EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1916

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1916 tas-6 ta' Diċembru 2018 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 f'dak li għandu x'jaqsam mal-estenzjoni tal-perjodu ta' approvazzjoni tas-sustanza attiva bispiribak (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2018/8085

ĠU L 311, 7.12.2018, p. 24–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1916/oj

7.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 311/24


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1916

tas-6 ta' Diċembru 2018

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 f'dak li għandu x'jaqsam mal-estenzjoni tal-perjodu ta' approvazzjoni tas-sustanza attiva bispiribak

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Parti B tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (2) tistabbilixxi s-sustanzi attivi approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(2)

Il-perjodu tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva bispiribak jiskadi fil-31 ta' Lulju 2021.

(3)

L-applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva tressqet bi qbil mar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (3). Madankollu, x'aktarx li l-approvazzjoni tiskadi, għal raġunijiet li mhumiex fil-kontroll tal-applikant, qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni. Għalhekk, bi qbil mal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jenħtieġ li l-perjodu tal-approvazzjoni jiġi estiż.

(4)

Minħabba ż-żmien u r-riżorsi li huma meħtieġa biex jitlestew il-valutazzjonijiet tal-applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-approvazzjonijiet ta' għadd kbir ta' sustanzi attivi li se jiskadu bejn l-2019 u l-2021, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2016)6104 (4) stabbiliet programm ta' ħidma li fih is-sustanzi attivi li huma simili għal xulxin inġabru fi gruppi u ġew stabbiliti l-prijoritajiet skont it-tħassib li dawn iqajmu għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u għall-ambjent, kif previst fl-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(5)

Billi s-sustanza attiva msemmija f'dan ir-Regolament ma tidħolx fil-kategoriji ta' prijorità tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni C(2016)6104, il-perjodu tal-approvazzjoni għandu jittawwal b'sentejn, filwaqt li jitqiesu d-data ta' skadenza attwali, il-fatt li skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012 id-dossier supplimentari dwar sustanza attiva ma għandux jitressaq iżjed tard minn 30 xahar qabel l-iskadenza tal-approvazzjoni, iż-żmien meħtieġ biex tkun żgurata distribuzzjoni bbilanċjata tar-responsabbiltajiet u tax-xogħol fost l-Istati Membri li għandhom il-kompitu ta' relaturi u korelaturi, u r-riżorsi meħtieġa għall-valutazzjoni u għat-teħid ta' deċiżjonijiet li hemm disponibbli. Għalhekk jixraq li l-perjodu tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva bispiribak jittawwal b'sentejn.

(6)

Fid-dawl tal-għan tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 rigward każijiet meta ma jkunx tressaq dossier supplimentari bi qbil mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012 qabel it-30 xahar ta' qabel id-data ta' skadenza stipulata fl-Anness ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni se tiffissa d-data ta' skadenza għall-istess data li kienet iffissata qabel l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament jew fl-iżjed data qrib warajha.

(7)

Fid-dawl tal-għan tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, rigward każijiet meta l-Kummissjoni tadotta Regolament li jistipula li l-approvazzjoni ta' sustanza attiva msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament ma tiġġeddidx minħabba li ma jkunux ġew sodisfati l-kriterji tal-approvazzjoni, il-Kummissjoni tistipula li d-data ta' skadenza tkun l-istess waħda li kienet iffissata qabel l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament jew fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament li jistipula li l-approvazzjoni tas-sustanza attiva ma tiġġeddidx, skont liema data tiġi wara. Rigward il-każijiet meta l-Kummissjoni tadotta Regolament li jipprevedi t-tiġdid ta' sustanza attiva msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tfittex li tistabblixxi, skont iċ-ċirkostanzi, l-iktar data ta' applikazzjoni qrib possibbli.

(8)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 540/2011 jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta' Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta' tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26).

(4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2016 dwar l-istabbiliment ta' programm ta' ħidma għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-approvazzjonijiet tas-sustanzi attivi li jiskadu fl-2019, fl-2020 u fl-2021 skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 357, 29.9.2016, p. 9).


ANNESS

Il-Parti B tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 hija emendata kif ġej:

fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 1, Bispiribak, id-data hija sostitwita bil-“31 ta' Lulju 2023”.


Top