Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1554

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1554 tal-15 ta' Ottubru 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1370/2013 rigward il-limitazzjoni kwantitattiva applikabbli għax-xiri sfurzat ta' trab tal-ħalib xkumat

    ST/12219/2018/INIT

    ĠU L 261, 18.10.2018, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1554/oj

    18.10.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 261/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2018/1554

    tal-15 ta' Ottubru 2018

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1370/2013 rigward il-limitazzjoni kwantitattiva applikabbli għax-xiri sfurzat ta' trab tal-ħalib xkumat

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 (1) jistabbilixxi limitazzjonijiet kwantitattivi għax-xiri sfurzat tat-trab tal-ħalib xkumat bil-prezz fiss imsemmi fl-Artikolu 2 ta' dak ir-Regolament. Ladarba dak il-limitu jintlaħaq, ix-xiri sfurzat irid jitwettaq permezz ta' proċedura ta' sejħa għall-offerti biex jiġi determinat il-prezz massimu tax-xiri sfurzat.

    (2)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/147 (2) emenda r-Regolament (UE) Nru 1370/2013 billi l-limitu kwantitattiv għax-xiri sfurzat ta' trab tal-ħalib xkumat bi prezz fiss ġie stabbilit għal żero għas-sena 2018. Dan sar biex jiġi evitat li t-trab tal-ħalib xkumat jinxtara bi prezz fiss f'sitwazzjoni li tmur kontra l-għanijiet tax-xibka ta' sikurezza.

    (3)

    Fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib il-prezzijiet tax-xaħam u tal-proteini għadhom differenti. Fl-2018, il-prezzijiet tas-suq tal-Unjoni għat-trab tal-ħalib xkumat baqgħu taħt il-livell tal-intervent pubbliku, filwaqt li l-prezzijiet tal-butir huma aktar mid-doppju tal-livell tal-intervent pubbliku.

    (4)

    Il-prezzijiet tal-ħalib mhux ipproċessat imħallsa lill-bdiewa fl-2018 huma f'livell li jwassal biex il-produzzjoni tal-ħalib issir remunerattiva minħabba d-domanda attwalment qawwija għall-butir u l-ġobon minkejja il-prezzijiet relattivament baxxi tal-proteini tal-ħalib. L-operazzjoni tal-intervent pubbliku fl-2018 fl-ambitu ta' proċedura ta' sejħa għall-offerti ma waqqfitx il-prezzijiet tal-ħalib mhux ipproċessat milli jommu dawn il-livelli.

    (5)

    L-elementi fundamentali għas-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib f'termini tal-provvista, id-domanda u l-evoluzzjoni tal-prezzijiet mhumiex mistennija li jinbidlu b'mod sostanzjali fl-2019, b'mod partikolari fir-rigward tad-differenza bejn il-prezzijiet tax-xaħam u tal-proteini tal-ħalib. Għalhekk huwa xieraq li, l-limitazzjoni kwantitattiva għax-xiri sfurzat tat-trab tal-ħalib xkumat bi prezz fiss jiġi stabbilit għal żero għas-sena 2019.

    (6)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1370/2013 jiġi emendat skont dan.

    (7)

    Sabiex ikun żgurat li l-miżura temporanja prevista f'dan ir-Regolament ikollha impatt immedjat fuq is-suq u sabiex l-operaturi tas-suq ikunu jistgħu jiġu infurmati fi żmien xieraq qabel il-bidu tal-kampanja ta' intervent li jmiss, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “B'deroga mill-ewwel subparagrafu, il-limitazzjoni kwantitattiva għax-xiri sfurzat ta' trab tal-ħalib xkumat bi prezz fiss għandha tkun ta' 0 tunnellati għas-sena 2019.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, il-15 ta' Ottubru 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. KÖSTINGER


    (1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta' Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12).

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/147 tad-29 ta' Jannar 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1370/2013 rigward il-limitazzjoni kwantitattiva applikabbli għax-xiri sfurzat ta' trab tal-ħalib xkumat (ĠU L 26, 31.1.2018, p. 6).


    Top