoll 19, jenħtieġ li jieqaf japplika mid-dħul fis-seħħ tar-riformulazzjoni proposta,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2000/365/KE u l-punt 6 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/926/KE għandhom jieqfu japplikaw għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq fir-rigward tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004 u kwalunkwe emenda ulterjuri tiegħu mid-dħul fis-seħħ tar-riformulazzjoni proposta tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħolqien ta' network Ewropew bejn l-uffiċjali ta' komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Frar 2019.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. MOGHERINI


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004 tad-19 ta' Frar 2004 dwar il-ħolqien ta' network bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni(ĠU L 64, 2.3.2004, p. 1).

    (2)  Regolament (UE) Nru 493/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004 dwar il-ħolqien ta' netwerk bejn l-uffiċjali ta' komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni (ĠU L 141, 27.5.2011, p. 13).

    (3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta' Fuq biex jieħu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

    (4)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/926/KE tat-22 ta' Diċembru 2004 dwar id-dħul b'effett ta' partijiet tal-acquis ta' Schengen mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (ĠU L 395, 31.12.2004, p. 70).


    Top