EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1717

Regolament (UE) 2018/1717 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 fir-rigward tal-post tas-sede tal-Awtorità Bankarja Ewropea (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

PE/39/2018/REV/1

ĠU L 291, 16.11.2018, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1717/oj

16.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 291/1


REGOLAMENT (UE) 2018/1717 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Novembru 2018

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 fir-rigward tal-post tas-sede tal-Awtorità Bankarja Ewropea

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw mal-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Fil-kuntest tan-notifika tar-Renju Unit fid-29 ta’ Marzu 2017 tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), is-27 Stat Membru ieħor, imlaqqgħin fl-20 ta’ Novembru 2017 fil-marġini tal-Kunsill, għażlu lil Pariġi, Franza, bħala s-sede l-ġdida tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea) (l-“Awtorità”).

(2)

B’kont meħud tar-“Rapport konġunt tan-negozjaturi tal-Unjoni Ewropea u tal-Gvern tar-Renju Unit dwar il-progress fl-ewwel fażi tan-negozjati skont l-Artikolu 50 tat-TUE dwar il-ħruġ ordinat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea” tat-8 ta’ Diċembru 2017 u b’mod partikolari tal-kapitolu dwar is-saldu finanzjarju, u tal-impenn tar-Renju Unit li jikkontribwixxi għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-snin finanzjarji 2019 u 2020 daqslikieku jkun għadu fl-Unjoni u li jħallas is-sehem tiegħu tal-finanzjament tal-impenji pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2020, l-ispejjeż tar-rilokazzjoni tas-sede tal-Awtorità kkawżati mid-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni għandhom jitħallsu mill-kontribwenti kollha tal-Unjoni permezz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Ir-Renju Unit offra li jiddiskuti ma’ dawk l-aġenziji tal-Unjoni li għandhom is-sede tagħhom f’Londra dwar kif jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż tal-ħruġ tagħhom.

(3)

B’kont meħud tal-Artikolu 50(3) tat-TUE, jenħtieġ li l-Awtorità tibda tokkupa s-sede l-ġdida tagħha mit-30 ta’ Marzu 2019.

(4)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-Awtorità fil-post il-ġdid tagħha, jenħtieġ li jiġi konkluż ftehim dwar il-kwartieri ġenerali bejn l-Awtorità u Franza u li jiġi approvat proġett ta’ bini skont l-Artikolu 88 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (3) qabel ma l-Awtorità tibda tokkupa s-sede l-ġdida tagħha. Jenħtieġ li s-sede l-ġdida tkun lesta u adatta għall-fini ta’ rilokazzjoni permanenti sat-30 ta’ Marzu 2019. Jenħtieġ li l-ftehim dwar il-kwartieri ġenerali jirrifletti r-responsabbiltà tal-awtoritajiet Franċiżi li jipprovdu l-aktar kundizzjonijiet xierqa biex jiġi żgurat li l-Awtorità tiffunzjona sewwa fil-kuntest tar-rilokazzjoni tagħha.

(5)

It-trasferiment tas-sede tal-Awtorità la jaffettwa l-pjan tal-istabbiliment kif adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, u lanqas l-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali jew għall-aġenti l-oħra li jaħdmu fl-Awtorità.

(6)

Jenħtieġ li r-rilokazzjoni tal-Awtorità ma jkollha l-ebda konsegwenza rigward l-eżekuzzjoni tal-mandati distinti tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej jew iż-żamma tal-istatus legali separat tagħhom. Ir-rilokazzjoni tista’ tippermetti, fejn ikun applikabbli, il-kondiviżjoni bejn aġenziji tal-Unjoni ta’ servizzi ta’ appoġġ amministrattiv u servizzi ta’ ġestjoni tal-faċilitajiet li ma jkunux relatati mal-attivitajiet ewlenin.

(7)

Jenħtieġ li r-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jitmexxew b’kooperazzjoni reċiproka leali, u li kull istituzzjoni taġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilha fit-TUE u fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u f’konformità mal-proċeduri, il-kundizzjonijiet u l-objettivi stabbiliti fihom.

(8)

Sabiex l-Awtorità tingħata biżżejjed żmien għar-rilokazzjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza wara l-adozzjoni tiegħu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja.

(9)

Għaldaqstant jenħtieġ li ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1093/2010 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 7

Sede

L-Awtorità għandu jkollha s-sede tagħha f’Pariġi, Franza.

Il-post tas-sede tal-Awtorità ma għandux jaffettwa l-eżekuzzjoni tal-kompiti u tas-setgħat tal-Awtorità, l-organizzazzjoni tal-istruttura ta’ governanza tagħha, l-operat tal-organizzazzjoni prinċipali tagħha, jew il-finanzjament prinċipali tal-attivitajiet tagħha, filwaqt li jippermetti, fejn ikun applikabbli, l-kondiviżjoni ma’ aġenziji tal-Unjoni ta’ servizzi ta’ appoġġ amministrattiv u ta’ ġestjoni tal-faċilitajiet li ma jkunux relatati mal-attivitajiet ewlenin tal-Awtorità. Sat-30 ta’ Marzu 2019 u kull 12-il xahar wara din id-data, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-konformità ta’ dawn l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ma’ dak ir-rekwiżit.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mit-30 ta’ Marzu 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta’ Novembru 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

K. EDTSTADLER


(1)  ĠU C 197, 8.6.2018, p. 72.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Ottubru 2018 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)] u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Novembru 2018.

(3)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regolament finanzjarju ta’ qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


Top