Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1850

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/1850 tal-21 ta' Novembru 2018 li jirreġistra indikazzjoni ġeografika ta' xarba spirituża fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 (“Гроздова ракия от Търговище/Grozdova rakya ot Targovishte” (IĠ))

    C/2018/7902

    ĠU L 302, 28.11.2018, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/05/2021; Impliċitament imħassar minn 32019R0787

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1850/oj

    28.11.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 302/1


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1850

    tal-21 ta' Novembru 2018

    li jirreġistra indikazzjoni ġeografika ta' xarba spirituża fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 (“Гроздова ракия от Търговище/Grozdova rakya ot Targovishte” (IĠ))

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi ta' xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(8) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 17(5) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, il-Kummissjoni eżaminat it-talba ppreżentata mill-Bulgarija għar-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Гроздова ракия от Търговище/Grozdova rakya ot Targovishte”.

    (2)

    Wara li ddeterminat li t-talba hija konformi mar-Regolament (KE) Nru 110/2008, il-Kummissjoni ppubblikat l-ispeċifikazzjonijiet ewlenin tal-iskeda informattiva skont l-Artikolu 17(6) tar-Regolament imsemmi, f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

    (3)

    L-ebda dikjarazzjoni tal-oppożizzjoni, skont l-Artikolu 17(7) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, ma ntbagħtet lill-Kummissjoni, l-indikazzjoni “Гроздова ракия от Търговище/Grozdova rakya ot Targovishte” jenħtieġ li tiġi rreġistrata bħala indikazzjoni ġeografika fl-Anness III ta' dak ir-Regolament.

    (4)

    L-isem kif ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali sabiex isiru l-oppożizzjonijiet, fih żball tat-traskrizzjoni. Wara l-korrezzjoni ta' dan l-iżball, il-verżjoni kkorreġuta tal-ispeċifikazzjonijiet ewlenin tal-iskeda informattiva jenħtieġ li tiġi ppubblikata għal informazzjoni.

    (5)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għax-Xorb Spirituż,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, fil-kategorija “Spirtu magħmul mill-inbid”, tiżdied l-entrata li ġejja:

    “Spirtu magħmul mill-inbid

    Гроздова ракия от Търговище/Grozdova rakya ot Targovishte

    Il-Bulgarija”

    Artikolu 2

    Il-verżjoni korretta tal-ispeċifikazzjonijiet ewlenin tal-iskeda informattiva hija inkluża fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Novembru 2018.

    Għall-Kummissjoni,

    F'isem il-President,

    Phil HOGAN

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16.

    (2)  ĠU C 294, 5.9.2017, p. 15.


    ANNESS

    SPEĊIFIKAZZJONIJIET EWLENIN TAL-ISKEDA INFORMATTIVA GĦAL

    “ГРОЗДОВА РАКИЯ ОТ ТЪРГОВИЩЕ”/“GROZDOVA RAKYA OT TARGOVISHTE”

    Nru tal-UE: PGI-BG-01864 — 7.1.2014

    1.   Indikazzjoni ġeografika li trid tiġi reġistrata:“Гроздова ракия от Търговище”/“Grozdova rakya ot Targovishte”

    2.   Kategorija tax-xorb spirituż: Spirtu magħmul mill-inbid

    3.   Deskrizzjoni tax-xorb spirituż:

    3.1.   Karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u/jew organolettiċi

    L-ispirtu tal-inbid bl-indikazzjoni ġeografika “Гроздова ракия от Търговище”/“Grozdova rakya ot Targovishte” għandu lewn isfar ċar, aroma pjaċevoli tal-vanilla u togħma ħafifa u armonjuża. Il-karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi speċifiċi tiegħu huma r-riżultat tal-fatturi li ġejjin: il-materja prima, iż-żona ġeografika, il-metodu tal-produzzjoni u l-fattur uman meta jiġu applikati prattiki tajbin tal-manifattura u t-taħlita tat-tradizzjoni u tat-teknoloġija moderna.

