EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1619

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1619 tat-12 ta' Lulju 2018 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/438 f'dak li għandu x'jaqsam mad-dmirijiet ta' salvagwardja tad-depożitarji (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2018/4379

ĠU L 271, 30.10.2018, p. 6–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2018/1619/oj

30.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 271/6


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1619

tat-12 ta' Lulju 2018

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/438 f'dak li għandu x'jaqsam mad-dmirijiet ta' salvagwardja tad-depożitarji

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (1), u partikolarment l-Artikolu 26b tagħha,

Billi:

(1)

Minħabba liġijiet nazzjonali li jvarjaw dwar it-titoli u l-insolvenza, li mhumiex armonizzati fil-livell tal-Unjoni, hemm diverġenza fil-livell ta' protezzjoni għal strumenti finanzjarji miżmuma f'kustodja għal klijenti tal-Impriżi għall-Investiment Kollettiv f'Titoli Trasferibbli (“UCITS”) minn riskji ta' insolvenza. Sabiex tiġi żgurata protezzjoni b'saħħitha tal-assi tal-klijenti kif previst fid-Direttiva 2009/65/KE, filwaqt li jiġu pprovduti rekwiżiti tal-liġi nazzjonali aktar b'saħħithom fir-rigward ta' dawn l-oqsma mhux armonizzati, huwa neċessarju li jiġu ċċarati l-obbligi relatati mas-salvagwardja tal-assi stabbiliti fid-Direttiva 2009/65/KE.

(2)

Fil-preżent, l-awtoritajiet kompetenti u l-industrija japplikaw ir-rekwiżiti tas-segregazzjoni tal-assi stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/438 (2) b'mod differenti. Filwaqt li d-depożitarji, li huma fl-ewwel livell ta' katina ta' kustodja, għandhom l-obbligu li jipprovdu l-possibbiltà lil kont individwali li jżomm strumenti finanzjarji għal kull klijent tal-UCITS, huwa neċessarju li jiġi ċċarat li meta l-funzjoni ta' kustodja tiġi delegata lil parti terza, jenħtieġ li din tal-aħħar tkun tista' żżomm l-assi tal-klijenti ta' depożitarju wieħed, inklużi l-assi għal UCITS u l-Fondi ta' Investiment Alternattivi (“AIFs”), f'kont omnibus. Jenħtieġ li dan il-kont omnibus jeskludi dejjem l-assi proprjetarji tad-depożitarju u l-assi proprjetarji tal-parti terza kif ukoll l-assi li jappartjenu lil klijenti oħra tal-parti terza. Bl-istess mod, f'każijiet fejn il-funzjoni ta' kustodja tiġi ddelegata ulterjorment, jenħtieġ li s-sottokustodju jkun jista' jżomm l-assi tal-klijenti tal-kustodju ta' delega, f'kont omnibus. Jenħtieġ li dan il-kont omnibus jeskludi dejjem l-assi proprjetarji tas-sottokustodju u l-assi proprjetarji tal-kustodju ta' delega kif ukoll l-assi li jappartjenu lil klijenti oħra tas-sottokustodju. Dan huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn l-effiċjenza tas-suq u l-protezzjoni tal-investitur.

(3)

Sabiex jiġi minimizzat ir-riskju ta' telf ta' assi miżmuma f'kontijiet omnibus ta' strumenti finanzjarji pprovduti minn partijiet terzi, li lilhom tkun ġiet iddelegata l-funzjoni ta' kustodja, jenħtieġ li l-frekwenza ta' rikonċiljazzjonijiet bejn il-kontijiet u r-rekords tat-titoli finanzjarji ta' depożitarju ta' klijent UCITS u l-parti terza jew bejn partijiet terzi, meta l-funzjoni ta' kustodja tkun ġiet iddelegata aktar 'l isfel fil-katina tal-kustodja, tiżgura trażmissjoni f'waqtha tal-informazzjoni rilevanti lid-depożitarju. Barra minn hekk, il-frekwenza ta' dawn ir-rikonċiljazzjonijiet jenħtieġ li tiddependi fuq kull moviment f'dan il-kont omnibus, inklużi transazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-assi li jappartjenu lil klijenti oħra tad-depożitarju li jinżammu fl-istess kont omnibus bħall-assi tal-UCITS.

