Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1933

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1933 tal-10 ta' Diċembru 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 356/2010 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja

    ST/14670/2018/INIT

    ĠU L 314, 11.12.2018, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1933/oj

    11.12.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 314/9


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2018/1933

    tal-10 ta' Diċembru 2018

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 356/2010 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/231/PESK tas-26 ta' April 2010 dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja u li tirrevoka l-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 356/2010 (2) jagħti effett għall-miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2010/231/PESK.

    (2)

    Fl-14 ta' Novembru 2018, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) adotta r-Riżoluzzjoni 2444 (2018). Din ir-Riżoluzzjoni tinnota li wieħed mill-kriterji għall-elenkar taħt ir-Riżoluzzjoni 1844 (2008) huwa l-impenn fi jew il-forniment ta' appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Somalja, u tiddeċiedi li atti bħal dawn jistgħu jinkludu wkoll, iżda mhumiex limitati għall-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti li jinvolvu vjolenza sesswali u vjolenza bbażata fuq il-ġeneru.

    (3)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1945 (3) emendat id-Deċiżjoni 2010/231/PESK sabiex tirrifletti l-bidliet fir-Riżoluzzjoni tal-KSNU 2444 (2018).

    (4)

    Dawn il-miżuri huma koperti mill-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat u, għalhekk, bl-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni.

    (5)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 356/2010 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 2(3), is-subparagrafu (a) tar-Regolament (UE) Nru 356/2010 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(a)

    li huma impenjati fi, jew li jipprovdu appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Somalja, meta tali atti jinkludu, iżda mhumiex limitati għal:

    (i)

    l-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti li jinvolvu vjolenza sesswali u vjolenza bbażata fuq il-ġeneru;

    (ii)

    atti li jheddu l-proċess ta' paċi u r-rikonċiljazzjoni fis-Somalja;

    (iii)

    atti li jheddu l-Gvern Federali tas-Somalja jew il-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) bil-forza;”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Diċembru 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. MOGHERINI


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/231/PESK tas-26 ta' April 2010 dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja u li tirrevoka l-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK (ĠU L 105, 27.4.2010, p. 17).

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 356/2010 tas-26 ta' April 2010 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja (ĠU L 105, 27.4.2010, p. 1).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1945 tal-10 ta' Diċembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2010/231/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja (ara l-paġna 61 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Top