    3.2.   Karatteristiċi speċifiċi (imqabbla max-xorb spirituż tal-istess kategorija)

    L-ispirtu magħmul mill-inbid bl-indikazzjoni ġeografika “Гроздова ракия от Търговище”/“Grozdova rakya ot Targovishte” jiġi prodott permezz ta' teknoloġija tradizzjonali Bulgara u għandu l-proprjetajiet fiżikokimiċi li ġejjin:

    il-volum minimu tal-alkoħol fix-xarba: 40 % vol.;

    il-kontenut ta' sustanzi volatili (inkluż alkoħol ogħla, aċidità totali, esteri u aldeidi): minn 267 sa 365 gramma għal kull ettolitru ta' 100 % volum tal-alkoħol;

    il-kontenut massimu ta' metanol: 120 gramma għal kull ettolitru ta' 100 % volum tal-alkoħol.

    B'mod simili l-injam li bih isiru l-btieti tal-maturazzjoni tad-distillat u l-ilma minerali wara d-demineralizzazzjoni li jintuża għad-dilwizzjoni tad-distillat tal-inbid, ikomplu jikkontribwixxu għat-togħma dinstintiva tax-xarba.

    4.   Żona ġeografika konċernata:

    L-ispirtu magħmul mill-inbid bl-indikazzjoni ġeografika “Гроздова ракия от Търговище”/“Grozdova rakya ot Targovishte” hu prodott fil-provinċja ta' Targovishte li tinsab fuq in-naħa tal-Lvant tal-pjanura tad-Danubju. Il-vinji jinsabu fil-muniċipalità ta' Targovishte, b'mod partikolari fuq artijiet f'dawn is-sitt irħula: Kralevo, Dalgach, Ovcharovo, Pevets, Strazha u Ruets.

    5.   Deskrizzjoni tal-metodu tal-produzzjoni tax-xarba spirituża:

    L-ispirtu magħmul mill-inbid bl-indikazzjoni ġeografika “Гроздова ракия от Търговище”/“Grozdova rakya ot Targovishte” jiġi prodott b'dawn il-varjetajiet tal-għeneb:

    abjad: Chardonnay, Rkatsiteli, Muscat Ottonel, Dimyat, Tamyanka, Traminer, Sauvignon Blanc, Aligoté u Riesling Italico;

    aħmar: Cabernet Sauvignon u Pamid.

    Il-produzzjoni tibda bil-ħsad tal-għeneb li wara jiġi kklassifikat skont il-varjetà, id-dehra ġenerali u l-kontenut taz-zokkor, u mbagħad jiġi pressat. Il-polpa tal-għeneb pressat tiġi mmaċerata għal bejn erbgħa u tnax-il siegħa f'passaturi jduru. Imbagħad il-most tal-għeneb jiġi kkjarifikat u l-bċejjeċ ċari jintbagħtu għall-fermentazzjoni. Il-fermentazzjoni alkoħolika ssir fuq medda ta' għoxrin jum f'temperaturi ta' bejn l-14 u t-18-il °С. L-inbid li jirriżulta jitwassal għal distillazzjoni singola jew doppja f'kolonna tad-distillazzjoni K-5 b'inqas minn 65 % volum ta' alkoħol. Is-sistema tad-distillazzjoni K-5 hija kunċett Bulgaru. L-ispirtu magħmul mill-inbid li jirriżulta minn dan il-proċess jinħażen f'kompartimenti separati għall-maturazzjoni tad-distillat fi btieti tal-ballut u li jintużaw għat-taħlit tal-inbejjed.

    6.   Rabta mal-ambjent ġeografiku jew mal-oriġini:

    6.1.   Dettalji taż-żona ġeografika jew tal-oriġini rilevanti għar-rabta

    Ħafna miż-żona ġeografika hi art wieqfa jew għoljiet. L-elevazzjoni medja tagħha hi bejn il-200 m u l-520 m 'il fuq mil-livell tal-baħar. Din għandha klima kontinentali b'temperatura moderata u b'influwenzi marittimi. Il-ħarifa li hija sħuna, niexfa u twila, tiffavorixxi ferm l-akkumulazzjoni taz-zokkor fl-għeneb. It-temperatura medja annwali fiż-żona hija ta' madwar 10,7 °C. Il-preċipitazzjoni medja annwali, ħafna drabi tilħaq il-livelli massimi lejn l-aħħar tar-rebbiegħa u l-bidu tas-sajf. Il-ħamrija li tinsab fiż-żona hija ċernozem u ħamrija griża tal-foresti b'karatteristiċi ramlija u taflija.