(4)

Jenħtieġ li d-depożitarju jkun jista' jkompli jwettaq id-dmirijiet tiegħu b'mod effettiv meta l-kustodja tal-assi tal-klijenti UCITS tiegħu tiġi delegata lil parti terza. Huwa għalhekk meħtieġ li d-depożitarju jintalab iżomm rekord fil-kont ta' strumenti finanzjarji li jkun fetaħ f'isem UCITS jew f'isem il-kumpanija maniġerjali li taġixxi f'isem l-UCITS, li turi li l-assi miżmuma f'kustodja minn parti terza jappartjenu lil dik l-UCITS partikolari.

(5)

Biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tad-depożitarji fir-rigward ta' partijiet terzi li lilhom tiġi ddelegata l-kustodja tal-assi, jenħtieġ li din ir-relazzjoni tiġi dokumentata permezz ta' kuntratt ta' delega bil-miktub Jenħtieġ li dan il-kuntratt jippermetti lid-depożitarju jieħdu l-passi kollha neċessarji biex ikun żgurat li l-assi miżmuma f'kustodja jkunu salvagwardjati kif xieraq u li l-parti terza tikkonforma f'kull ħin mal-kuntratt ta' delega u mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/65/KE u tar-Regolament Delegat (UE) 2016/438. Barra minn hekk, jenħtieġ li d-depożitarju u l-parti terza jaqblu formalment dwar jekk il-parti terza hijiex permessa li tkompli tiddelega l-funzjonijiet ta' kustodja. F'dak il-każ, jenħtieġ li l-kuntratt bejn il-parti terza ta' delega u l-parti terza li lilha jkunu ġew delegati ulterjorment il-funzjonijiet ta' kustodja, ikun soġġett għad-drittijiet u l-obbligi li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti bejn id-depożitarju u l-parti terza ta' delega.

(6)

Sabiex jippermetti lid-depożitarju jwettaq il-funzjonijiet tiegħu jeħtieġ li tissaħħaħ is-sorveljanza tad-depożitarji fuq il-partijiet terzi, irrispettivament minn jekk ikunux jinsabu ġewwa jew barra l-Unjoni Jenħtieġ li d-depożitarji jivverifikaw jekk l-istrumenti finanzjarji tal-UCITS jkunux reġistrati b'mod korrett fil-kotba ta' dawn il-partijiet terzi. Jenħtieġ li r-reġistri miżmuma minn partijiet terzi jkunu preċiżi biżżejjed biex ikunu jistgħu jiġu identifikati n-natura, il-post u s-sjieda tal-assi. Biex jiġi ffaċilitat it-twettiq effettiv tad-dmirijiet tad-depożitarji, jenħtieġ li l-partijiet terzi jipprovdulhom dikjarazzjoni dwar kull bidla li taffettwa l-assi miżmuma f'kustodja għal klijenti UCITS tad-depożitarji.

(7)

Sabiex tittejjeb iċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali tar-Regolament Delegat (UE) 2016/438, huwa meħtieġ li jiġu emendati ċerti referenzi interni li huma żbaljati. Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2016/438 jiġi emendat skont dan.

(8)

Biex id-depożitorji jkollhom żmien biżżejjed biex jadattaw għal dawn ir-rekwiżiti l-ġodda, jenħtieġ li d-data ta' applikazzjoni tiġi differita għal tmintax-il xahar wara l-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(9)

Il-miżuri introdotti b'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar it-Titoli u s-Swieq (3).

(10)

Il-miżuri introdotti b'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-grupp ta' esperti tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli.

(11)

Għaldaqstant ir-Regolament Delegat (UE) 2016/438 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/438 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (c) jinbidel b'dan li ġej:

“(c)

ir-rikonċiljazzjonijiet jitwettqu ta' spiss skont kemm meħtieġ bejn il-kontijiet interni u r-rekords tad-depożitarju u dawk ta' kull parti terza li lilha tkun ġiet iddelegata s-salvagwardja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE;”

(ii)

jiżdied it-tieni subparagrafu li ġej:

“Fir-rigward tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, il-frekwenza ta' rikonċiljazzjonijiet għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi ta' dawn li ġejjin:

(a)

l-attività kummerċjali normali tal-UCITS;

(b)

kull operazzjoni li sseħħ barra mill-attività normali tan-negozjar;

