Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1132

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1132 tat-13 ta' Awwissu 2018 li jawtorizza t-tibdil tad-denominazzjoni u tar-rekwiżit speċifiku tat-tikkettar tal-ikel ġdid żeaksantina sintetika skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    C/2018/5250

    ĠU L 205, 14.8.2018, p. 15–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1132/oj

    14.8.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 205/15


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1132

    tat-13 ta' Awwissu 2018

    li jawtorizza t-tibdil tad-denominazzjoni u tar-rekwiżit speċifiku tat-tikkettar tal-ikel ġdid żeaksantina sintetika skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li huwa biss l-ikel ġdid awtorizzat u inkluż fil-lista tal-Unjoni li jista' jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni.

    (2)

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) li jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' ikel ġdid awtorizzat, ġie adottat skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283.

    (3)

    Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2015/2283, il-Kummissjoni għandha tissottometti abbozz ta' att ta' implimentazzjoni li jawtorizza t-tqegħid ta' ikel ġdid fis-suq tal-Unjoni u l-aġġornament tal-lista tal-Unjoni.

    (4)

    Iż-żeaksantina naturali tagħmel parti mid-dieta normali tal-bniedem peress li tinsab f'ħafna frott u ħxejjex ħodor kif ukoll fl-isfar tal-bajd. Fil-preżent tintuża wkoll fis-supplimenti tal-ikel kif definit fid-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

    (5)

    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/49/UE (4) awtorizzat, f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), it-tqegħid fis-suq taż-żeaksantina sintetika bħala ingredjent ġdid tal-ikel fis-supplimenti tal-ikel b'konsum massimu sa 2 mg kuljum. Id-denominazzjoni taż-żeaksantina sintetika awtorizzata bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/49/UE fuq it-tikketti tal-oġġetti tal-ikel għandha tkun “żeaksantina sintetika”.

    (6)

    Fit-23 ta' Frar 2018, il-kumpanija DSM Nutritional Products Europe (“l-Applikant”) għamlet talba lill-Kummissjoni biex tawtorizza l-emenda tad-denominazzjoni u tar-rekwiżiti speċifiċi tat-tikkettar għaż-żeaksantina sintetika fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283. L-applikazzjoni titlob li jitħassar it-terminu “sintetika” mid-denominazzjoni tal-ikel ġdid kif elenkat fil-lista tal-Unjoni u mit-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li li fihom dan l-ikel ġdid.

    (7)

    L-applikant iqis li t-tibdil tad-denominazzjoni u tar-rekwiżiti tat-tikkettar taż-żeaksantina huma meħtieġa biex itaffu kwalunkwe impatt ekonomiku negattiv potenzjali li l-użu tat-terminu “sintetika” fuq it-tikkettar tas-supplimenti tal-ikel li fihom iż-żeaksantina sintetika jista' jikkawża minħabba l-konnotazzjoni negattiva tat-terminu “sintetika”. L-applikant jiddikjara wkoll li operaturi ekonomiċi li jqiegħdu fis-suq is-supplimenti tal-ikel li jkun fihom ikel ġdid sintetiku awtorizzat li ma jkollux it-terminu “sintetika” fuq it-tikketti tiegħu probabbilment ma jesperjenzawx dan it-tip ta' impatt ekonomiku negattiv potenzjali.

    (8)

    Hemm għadd ta' sustanzi sintetiċi li huma attwalment awtorizzati u elenkati fil-lista tal-Unjoni ta' ikel ġdid, li għalihom jeżistu l-kontropartijiet minn oriġini naturali, u ż-żewġ forom huma wżati fis-supplimenti tal-ikel. Madankollu dawk is-sustanzi sintetiċi mhumiex denominati bħala sustanzi sintetiċi fil-lista tal-Unjoni u mhumiex ittikkettati bħala tali. Il-tibdil fid-denominazzjoni u fit-tikkettar taż-żeaksantina sintetika ser jiżguraw konsistenza mad-denominazzjoni u mat-tikkettar ta' dawk is-sustanzi sintetiċi.

    (9)

    Ma hemm l-ebda tibdil fl-użijiet u fil-livelli tal-użu proposti taż-żeaksantina jekk tintuża bħala ingredjent fis-supplimenti tal-ikel, il-kunsiderazzjonijiet ta' sikurezza li jappoġġjaw l-awtorizzazzjoni taż-żeaksantina sintetika bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/49/UE jibqgħu validi u għalhekk din il-bidla ma toħloq l-ebda tħassib dwar is-sikurezza. B'kont meħud ta' dawn il-fatturi leġittimi, il-bidliet proposti huma konformi mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283.

    (10)

    L-implimentazzjoni tar-rekwiżit ġdid ta' tikkettar skont dan ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tista' tinvolvi bidliet għall-operaturi tan-negozju li attwalment iqiegħdu ż-żeaksantina sintetika fis-suq. Għalhekk, huwa xieraq li jkun previst perjodu tranżizzjonali.

    (11)

    Id-Direttiva 2002/46/KE tistabbilixxi r-rekwiżiti dwar is-supplimenti tal-ikel. Il-tibdil tad-denominazzjoni u tar-rekwiżit speċifiku tat-tikkettar għaż-żeaksantina jenħtieġ li jkun awtorizzat mingħajr preġudizzju għal dik id-Direttiva.

    (12)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   L-entrata fil-lista tal-Unjoni ta' ikel ġdid awtorizzat kif previst fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, li tirreferi għas-sustanza “żeaksantina”, għandha tiġi emendata kif speċifikat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    2.   L-entrata fil-lista tal-Unjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tinkludi l-kundizzjonijiet għall-użu u r-rekwiżiti tat-tikkettar stipulati fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    3.   L-awtorizzazzjoni prevista f'dan l-Artikolu għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/46/KE.

    Artikolu 2

    L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Is-supplimenti tal-ikel li fihom ż-żeaksantina sintetika u li jikkonformaw mar-Regolament (UE) 2015/2283 kif applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, jistgħu jitqiegħdu fis-suq sat-3 ta' Settembru 2019 u jistgħu jibqgħu fis-suq sakemm jispiċċaw l-istokkijiet.

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Awwissu 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta' Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).

    (3)  Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51).

    (4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/49/UE tat-22 ta' Jannar 2013 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq taż-żeaksantina sintetika bħala ingredjent ġdid tal-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 21, 24.1.2013, p. 32).

    (5)  Ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid (ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1).


    ANNESS

    Fit-Tabella 1 (L-ikel il-ġdid awtorizzat) tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 l-entrata għal “Żeaksantina” hija sostitwita b'dan li ġej:

    L-ikel il-ġdid awtorizzat

    Il-kundizzjonijiet li fihom jista' jintuża l-ikel il-ġdid

    Rekwiżiti tat-tikkettar speċifiċi oħrajn

    Żeaksantina

    Il-kategorija tal-ikel speċifikat

    Livelli massimi

    Id-denominazzjoni tal-ikel il-ġdid fuq it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li fihom minn dan l-ikel għandha tkun ‘Żeaksantina’”

    Supplimenti tal-ikel kif iddefiniti fid-Direttiva 2002/46/KE

    2 mg kuljum


    Top