    6.2.   Karatteristiċi speċifiċi tax-xarba spirituża attribwibbli għaż-żona ġeografika

    L-ispirtu magħmul mill-inbid bl-indikazzjoni ġeografika “Гроздова ракия от Търговище”/“Grozdova rakya ot Targovishte” jiġi prodott fiż-żona tal-provinċja ta' Targovishte, żona b'taħlita favorevoli ta' topografija, ħamrija u klima li lkoll jgħinu biex l-għeneb jikseb l-aqwa maturità teknika u li jippermettu l-kultivazzjoni ta' għeneb ta' kwalità. Ħafna mill-kwalitajiet distintivi tax-xarba jirriżultaw mill-balluta speċjali tal-ispeċijiet “Quercus Frainetto” (il-Balluta tal-Ungerija) li minnha jsiru l-btieti tal-maturazzjoni tal-ispirtu. Għad-dilwizzjoni tad-distillat jintuża ilma minerali mrattab min-nixxiegħa ta' “Boaza” li tinsab 8 km lejn il-Lbiċ tal-belt ta' Targovishte. It-taħlit sussegwenti jwassal għal prodott ta' kwalità b'karatteristiċi organolettiċi stabbli (b'lewn isfar ċar, aroma pjaċevoli tal-vanilla u b'togħma ħafifa u armonjuża). Is-sustanzi aromatiċi tal-għeneb, li jiffurmaw ir-riħa karatteristika u l-aroma tax-xarba, jiġu ppreservati b'metodi tal-produzzjoni tradizzjonali kif ukoll moderni.

    7.   Dispożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew nazzjonali/reġjonali:

    Fil-Bulgarija, il-proċedura għall-approvazzjoni tax-xorb spirituż b'indikazzjoni ġeografika hi stipulata fit-Taqsima VII (“Il-produzzjoni tax-xorb spirituż b'indikazzjoni ġeografika”) u fil-Kapitolu 9 (“Xorb spirituż”) tal-Att dwar l-Inbid u x-Xorb Spirituż (Zakon za vinoto i spirtnite napitki), ippubblikat fid-DV (il-Ġurnal Uffiċjali Bulgaru) Nru 45 tal-15 ta' Ġunju 2012.

    Il-“Гроздова ракия от Търговище”/“Grozdova rakya ot Targovishte” ġie approvat bħala spirtu magħmul mill-inbid bl-indikazzjoni ġeografika Т-RD- skont id-digriet Nru 27–13 tas-27 ta' Novembru 2013 tal-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi. Dan id-digriet ġie ppubblikat fuq is-sit web uffiċjali tal-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi fl-indirizz li ġej: http://www.mi.government.bg/bg/library/zapoved-za-utvarjdavane-na-vinena-destilatna-spirtna-napitka-grozdova-rakiya-s-geografsko-ukazanie-t-68-c28-m361-1.html

    8.   Applikant:

    Stat Membru, Pajjiż Terz jew persuna legali/naturali – Repubblika Bulgaria, Ministerstvo na ikonomikata/Ir-Repubblika tal-Bulgarija, il-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi.

    L-indirizz sħiħ (in-numru u l-isem tat-triq, il-belt/ir-raħal u l-kodiċi postali, il-pajjiż)

    Gr. Sofia 1052, ul. “Slavyanska” no 8, Repubblika Bulgaria/8 triq “Slavyanska”, Sofija 1052, Ir-Repubblika tal-Bulgarija.

    9.   Regoli speċifiċi għat-tikkettar:

    Ir-regoli dwar it-tikkettar tax-xorb spirituż b'indikazzjoni ġeografika li jiġi prodott fir-Repubblika tal-Bulgarija u huwa maħsub għas-suq Bulgaru huma stipulati fl-Artikolu 170(1) u fl-Artikolu 172(1) tal-Att dwar l-Inbid u x-Xorb Spirituż.


    Top