(c)

kull operazzjoni li sseħħ f'isem kull klijent ieħor li l-assi tiegħu jinżammu mill-parti terza fl-istess kont ta' strumenti finanzjarji bħal dak tal-assi tal-UCITS.”;

(b)

il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Meta depożitarju jkun iddelega l-funzjonijiet ta' salvagwardja tiegħu fir-rigward ta' assi miżmuma f'kustodja, lil parti terza skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE, għandu jibqa' soġġett għar-rekwiżiti tal-punti minn (a) sa (e) tal-paragrafu 1. Id-depożitarju għandu wkoll jiżgura li l-parti terza tikkonforma mar-rekwiżiti tal-punti minn (b) sa (g) tal-paragrafu 1;”;

(2)

fl-Artikolu 15, jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a   Kuntratt li bih id-depożitarju jaħtar parti terza biex iżżomm l-assi tal-klijenti UCITS ta' dan id-depożitarju f'kustodja, għandu jinkludi tal-anqas id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

garanzija tad-dritt tad-depożitarju għall-informazzjoni, l-ispezzjoni, u l-aċċess għar-rekords u l-kontijiet ta' strumenti finanzjarji rilevanti tat-tielet parti li qed issomm l-assi f'kustodja biex id-depożitarju jkun jista' jwettaq is-sorveljanza u l-obbligi tad-diliġenza dovuta u b'mod partikolari jippermettu lid-depożitarju li:

(i)

jidentifika l-entitajiet kollha fil-katina sħiħa tal-kustodja;

(ii)

jivverifika li l-kwantità tal-istrumenti finanzjarji identifikati rreġistrati fil-kontijiet tal-istrumenti finanzjarji miftuħa fil-kotba tad-depożitarju f'isem l-UCITS jew f'isem il-kumpanija maniġerjali li taġixxi f'isem il-UCITS, tkun taqbel mal-kwantità tal-istrumenti finanzjarji identifikati miżmuma f'kustodja mill-parti terza għal dik l-UCITS kif irreġistrat fil-kont ta' strumenti finanzjarji miftuħ fil-kotba tal-parti terza;

(iii)

jivverifika li l-kwantità ta' strumenti finanzjarji identifikati, li huma rreġistrati u miżmuma f'kont ta' strumenti finanzjarji miftuħ fid-Depożitarju Ċentrali tat-Titoli (“CSD”- Central Securities Depository) tal-emittenti, jew l-aġent tiegħu, f'isem parti terza f'isem il-klijenti tagħha, tkun taqbel mal-kwantità ta' strumenti finanzjarji identifikati rreġistrati fil-kontijiet tal-istrumenti finanzjarji miftuħa fil-kotba tad-depożitarju f'isem f'kull wieħed mill-klijenti tal-UCITS tiegħu jew f'isem il-kumpanija maniġerjali li taġixxi f'isem l-UCITS.

(b)

dettalji tad-drittijiet u l-obbligi ekwivalenti miftiehma bejn il-parti terza u parti terza oħra, f'każ ta' iktar delega tal-funzjonijiet ta' kustodja.”;

(3)

fl-Artikolu 16, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Meta l-funzjonijiet ta' salvagwardja jkunu ġew delegati kompletament jew parzjalment lil parti terza, depożitarju għandu jiżgura li l-parti terza li lilha jkunu ġew iddelegati l-funzjonijiet ta' salvagwardja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE, taġixxi skont l-obbligu tas-segregazzjoni stabbilit fil-punt (c) tal-Artikolu 22a(3) ta' dik id-Direttiva filwaqt li jiżgura u jivverifika li l-parti terza:

(a)

tirreġistra kif xieraq l-istrumenti finanzjarji kollha identifikati fil-kont ta' strumenti finanzjarji li jinfetaħ fil-kotba tal-parti terza, sabiex jinżammu f'kustodja l-istrumenti finanzjarji għall-klijenti tad-depożitarju, li jeskludi l-istrumenti finanzjarji proprjetarji tad-depożitarju u tal-parti terza u tal-klijenti l-oħra tal-parti terza, biex id-depożitorju jkun jista' jaqbel mal-kwantità tal-istrumenti finanzjarji identifikati rreġistrati fil-kontijiet miftuħa fil-kotba tad-depożitarju f'isem kull wieħed mill-klijenti tiegħu tal-UCITS jew f'isem il-kumpanija maniġerjali li taġixxi f'isem l-UCITS;

