Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1208

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1208 tas-27 ta' Awwissu 2018 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    C/2018/5745

    ĠU L 220, 30.8.2018, p. 4–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1208/oj

    30.8.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 220/4


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1208

    tas-27 ta' Awwissu 2018

    dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

    (3)

    Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

    (4)

    Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta' tliet xhur.

    (5)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

    Artikolu 2

    L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Awwissu 2018.

    Għall-Kummissjoni,

    F'isem il-President,

    Stephen QUEST

    Direttur Ġenerali

    Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


    (1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


    ANNESS

    Deskrizzjoni tal-prodotti

    Klassifikazzjoni

    (Kodiċi NM)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    Apparat analogu u elettriku li juża s-sensuri (l-hekk imsejjaħ “analizzatur tal-ossiġenu”) b'daqs ta' bejn wieħed u ieħor 240 × 220 × 200 mm u li jiżen madwar 4,3 kg.

    L-apparat juża t-teknoloġija kulometrika biex jindividwa u jkejjel l-ossiġenu traċċa u t-teknoloġija paramanjetika biex ikejjel b'mod preċiż il-perċentwal ta' ossiġenu fil-flussi tal-gass pur u fl-ambjenti ta' għadd ta' gassijiet. Dan jinkludi skrin LCD li juri r-riżultati tal-kejl. Jinkludi wkoll allarm akustiku u viżiv, outputs diġitali u analogi u komunikazzjoni serjali bidirezzjonali.

    L-apparat jintuża fi proċess industrijali tal-gass u ta' kontroll tal-kwalità.

    9027 10 10

    Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1, 3(b) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 9027 , 9027 10 u 9027 10 10 .

    L-apparat għandu karatteristiċi u funzjonijiet ta' apparat għall-analiżi fiżika jew kimika (apparat għall-analiżi tal-gass jew tad-duħħan) tal-intestatura 9027 . Ara wkoll il-punt (8) tal-ewwel paragrafu tan-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (NSSA) tal-intestatura 9027 , li jkopri l-apparat għall-analiżi elettrika ta' gass jew duħħan għall-istabbiliment u l-kejl tal-kontenut tal-gass, użat għall-analiżi tal-gassijiet kombustibbli jew jinħarqu fi fran tal-kokk, ġeneraturi tal-gass, fran tal-blast, eċċ.

    Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9026 bħala strumenti jew apparat għal kejl jew iċċekkjar ta' ħruġ, livell, pressjoni jew kwantitajiet varjabbli oħra ta' likwidi jew gassijiet hija eskluża peress li l-istrumenti u l-apparati għall-analiżi fiżika jew kimika huma koperti aktar speċifikament bl-intestatura 9027 (ara wkoll l-esklużjoni (d) tal-ewwel paragrafu tal-NSSA tal-intestatura 9026 ).

    L-apparat huwa prodott kompost skont it-tifsira tar-Regoli Ġenerali għall-Interpretazzjoni 3(b) u għandu jiġi kklassifikat skont il-komponent li jagħti l-karattru essenzjali lill-prodott. L-individwar u l-kejl tal-ossiġenu f'gass jitqiesu bħala funzjoni li tagħti l-karattru essenzjali lill-apparat.

    Għalhekk, l-apparat għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 9027 10 10 bħala apparat elettroniku għal analiżi ta' gass jew duħħan.


    Top