(b)

iżżomm ir-rekords u l-kontijiet tal-istrumenti finanzjarji kollha meħtieġa biex id-depożitarju jkun jista' f'kull ħin u mingħajr dewmien jiddistingwi l-assi tal-klijenti tad-depożitarju mill-assi proprji tal-parti terza, l-assi tal-klijenti l-oħra tal-parti terza u l-assi miżmuma għad-depożitarju f'ismu stess;

(c)

iżżomm rekords u kontijiet ta' strumenti finanzjarji b'mod li jiżgura l-preċiżjoni tagħhom, u b'mod partikolari li l-korrispondenza tagħhom għall-assi jinżammu sikuri, għall-klijenti UCITS tad-depożitarju u li abbażi tagħhom id-depożitarju jkun jista' f'kull ħin jistabbilixxi n-natura preċiża, il-pożizzjoni u l-istatus tas-sjieda ta' dawn l-assi;

(d)

tipprovdi lid-depożitarju b'dikjarazzjoni, fuq bażi regolari u kull meta sseħħ bidla fiċ-ċirkostanzi, filwaqt li tagħti dettalji dwar l-assi tal-klijenti tad-depożitarju tal-UCITS;

(e)

twettaq rikonċiljazzjonijiet, ta' spiss kemm ikun meħtieġ, bejn il-kontijiet tal-istrumenti finanzjarji tagħha u r-rekords interni u dawk tal-parti terza li lilha jkunu ġew iddelegati l-funzjonijiet ta' kustodja skont il-punt (c) tal-Artikolu 22a(3) tad-Direttiva 2009/65/KE.

Il-frekwenza tar-rikonċiljazzjoni għandha tiġi determinata f'konformità mal-Artikolu 13(1);

(f)

tintroduċi arranġamenti organizzazzjonali adegwati biex timminimizza r-riskju ta' telf jew ta' tnaqqis fl-istrumenti finanzjarji, jew ta' drittijiet marbuta ma' dawk l-istrumenti finanzjarji minħabba użu ħażin tal-istrumenti finanzjarji, frodi, amministrazzjoni ħażina, żamma ta' records inadegwata jew negliġenza;

(g)

ikollha flus tal-UCITS f'kont jew kontijiet ma' bank ċentrali ta' pajjiż terz jew istituzzjoni ta' kreditu awtorizzata f'pajjiż terz, sakemm ir-rekwiżiti superviżorji u regolatorji prudenzjali applikati għall-istituzzjonijiet ta' kreditu f'dak il-pajjiż terz ikunu meqjusa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-UCITS bħala mill-inqas ekwivalenti għal dawk applikati fl-Unjoni, f'konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 22(4) tad-Direttiva 2009/65/KE.”;

(4)

L-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 2, il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

“tirċievi parir legali minn persuna fiżika jew ġuridika indipendenti li tikkonferma li l-liġi applikabbli ta' insolvenza tirrikonoxxi s-segregazzjoni tal-assi tal-klijenti tad-depożitarju mill-assi tal-parti terza nnifisha stess, mill-assi tal-klijenti l-oħra tal-parti terza, mill-assi miżmuma mill-parti terza għal kont proprju tad-depożitarju u li l-assi tal klijenti UCITS tad-depożitarju ma jifformawx parti mill-patrimonju tal-parti terza f'kaz ta' insolvenza u ma jkunux disponibbli biex jitqassmu fost, jew jiġu realizzati għall-benefiċċju ta' kredituri tal-parti terza li lilha jkunu ġew delegati funzjonijiet ta' salvagwardja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE;”

(b)

Fil-paragrafu 2 il-punti (d) u (e) jitħassru;

(c)

Il-paragrafu 3 jitħassar.

(5)

Fl-Artikolu 22 il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

“Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandha turi lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-UCITS li hija sodisfatta bil-ħatra tad-depożitarju u li l-ħatra hi biss fl-interess tal-UCITS u tal-investituri tal-UCITS. Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandha tagħmel l-evidenza dokumentata msemmija fil-paragrafu 2 disponibbli għall-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-UCITS.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' April 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/438 tas-17 ta' Diċembru 2015 li jissupplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-obbligi tad-depożitarji (ĠU L 78, 24.3.2016, p. 11).

(3)  L-Opinjoni tal-ESMA, 20.7.2017, 34 45 277.


Top